UZU AHJAR MILL-ART
Il-Ministru għall-Ambjent Francis Zammit Dimech qal li l-bejgħ ta' proprjeta' f'dawn l-aħħar tliet snin kompla jikber. Flimkien ma' din iż-żieda fil-bejgħ ta' proprjeta', kien hemm ukoll titjib fl-industrja tal-kostruzzjoni sew minħabba proġetti kapitali li qed jitwettqu, kif ukoll minħabba żieda fil-bini mill-privat. Dan kollu qed iwassal biex madwar terz ta' l-investiment kollu ta' pajjiżna qed imur fis-settur tal-kostruzzjoni.
Waqt li kien qed jipprezenta "warrants" lill-periti u inginiera godda fi Projects House, fil-Furjana, il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li s-settur tal-kostruzzjoni jagħti xogħol full-time lil aktar minn 6,400 persuna. Iħaddem ukoll eluf oħra part-time. Qal li mill-kisba ta' l-Indipendenza 'l hawn, inbniet l-infrastruttura mill-ġdid, inbnew oqsma industrjali f'diversi partijiet ta' Malta u Għawdex, inbnew lukandi ta' kull klassi, blokki ta' appartamenti għat-turisti u eluf ta' djar għall-Maltin. Hu qal li s-settur tal-kostruzzjoni kien mutur ekonomiku u anke barometru ta' kif tkun sejra l-ekonomija nazzjonali.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li fost dawk li jagħtu sehem importanti lil dan is-settur hemm il-periti u l-inġiniera. Qal li dawn huma responsabbli mhux biss għall-ippjanar iżda wkoll biex jitwettaq ix-xogħol proprju; u biex fl-aħħar mill-aħħar il-proġetti li jitwettqu jkunu ta' l-ogħla livell u jinkorporaw fihom mhux biss il-kumditajiet li wieħed jistenna fid-dinja tal-lum, iżda wkoll is-sigurta' kollha meħtieġa.
Francis Zammit Dimech qal li fl-istadju ta' l-ippjannar il-periti u l-inġiniera kellhom iħarsu qabel xejn lejn l-art limitata li għandna. Hu fakkar li l-art f'pajjiżna hi magħmula minn
· 34.9 fil-mija ta' art agrikola;
· 4.2 fil-mija ta' art miksija bis-sigar;
· 22 fil-mija art mibnija;
· 0.5 fil-mija ta' art bl-għadajjar; u
· 38.4 fil-mija ta' art mogħxa li mhiex maħsuba għall-iżvilupp
B'popolazzjoni ta' 400,000 persuna, li tinkludi residenti barranin, id-densita' tal-popolazzjoni f'pajjiżna hi tmien darbiet aktar mill-medja preżenti fl-Unjoni Ewropea.
Il-ħtiġiet ta' akkomodazzjoni tal-poplu Malti flimkien mal-ħtiġiet industrjali, turistiċi, infrastrutturali, edukattivi u oħrajn jagħmlu pressjoni fuq l-art limitata li għandna. Dan ipoġġi fuq il-periti, l-inġiniera u persuni oħra involuti fl-ippjanar il-piż li jippjanaw tajjeb, li jużaw mill-inqas art u li mill-art jsir l-ikbar u l-aħjar użu.
Francis Zammit Dimech qal li l-poplu kien qed isir dejjem aktar konxju mill-ambjent madwaru u allura anke l-ħarsien ta' l-ambjent, u kif il-bini jolqot lill-ambjent, ipoġġi restrizzjonijiet fuq l-iżvilupp u l-użu ta' l-art.
Il-Ministru għall-Ambjent qal li f'dawn l-aħħar għaxar snin dħalna f'fażi ġdida ta' ippjanar li wasslet għal politika aktar effettiva u iżjed integrata fl-ippjanar. Hu qal li kien b'dan l-iskop li l-Gvern waqqaf l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li qed tħares li fi kwalunkwe ippjanar li jsir u fi kwalunkwe permessi li jinħarġu jkun hemm bilanċ bejn l-iżvilupp u ħarsien ta' l-ambjent. Il-Ministru għall-Ambjent qal li f'dan l-isfond ried jappella biex f'kull livell ta' ippjanar jingħata aktar piż lil-landscaping u li dan għandu jifforma parti dejjem akbar mill-ippjanar tal-bini madwarna.
