Iċ-Ċentru ta’ l-M.C.A.S.T. f’Għawdex jilqa’ l-ewwel studenti tiegħu
"Hekk kif is-sena l-oħra l-MCAST fetaħ il-bibien tiegħu għall-ewwel darba f’Malta, min-naħa tiegħi ħdimt bis-sħiħ sabiex anki f’Għawdex jiġu offruti korsijiet sabiex l-istudenti Għawdxin ma jkollomx żvantaġġ f’dan ir-rigward meta mqabblin ma’ sħabhom f’Malta.” Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono meta dalgħodu ndirizzat lill-istudenti li matul din il-ġimgħa bdew jattendu l-ewwel sena ta’ korsijiet li ċ-Ċentru ta’ l-MCAST f’Għawdex qiegħed joffri.
Dan l-ewwel Ċentru tal-MCAST f’Għawdex qiegħed joffri pakkett ta’ korsijiet li qed jagħmel il-korsijiet vokazzjonali ta’ dan il-kulleġġ aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ u adulti Għawdxin. B'hekk Għawdex ser ikollu mhux biss iċ-Ċentru ta' l-Universita' iżda wkoll iċ-Ċentru ta' l-MCAST li hu maħsub li fuq firxa ta' snin jiżviluppa f'Kulleġġ ta' l-għola kwalita'.
"Matul is-sena li għaddiet, jiġifieri fl-ewwel sena ta’ l-operat tiegħu, l-MCAST offra l-korsijiet f’Għawdex miċ-Ċentru tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fir-Rabat għall-iStudji Avvanzati, Sir Mikelanġ Refalo. Issa l-korsijiet ser jiġu offruti mill-Campus ta' l-MCAST f'Għawdex li ġie organizzat fil-Kumpless ta’ l-Iskejjel fix-Xagħra.
Matul l-aħħar xhur saret ħidma intensiva sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa u issa dan iċ-Ċentru jista’ jibda jilqa’ l-ewwel studenti tieħgu. Iċ-Ċentru se jkollu faċilitajiet estensivi f'wieħed mill-blokki tal-Kumpless fix-Xagħra. Sar xogħol biex iċ-Ċentru ta' l-MCAST f'Għawdex ikun mgħammar b'dawk il-faċilitajiet li huma meħtieġa biex il-Kulleġġ iħarreġ u jeduka zgħazagħ u adulti fil-korsijiet li se jiġu organizzati f'Għawdex," kompliet il-Ministru Debono.
Il-Ministru Giovanna Debono qalet li b'dan il-pass qed tkompli titwettaq il-politika li jħaddan il-Ministeru għal Għawdex, li jsir dak kollu possibbli biex l-Għawdxin ikollhom l-aħjar opportunitajiet f'Għawdex stess. Il-Ministru semmiet kemm din il-politika qed tħalli frott fil-qasam edukattiv u dak tax-xogħol.
Dan jidher fin-numru dejjem jiżdied ta’ studenti ta’ kull eta’ li qed jattendu ċ-Centru ta’ l-Univerista’ ta’ Malta f’Għawdex, iċ-Ċentru għal Studji Avvanzati Sir M. A. Refalo, kif ukoll l-iskejjel ta’ l-Arti, Mużika u Drama u fl-impenn sħiħ li jinġieb Għawdex il-back office work ta’ diversi dipartimenti.
Għas-sena skolastika li jmiss ser jiġu offruti numru ta’ korsijiet li erbgħa minnhom qatt ma kienu offruti f’Għawdex qabel. Il-korsijiet il-ġodda huma:
- MCAST Foundation Course fl-Elettronika
- Kors ta’ Tekniku fid-Draughtsmanship
- Diploma Nazzjonali fl-Istudji tal-Komputer
- Ċertifikat fir-Retaling
Il-Ministru Debono temmet id-diskors tagħha billi awgurat lill-istudenti preżenti suċċess fil-karriera ta’ l-għażla tagħhom fil-waqt li rringrazzjat lill-manger taċ-centru, lill-għalliema u l-istaff amministrattiv għall-impenn tagħhom favur l-edukazzjoni f’Għawdex.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926