L-ISBAH ĊANS GĦAL GARANZIJA TA’ SIGURTA`
“L-għażliet politiċi li ser nagħmlu s-sena d-dieħla ser jagħmlu, jew iżarmaw, il-fażi li jmiss ta’ l-iżvilupp ta’ pajjizna. Aħna konvinti li l-ġenju, l-intelliġenza, l-ħiliet u l-potenzjal tal-Maltin jeħtieġu l-isfida ta’ l-ispazju akbar ta’ l-Unjoni Ewropea biex jifjorixxu sal-milja tagħhom. M’hemmx dubju li dan jissarraf f’xogħol, prosperita` u sliem għal uliedna u l-familji tagħhom."
Dan sostnieh l-Onor. Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, meta llejla inawgura Seminar ta’ tlitt ijiem fil-Crowne Plaza Hotel, Sliema, bit-tema "European Integration, Xenophobia, Active Citizenship and Adult Learning". Għas-Seminar qed jattendu il-Koordinaturi tal-Programm tal-UE Grundtvig minn diversi pajjizi Ewropej.
Il-Ministru Galea fisser li l-Gvern Malti qed joffri viżjoni ċara u konkreta li issa tinsab pass biss il-bogħod milli titwettaq. Ir-riżultati konkreti pożittivi tad-direzzjoni u leadership li offra l-Gvern f’dawn l-aħħar erbgħa snin huma diġa` sinjal ċar tal-frott akbar li l-Maltin jaħsdu meta jagħżlu li jieħdu posthom bi dritt fit-tmexxija u l-iżvilupp ta’ l-Unjoni Ewropea. Louis Galea qal li Malta għandha bżonn u tapprezza kull għajnuna finanzjarja.
Iżda l-istorja ekonomika u soċjali ta’ Malta fl-aħħar ħamsin sena uriet li l-progress u l-prosperita` vera seħħew bis-saħħa ta’ l-inizjattiva u r-riżorsi tal-Maltin li b’kuraġġ u fiduċja ħatfu kull sfida u opportunita` li ġiet quddiemhom. Il-Ministru Galea qal li hu jemmen li darba inkunu fl-Unjoni Ewropea l-Maltin ser ikunu fost l-aktar kapaċi biex jaħdmu l-għalqa l-ġdida bi bżulija u għaqal. Ta’ dan huma ser ikunu rispettati u ammirati mill-Ewropej kollha.
"Jekk il-Maltin u l-Ghawdxin urew diġa` din il-kapaċita` meta kellhom jitbiegħdu fl-Awstralja, l-Amerika, l-Kanada u postijiet oħra, żgur mhux ser jonqsu li jirnexxu fuq skala akbar minn ġo darhom stess meta jkunu ċittadini attivi ta’ l-Unjoni Ewropea,” kompla Louis Galea.
Il-Ministru Louis Galea qal li s-sehem ta’ Malta s’issa fil-Programmi Edukattivi Ewropej juri l-kapaċita` tal-Maltin li jisfruttaw favurhom l-isfidi u l-opportunitajiet li jiltaqgħu magħhom. “F’dawn il-programmi il-Maltin bdew b’ċertu prudenza u beżgħanin li fil-finanzi se jmorru minn taħt. Il-fatti urew li fis-sentejn li issa ilna nieħdu sehem spiċċajna f’pożizzjoni ta’ leadership f’diversi proġetti u qlibna l-bilanċ finanzjarju bil-bosta favur tagħna.
Dan hu eżempju żgħir tal-benefiċċji li l-Maltin jiksbu mhux tant bl-għajnuna finanzjarja diretta li tista` tingħata, daqskemm bil-parteċipazzjoni diretta u dinamika fis-suq enormi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Hekk kif ġara fl-istorja tal-Maltin s’issa, il-fidi tagħna għandna inpoġġuha l-ewwel u qabel kollox f’dak kollu li jiddependi minna direttament. Is-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea ma tfisserx induru l-Ewropa bil-kopp nittalbu l-karita`. Tfisser li aħna inkunu fis-suq bi dritt u bla ħadd ma jista` jfixkilna milli b’mod ħawtiel niġġeneraw prosperita` għal uliedna u l-familji tagħna. B’hekk inkunu ksibna l-aqwa valur miżjud li qatt nistgħu nimmaginaw f’kull qasam tal-ħajja tagħna," sostna l-Ministru Galea.