Francis Zammit Dimech qal li mira oħra li rridu nilħqu fil-proġetti li nippjanaw u nwettqu kien dak ta' l-iżvilupp sostenibbli. Hu fakkar li l-Att dwar il-Ħarsien ta' l-Ambjent 2001 kien jinkludi il-ħolqien ta' Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli, preseduta mill-istess Prim Ministru.
Huwa qal li anke l-periti u l-inġiniera kellhom sehem importanti x'jagħtu għall-izvilupp sostenibbli f'pajjizna l-aktar fejn jidhol is-settur tal-kostruzzjoni.
Hu qal li f'pajjizna hawn eluf ta' djar u appartamenti vojta u mitluqa. Fakkar li b'ippjanar tajjeb ħafna minn dawn id-djar antiki setgħu jinbidlu fi djar moderni bil-kumditajiet kollha meħtieġa mingħajr ma jintmissu l-karatteristiċi tagħhom. Francis Zammit Dimech qal li din kienet sfida oħra li għandhom quddiemhom il-periti u l-inġiniera fil-ħidma li rridu nwettqu flimkien biex inkomplu niżviluppaw mingħajr ma nieklu aktar mill-art li baqgħalna.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din kienet it-tieni darba li l-periti kienu qed jingħataw l-warrant skond l-liġi l-ġdida li daħlet fis-seħħ f'Ottubru 1999.
Fakkar li l-Bord tal-Warrant tal-Periti, li twaqqaf skond din il-liġi, kien għamel diversi suġġerimenti dwar it-taħriġ li għandhom jingħataw l-istudenti fil-preparazzjoni għall-professjoni tagħhom.
Dakinhar il-Bord kien irrakomanda illi l-istudenti għandhom jingħataw exposure fl-oqsma tal-professjoni tagħhom fosthom fid-disinn arkittetoniku, kif ukoll fl-istrutturi, costings, tenders, evalwazzjoni ta' proprjeta', preparazzjoni ta' rapporti, rappreżentazzjonijiet quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u xogħol fuq is-sit.
Qal li kien ta' pjaċir jinnota li fir-rapport tieghu l-Bord ta' l-Ezaminaturi ghall-Ghoti tal-Warrat ta' Perit "osserva li l-esperjenza professjonali li kisbu sitta u tletin persuna eżaminata kienet ferm aktar wiesa' minn dik tal-grupp eżaminat is-sena l-oħra.
Dan fis-sens li l-persuni eżaminati kellhom esperjenza mifruxa aktar. Dan irriżulta kemm mil-log-book sottomess ghall-konsiderazzjoni tal-Bord kif ukoll mill-eżami orali."
Meta rrefera għall-professjoni ta' l-inginiera, qal li l-Bord ta' l-Inġiniera kien sodisfatt li l-livell ta' l-inġiniera li kienu se jingħataw il-warrant kien wieħed għoli. Qal li dan kien jawgura tajjeb għal din il-professjoni. Francis Zammit Dimech qal li kien ta' pjaċir iħabbar li kien identifikat Engineering Executive u fi żmien qasir kien se jibda jagħti s-servizzi tiegħu lill-Bord.
Huwa qal ukoll li bħalissa kien qed jiġi studjat il-Malta Standards Authority Act biex ikun magħruf kif dan jaffetwa l-professjoni ta' l-inġiniera. Hu qal li ħafna standards jinħarġu mill-Malta Standards Authority u li dawn iridu jkunu ċertifikati minn Inginiera li jkollhom il-Warrant. Qal li kien għalhekk imperattiv li jsiru konsultazzjonijiet mal-Malta Standards Authority biex l-istandards li jkunu ippublikati jkunu dawk li jistgħu jiġu ċertifikati.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech awgura kull suċċess fil-professjoni tagħhom lill-35 perit u lil 51 inġinier li kienu qed jingħataw il-warrant.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN