Insaħħu Dak Li Bdejna Flimkien Għall-Ġid ta' Uliedna
Fil-ġimgħat li ġejjin se jsir tibdil fir-regoli tal-Kunsilli Skolastiċi u f'Jannar li ġej se jsiru l-elezzjonijiet ta' l-istess Kunsilli. Dan qalu l-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea waqt Konferenza Nazzjonali bit-tema "Insaħħu dak Li Bdejna Flimkien Għall-Ġid ta' Uliedna". Il-Konferenza hi waħda mill-attivitajiet li ġew organizzati fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskola li ħabat nhar it-8 ta' Ottubru 2002.
Il-presentazzjonijiet li saru waqt il-konferenza kienu jinkludu, l-edukazzjoni għall-ġenituri, kommunikazzjoni effettiva bejn l-iskola u d-dar, sehem il-ġenituri fit-twettieq tal-kurrikulu, u ħarsa lejn il-pass li jmiss f'dan il-kamp. Dawn it-temi huma kollha marbuta mas-sehem importanti li għandhom il-ġenituri kemm fl-edukazzjoni tat-tfal kif ukoll fit-tmexxijja ta' l-Iskola. Dawn huma wkoll temi ewlenin li nsibu fil-Kurrikulu Nazzjonali li jagħmel emfasi fuq ir-rwol u l-parteċipazzjoni tal-ġenituri. Fil-fatt wieħed mill-15-il Focus Groups qed jaħdem fuq il-"Parteċipazzjoni tal-Ġenituri". Il-Focus Groups twaqqfu biex, flimkien mal-Kunsill Nazzjonali għall-Kurrikulu, jappoġġjaw lill-Iskejjel fit-twettieq tal-140 mira tal-pjan strateġiku għat-twettieq tal-Kurrikulu.
Il-Konferenza kienet indirizzata mis-Sur Dominique Barrilles ll-President tal-European Parents Association (EPA) li dan l-aħħar laqgħet fiha bħala membru lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolatiċi (AKS). Id-delegati kellhom ukoll l-opportunita' jaqsmu esperjenzi mas-segretarja ġenerali ta' l-EPA li min-naħa tagħha tkellmet dwar esperjenzi Ewropej fuq din it-tema.
Is-Sur Frans Borg Direttur ta' l-Office of Review, li qed jorganizza l-konferenza, qal li l-livell ta' kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-ġenituri qiegħed dejjem jikber. Hu qal li l-AKS għandha taħdem biex issaħħaħ il-kapaċita' tagħha u twaqqaf fi ħdanha Forum għall-Ġenituri bl-iskop li l-vuċi tal-ġenituri tkun aktar mismugħa u rispettata. Is-Sur Borg ħabbar ukoll li il-proġett Ħilti u Id f'Id tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) ġie innominat għall-finali tal-ALCUIN Award - konkors prestiġjuż għall-pajjiżi Ewropej imtella mill-EPA. Madwar 22 pajjiż ikkompetew f'dan il-konkors u l-proġett Malti tal-FES wasal fil-finali ma' l-ewwel ħamsa.
Il-Ministru Louis Galea fisser kemm l-iskola u l-familja qed joqorbu dejjem aktar lejn xulxin. Il-Ministru qal li filwaqt li l-iskola trid issir dejjem aktar estensjoni tad-dar, id-dar ukoll trid issir estensjoni ta' l-iskola fis-sens li toffri ambjent fejn it-tfal ikunu jistgħu ikomplu jitgħallmu, jesploraw u jiskopru dejjem aktar. L-iskejjel u l-familji illum qed jiffaċċjaw realtajiet u problemi differenti mill-passat u jeħtieġu l-kollaborazzjoni ta' kull min hu involut fl-edukazzjoni biex jingħelbu.
Il-Ministru qal li kemm fit-tifsil tal-Kurrikulu Nazzjonali kif ukoll fid-diversi inizjattivi li qed iwettaq il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni jkun hemm kemm jista' jkun l-involviment u l-parteċipazzjoni tal-ġenituri flimkien ma' l-iskola. Il-Ministru semma il-programmi Ħilti u Id-f'Id tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES), programmi ta' wara l-ħin ta' l-iskola li, bl-għajnuna u l-involviment tal-ġenituri qed jgħinu lill-istudenti jirreġistraw progress kemm soċjalment u akkademikament. Hu semma wkoll it-tibdiliet li qed iseħħu permezz tal-proċess ta' deċentralizzazjoni fit-tmexxija ta' l-iskejjel. Il-Ministru qal li l-Kunsilli ta' l-Iskejjel huma element pożittiv u kull fejn il-kunsill ħadem l-iskola, u partikolarment it-tfal, ibbenefikaw ħafna.
Il-Ministru Galea qal li fil-ġimgħat li ġejjin ser isir tibdil fir-regoli tal-Kunsilli Skolastiċi. Il-Ministru tenna li dawn ir-regoli se jsaħħu lill-Kunsilli biex ikunu jistgħu jaħdmu aħjar. Il-Ministru semma li fost affarijiet oħra l-elezzjonijiet se jibdew isiru f'Jannar biex il-ġenituri jkollhom ċans jidraw l-iskola u lill-ġenituri l-oħra, u l-Kunsill se jkun jista' jaħdem għal sentejn biex jingħata aktar żmien għat-twettieq tal-programm tiegħu. Il-Ministru qal li f'Jannar li ġej se jsiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Skolastiċi.
Il-Ministru Louis Galea faħħar lil dawk kollha preżenti għall-impenn tagħhom favur l-edukazzjoni tat-tfal. Hu qal li l-attendenza f'din il-Konferenza Nazzjonali hi konferma oħra ta' l-impenn tal-ġenituri kif urew nhar it-Tlieta li għadda fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Ġenituri u l-Iskejjel. Hu qal li issa kulħadd, ġenituri u għalliema jeħtieġ jaħdem ħalli jkun hemm konkorrenza qawwija għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Skolastiċi f'Jannar li ġej għaliex aktar ma jkun hemm konkorrenza aktar ikun hemm Kunsilli b'saħħithom u li jagħtu vuċi importanti lill-ġenituri.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926