Trasferiment tal-monti ta' Ta' Qali u twaqqif ta' Suq fil-lokalita' ta' San Ġwann
L-impenn tal-Gvern biex ikunu organizzati s-swieq qed iwassal ghal ħidma kordinata mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u diversi Kunsilli Lokali sabiex sa l-aħħar ta' din is-sena s-swieq kollha jkunu organizzati b'mod fejn kull posta f'kull suq rispettiv tkun allokata lill-bejjiegħa liċenzjati biex jarmaw fis-swieq.
Il-Gvern b'konsultazzjoni ma' dawk kollha kkonċernati fassal proċeduri ġodda skond kif jipprovdi l-Att dwar il-Kummerċ u l-Avviżi Legali li johorgu minnu li jirregolaw l-organizazzjoni tas-swieq kollha. Dawn l-Avviżi Legali li huma 102/2002 u 119/2002ser jiswew ta' għajnuna kemm għall-istess Kunsilli Lokali fit-tmexxija tas-swieq, kif ukoll ser ikunu ta' benefiċċju għall-istess bejjiegħa li jkunu allokati l-posta għaliex b'dawn ir-regolamenti l-ġodda, ser ikunu qegħdin igawdu minn drittijiet li s'issa qatt ma kellhom. Dawn ir-regolamenti juru wkoll x'inhuma l-obbligi tal-bejjiegħa li jkunu qegħdin jarmaw fis-swieq.
Permezz ta' dawn ir-regolamenti, il-Kunsilli Lokali qed jinghataw ir-responsabbilita’ li jorganizzaw is-swieq. Dan ifisser li l-Kunsilli Lokali ser ikunu qegħdin iħarsu kemm id-drittijiet tal-bejjiegħa, kif imsemmi fl-avviżi legali, kif ukoll iħarsu d-drittijiet tar-residenti li jkunu l-ġirien tas-suq rispettiv. Dawn ir-regolamenti ma żiedu l-ebda piz fuq il-bejjiegħa tas-swieq.
Wasalna issa sabiex bil-proċeduri kif stabbiliti f'dawn ir-regolamenti u l-Ligi, nittrasferixxu s-suq f'Ta' Qali minfejn qed jarma fil-prezent, ghal post ġdid. Wasalna wkoll biex inwaqqfu suq gdid f'San Ġwann.
Is-Suq ta' Ta' Qali ser jiġi ttrasferit għall-ispazju f'Ta' Qali stess, li huwa magħruf bħala l-aprons. Dan it-trasferiment qiegħed isir biex ikun konformi mad-Development Brief ta' Ta' Qali, li harget l-Awtorita' ta' l-Ippjanar (MEPA). Dan l-ispazju ser ikun jinkludi fih 198 posta.
Is-suq il-gdid ta' San Gwann ser ikun fih spazju ghal 38 posta u ser jintrama’ fi Triq L-Iskola u Pjazza Centawra.
Minn nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Ottubru, kif l-avviż ser ikun ippubblikat ukoll fil-Gazzetta tal-Gvern sa nhar l-Erbgha 30 ta’ Ottubru 2002 il-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard ser ikun qed jilqa' applikazzjonijiet minghand dawk li huma bejjiegħa lliċenzjati sabiex ikunu rreġistrati dawk kollha li huma nteressati japplikaw għall-posta biex ibiegħu minn dan is-suq. Fl-istess żmien, il-Kunsill Lokali ta' San Ġwann ser jilqa' applikazzjonijiet għal dawk kollha li jixtiequ jarmaw fis-suq ta’ din il-lokalita’ nhar ta' Sibt.
Fil-każ li jkun hemm aktar applikazzjonijiet minn kemm hemm posti, il-posti jkunu allokati bil-polza f’data li tithabbar aktar tard u hekk jintgħażlu b’mod trasparenti dawk il-bejjiegħa li jkunu jistgħu jarmaw f’dawn is-swieq.
Regola importanti li trid tkun segwita f’dawn il-proċeduri hija li kull min jersaq biex japplika, jrid jissottometti wkoll dikjarazzjoni bil-miktub li hu ma jarma fl-ebda suq ieħor fl-istess ġurnata u ħin li ser ikun qed jarma f'dawn is-swieq. Din il-proċedura qed issir sabiex min diġa qed jarma f'suq iehor fl-istess ġurnata u fl-istess ħin, ma jkunx jista' japplika biex jarma f'dawn is-swieq ġodda. B’hekk il-bejjiegħa kollha jkun qed jingħatalhom l-opportunita' fejn jarmaw.
Il-Gvern huwa mpenjat li jara li dawk kollha li qed tingħatalhom liċenzja tas-swieq fl-aħħar mill-aħħar ikollhom l-opportunita' li jaħdmu ta' bejjiegħa tal-monti fi swieq li għad iridu jiftħu ġodda.
Other Press Releases:
PR261936
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U MINISTERU GĦAS-SAĦĦA I...
PR261935en