Il-Ministru Louis Galea fisser li Malta hi ħerqana biex tara t-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea jseħħ. "Malta temmen li dan ser iġib aktar paċi u sigurta` għal popli Ewropej kollha. Iżda Malta b’mod partikolari għandha interess vitali li sa fl-aħħar tankra is-sigurta` tagħha bl-aktar mod sod, ċar u li jirrendi. Malta m’għandiex biex taffaċċja it-theddid u l-perikoli għall-paċi u l-prosperita` tagħha waħedha. Il-mewġa ta’ immigranti illegali diġa` hi sinjal tad-diffikultajiet li jkollna biex nilqgħu għal sitwazzjonijiet diffiċli. U dan hu biss aspett wieħed tal-komplessita` tax-xenarju li Malta trid taffaċċja f’nofs ta’ baħar bejn tlitt kontinenti. Gvernijiet Maltin differenti ilhom għal dawn l-aħħar ħamsin sena jippruvaw jagħtu lill-poplu Malti garanzija kredibbli ta’ sigurta`. Huwa ċar li għandna l-isbaħ ċans li din il-garanzija insibuha bħala membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Louis Galea kompla jgħid li Malta trid ukoll tara l-pajjiżi ta’ l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant membri ta’ l-Unjoni Ewropea biex b’hekk anke dawn jiksbu il-garanzija ta’ paċi, sigurta` u prosperita`. “Meta l-Unjoni Ewropea tikber b’għaxar membri oħra, b’popolazzjoni ta’ miljuni, ser jirbaħ kulhadd – dawk li diga` huma membri, il-membri ġodda, u l-bqija tad-dinja. L-Unjoni Ewropea ser tiżviluppa f’wieħed mill-akbar swieq dinjin mibni mhux sempliċiment fuq il-valur tal-flus daqskemm fuq il-valuri tad-dinjita` tal-bniedem li jeħtieġ il-liberta`, id-demokrazija u s-solidarjeta` biex jiffjorixxi u jipprospera."
Louis Galea qal li dawn huma l-kondizzjonijiet essenzjali biex jiġi assigurat li ħadd ma jiġi emarġinat, u biex jixejjnu r-razziżmu u x-xenofobija. Il-Ministru spjega kif Malta qed tirriforma s-sistema edukattiv tagħha skond Kurrikulu Nazzjonali ġdid. “ Issa qed isir xogħol ukoll biex nadottaw strateġija ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja. B’hekk Malta jkollha strateġija konsistenti ta’ sistema edukattiv fejn iż-żewġ fażijiet, dik ta’ bejn tlieta u sittax il-sena koperta mill-Kurrikulu Nazzjonali, u dik ta’ l-edukazzjoni tul il-bqija tal-ħajja, jkunu mibnija fuq prinċipji u valuri umani li jagħmlu mill-Maltin cittadini attivi f’kull progress ekonomiku, soċjali u kulturali," sostna Dr Galea.
Il-Ministru Louis Galea faħħar is-sehem ta’ Malta fil-programm GRUNDTVIG b’diversi proġetti li jinkwadraw ruhhom fit-tematika ta’ inizjattivi kontra l-emarginazzjoni permezz ta’ edukazzjoni għall-adulti u ċittadinanza attiva. Dr Galea qal li l-Maltin fasslu u qed iwettqu ma’ sħabhom Ewropej proġetti diversi, fosthom dawk dwar is-Sostennibilita` Ambjentali, il-Proċess Interkulturali, l-Ugwaljanza tas-Sessi, l-Illiteriżmu u l-Involviment tal-Ġenituri, l-Edukazzjoni għall-Ħabsin. “Malta temmen li l-iżviluppi ta’ l-għodda edukattiva tat-tagħlim tul il-ħajja għandha titwassal b’urġenza f’kull grupp soċjali tal-kontinent Ewropew. B’hekk l-emarginazzjoni tiġi attakkata b’mod determinat kemm jista` jkun fl-għeruq tagħha.
Dawn huma l-iżviluppi li jgħinu l-bniedem jikseb il-ħiliet bażiċi biex ikun ċittadin attiv sew fis-suq tax-xogħol, bil-flessibilita` u l-mobilita` li jġib miegħu, kif ukoll fl-oqsma soċjali u kulturali. B’hekk kull individwu jaħdem biex jinseġ xibka ta’ identita` u solidarjeta` fejn il-familja, l-iskola u l-post tax-xogħol ikunu aġenti b’saħħithom u umani għall-akbar tgawdija tal-ħajja." Louis Galea temm jgħid li dawn għandhom ikunu elementi importanti fit-twettiq tal-ġustizzja soċjali.
Fis-sessjoni inawgurali tkellmu wkoll is-sur Ronnie Micallef, Direttur tal-British Council f’Malta u Dr Joseph Mifsud, iċ-Chairperson tas-Socrates f’Malta. Is-Seminar ser jiġi indirizzat minn Sue Waddington tan-NIACE u minn Prof. Alistair Ross taċ-CICE, it-tnejn mir-Renju Unit.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928