TAGHLIM B’XEJN TAL-KOMPJUTER U L-INTERNET GHALL-MALTIN KOLLHA
Frott ta’ politika ta’ Gvern li jaf fejn irid imur fil-ħolqien ta’ soċjeta inklussiva, minn Jannar, kull Malti ser ikollu e-mail address b’xejn.
Il-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt illum nieda l-inizjattiva myWeb, flimkien mal-Ministru tal-Edukazzjoni Dr. Louis Galea. “Permezz ta’ l-inizjattiva myWeb ser ngħallmu liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin, l-ħiliet bażiċi fl-użu tat-teknoloġiji ta’l-informatika, billi nagħmlu użu mill-klassijiet tal-internet fl-iskejjel tagħna wara l-ħin ta’ l-iskola”, fisser Dr. Gatt. Huwa kompla jfisser li flimkien mal-MCAST ġie żviluppat kurriklulum intiż għall-dawk li qatt ma raw jew missew kompjuter b’idejhom, u li wara l-20 siegħa ta’ taħriġ dawn jkunu jafu jużaw il-kompjuter, jikkomunikaw permezz ta’l-email, u jinnavigaw fl-Internet.
Dr. Gatt qal li llum fid-dinja hawn 559 miljun ruħ li għandhom aċċess regolari għall-internet. F’Malta l-ammont ta’ djar li għandhom aċċess għal-Internet huwa 50,000.
Madanakollu, l-qasma diġitali hija realta globali li jista’ jkollha effetti f’pajjiżna wkoll. Ridna noqogħdu attenti li minħabba l-fatt li iktar ma dawn it-teknoloġiji jinfdu kull parti tal-ħajja tagħna, jikber ir-riskju li nħossu l-effetti ta’ din il-qasma.
Il-Gvern ħoloq il-Kummissjoni eMalta, mix-xejn bil-għan li din il-qasma ma tinbdilx f’purtiera tal-ħadid li tifred lil dawk li jafu minn dawk li ma jafux jużaw dawn it-teknoloġiji.
Il-Ministru Gatt, fakkar kif il-Kumissjoni eMalta bdiet topera sena ilu, bi pjan strateġiku, li kien meqjus minn ħafna bħala wieħed ambizzjuż ħafna. Żewġ għanijiet tal-Kummissjoni kienu, il-ġlieda kontra l-qasma diġitali (digital divide) u it-tisħiħ tal-edukazzjoni fl-informatika fil-livelli kollha tas-soċjeta.
Il-Ministru Gatt spjega li player important li jispikka fiż-żewġ għanijiet huma l-Kunsilli Lokali li “kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Ministeru tiegħi jemmnu li r-rwol tagħhom f’dan il-qasam huwa wieħed kruċjali”. Dr. Gatt kompla li wara li flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ġiet imfassla politika elettronika lokali, il-Kunsilli Lokali kollha, għax jemmnu fil-validita ta’ din il-politika, daħlu fi ftehim kuntrattwali mal-Kummissjoni u mal-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali. Il-Ministru Gatt fisser li l-għan ta’ din il-politika huwa li jingħata aċċess lil min m’għandux, filwaqt li nipprovdu l-ħiliet bażiċi li min irid jitgħallem. Madanakollu l-Gvern ried li dan kollu jsir b’mod inklussiv iżda f’qafas sostenibbli.
Dr. Gatt fisser il-jum tal-lum bħala jum li fih “waħda mill-ħolmiet politiċi tiegħi issir realta’.”
Dr. Gatt ħabbar ukoll li kull persuna li ser tlesti b’suċċess dan it-taħriġ bażiku, ser nagħtuha, eMail Box permanenti, u kont ta’l-Internet permanenti b’numru ta’ siegħat mħallsa. Dan kollu grazzi għall-Internet Service Provider li ser jintagħżel fil-jiem li ġejjin.
