KUMITAT FESTI NAZZJONALI: MALTA TFAKKAR LIL POETA NAZZJONALI DUN KARM
Ix-xahar ta’ Ottubru huwa marbut mat-twelid u l-mewt tal-poeta nazzjonali Malti Dun Karm. Infatti Dun Karm twieled f’ Ħaż-Żebbuġ nhar it-18 ta’ Ottubru, 1871 u miet ukoll fl-istess xahar fl-Isptar Blue Sisters, San Ġiljan, nhar it- 13 ta’ Ottubru, 1961.
Il-Gvern Malti permezz ta’ l-Ghaqdiet tal-Malti nhar it-22 ta’ Ottubru, 2000 fakkar b’mod permanenti lil dan il-poeta bil-kxif ta’ mafkar apposta fil-Furjana. Minn dik is-sena ’l hawn ta’ kull sena matul ix-xahar t’ Ottubru beda jitfakkar dan il-poeta li għamel gieħ lin-nazzjon Malti.
Minn din is-sena, il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ddelega lill-Kumitat Festi Nazzjonali biex flimkien ma’ l-Għaqdiet tal-Malti, għall-aħħar t’Ottubru, jfakkru lil dan il-poeta.
Ghal din is-sena ġie mhejji programm ta’ attivitajiet li jikkonsisti f’dan li ġej –
- Qed jinkitbu diversi artikli fuq il-gurnali u rivisti oħra.
- Il-Gimgha 18 t’ Ottubru, 2002 fin-12.30 ta’ wara nofs in-nhar l-Iskola Sekondarja tas-Subien
“Dun Karm” ta’ Ħaż-Żebbuġ tfakkar lill-poeta nazzjonali fis-sala ta’ l-iskola b’diskors mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni l-Onor Louis Galea, u mill-Kap ta’ l-Iskola. Se jinqraw uhud mill-poeziji ta’ l-istess poeta mit-tfal ta’ din l-iskola. Fis-1.00 ta’ wara nofs in-nhar, il-Ministru flimkien ma’ membri tal-Kumitat Festi Nazzjonali, il-Kap ta’ l-Iskola u rapprezentanti ta’ l-istudenti jmorru maġenb il-Mafkar ta’ Dun Karm fi Triq Sciortino, Ħaż-Żebbuġ, fejn jitqiegħdu fjuri mal-mafkar u jitkanta l-Innu Nazzjonali. - Il-qofol ta’ dawn l-attivitajiet jsiru l-Ħadd 20 ta’ Ottubru, 2002 quddiem il-Mafkar tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm fil-Furjana, fil-ħdax ta’ filgħodu. F’din iċ-ċerimonja, li għaliha se jattendu diversi personalitajiet distinti, għalliema tal-Malti u mistiedna oħra se jkun hemm qari ta’ poeziji min tfal ta’ skejjel, interventi mużikali mill-Johan Strauss School of Music Chamber Orchestra, u jsir diskors ta’ l-okkażjoni mill-President ta’ l-Għaqda Poeti Maltin is-Sur Alfred Massa. Fi tmiem din it-tifkira jitqieghdu bukketti ta’ fjuri fuq il-mafkar u jsir diskors ta’ l-egħluq mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor Louis Galea. Il-pubbliku in generali hu mistieden għal din it-tifkira. Din l-attivita’ hi maħsuba li tigi mxandra wkoll fuq l-istazzjon Education 22.
Il-Kumitat Festi Nazzjonali flimkien ma’ l-Għaqdiet tal-Malti qed jieħdu ħsieb ukoll li jippubblikaw id-diskors kommemorattiv li se jsir dak in-nhar mis-Sur Alfred Massa, flimkien ma’ bijografija ta’ l-istess Poeta Nazzjonali Dun Karm. Dan il-ktejjeb b’mod partikolari jkun ta’ siwi għall-istudenti Maltin. Kopji ta’ dan il-ktejjeb ikunu jistgħu jinkisbu mill-Kumitat Festi Nazzjonali dak in-nhar stess waqt din it-tifkira.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261928