Dr. Gatt saħaq li ma aħniex ser nieqfu hawn. B’risposta għal dawk li jaħsbu li l-Gvern m’għandux enerġija, mifxul, jew f’paniku, il-Ministru Gatt fisser il-pjan li l-Gvern għandu f’dan il-qasam, pjan li huwa intenzjonat li dan il-programm jilħaq aktar u aktar nies. Fost l-inizjattivi f’dan ir-rigward, il-Ministru Gatt irrefera għall-fatt li dan il-Course ser jiġi adattat għat-televiżjoni biex jkun jista’ jintwera fuq stazzjonijiet televiżivi, ser jiġi adattat għall-anzjani u l-persuni b’diżabilita u minn Novembru ser nagħtu aċċess għal-Internet b’xejn u lil kullħadd.
Pass ieħor li ser jieħu dan il-Gvern huwa t-twettieq ta’ wegħda elettorali oħra tal-Partit Nazzjonalista, dik li f’ Jannar nagħtu s-servizz tal-email b’xejn lil kullħadd. Dan minbarra inizzjattivi oħra relatati mal-proġett tal-e-Government.
Il-Ministru Gatt rringrazzja lil Ministru Louis Galea u l-Ministeru ta’l-Edukazzjoni għall-viżjoni u l-appoġġ kontinwu li ta lil dan il-proġett u li mingħajru żgur ma konniex naslu. Huwa rringrazzja wkoll lil MCAST b’mod partikolari li Juan Borg Manduca, id-Direttur tad-Dipartiment tal-ICT. Ringrazzjament ieħor mar lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u lill-Kumissjoni eMalta, li ħolqot, bniet u qed twettaq dan il-proġett.
Fi tmiem id-diskors tiegħu il-Ministru Gatt saħaq li l-qasmiet soċjali huma realta, la jiddpendu mill-Gvern u lanqas mill-Oppożizzjoni, iżda iktar ma jgħaddi żmien qegħdin dejjem jiddependu fuq il-fenomenu tal-globalizzazzjoni. Il-Ministru Gatt saħaq fuq l-importanza tar-rwol li għandhom il-pariti politiċi., u kkritka l-fatt li l-Oppożizzjoni hija għal kollox assenti minn dan il-qasam. Huwa fisser id-differenza bejn il-partiti bħala abbiss.
Il-Ministru Gatt fisser din l-inizjattiva bħala l-akbar arma biex “neqirdu mill-egħruq din il-qasma.”
Minn naħa tiegħu l-Ministru ta’l-Edukazzjoni Louis Galea, fisser l-importanza ta’ din l-inizjattiva fil-kuntest tal-għan tal-Gvern li jfassal xibka ta’ edukazzjoni inklussiva. Il-ministru Galea faħħar ukoll, is-sinerġija li nibtet u li qed tagħti l-frott bejn iż-żewġ Ministeri, sinerġiji li qed jagħtu l-frott. Huwa faħħar ukoll il-mod li bih il-Ministeru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali qed joħloq is-sinerġiji neċessarji fi ħdan il-Gvern biex jiġi moderniżżat il-mod li bih jaħdem il-Gvern.
Dr. Galea fiehem kif fl-1994, il-Gvern Nazzjonalista kien ħa żewġ inizjattivi, in-National Strategy for Information Technology tal-Gvern, u fil-Ministeru tal-Edukazzjoni nibtet l-inizjattiva b’risq edukazzjoni inklussiva.
Il-Ministru Galea, qal li f’ dawn l-aħħar tliet snin, saret rivoluzzjoni kbira b’ pass imgħaġġel f’ pajjiżna.
Il-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid jaħseb biex l-iskejjel tagħna ma jibqgħux torrijiet tal-avorju maqtugħin mill-kommunita, imma jsiru skejjel tal-kommunita. Dr. Galea semma l-passi li ttieħdu biex l-iskejjel jinfetħu iktar, u biex l-investiment massiv li sar fl-iskejjel, jibqa jrendi wara l–ħin li jagħlqu l-iskejjel. Dr. Galea semma kif f’dawn l-aħħar snin intefqu iktar minn tmien miljun lira fl-iskejjel tagħna. Dan wassal biex f’ Malta għandna kompjuter għal kull sebgħa studenti, minbarra li kull student għandu l-email address tiegħu, u l-webspace tiegħu.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928