Għajnuna finanzjarja għal min ikabbar il-patata
Dawk il-bdiewa li jkabbru l-patata, kemm għas-suq lokali kif ukoll għall-esportazzjoni, se jibdew jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Gvern b’seħħ minn din is-sena. L-għajnuna li se tibda titħallas se tammonta għal Lm10 kull tomna raba’ miżrugħa u l-ewwel ħlas se jkun għall-patata li tkabbret għar-rebbiegħa ta’ din is-sena. Fil-gżejjer Maltin hu stmat li madwar 16,000 tomna raba’ jintużaw għat-tkabir tal-patata.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikultura u Sajd Ninu Zammit meta l-bierah kellem lil bdiewa u membri oħra tal-pubbliku li attendew għal laqgħa dwar it-tkabbir u l-ippriservar taż-żebbuġ. Il-laqgħa, organizzata mit-Taqsima tas-Servizzi Agrikoli u Żvilupp Rurali, saret fil-masġar taż-żebbuġ tas-Sur David Debono f’San Anard, limiti ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-Ministru Zammit qal li l-għajnuna li se tingħata fuq il-produzzjoni tal-patata hi pakkett speċjali ta’ Lm70 miljun li tħejja għas-settur agrikolu bl-iskop li l-bdiewa u r-raħħala jibqa’ jkollhom dħul xieraq u ġust u biex ikunu wkoll megħjuna jirristrutturaw l-operat tagħhom.
Hu żied li s-settur tat-tkabbir tal-patata f’pajjiżna hu meqjus bħala wieħed strateġiku minħabba l-importanza tal-patata esportata u l-popolarità li tgawdi l-patata fost il-konsumatur Malti. Hu fakkar li f’pajjiżna jitkabbru madwar 30,000 tunnellata patata fis-sena, li kważi 7,000 tunnellata minnhom ikunu esportati.
Il-Ministru Zammit qal li biex il-bdiewa jkunu jistgħu jibdew jirċievu din l-għajnuna għandhom jimlew formola apposta li tista’ tinkiseb minn xi wieħed mill-uffiċċji ta’ l-Extension Service, mill-Pitkalija f’Malta, mill-Pitkalija f’Għawdex jew mill-Ministeru għal Għawdex.
Hu semma wkoll li qed jitħejja pakkett ta’ marketing aid biex jinkoraġġixxi titjib fil-preżentazzjoni tal-patata fis-suq lokali.
Il-Ministru Zammit irrifera wkoll għall-ħidma li qed tkompli ssir biex is-settur tal-biedja f’pajjiżna jissaħħaħ u jkun sostenibbli billi, fost l-oħrajn, ikun hemm ukoll diversifikazzjoni fil-produzzjoni agrikola. Hu wera s-sodisfazzjoni tiegħu li l-isforzi li qed isiru mill-Gvern biex tingħata spinta lit-tkabbir tad-dwieli għall-produzzjoni ta’ l-inbid u taż-żebbuġ kemm għall-ikel kif ukoll għall-produzzjoni taż-żejt qed iħallu r-riżultati mixtieqa.
Hu fakkar li ż-żebbuġa hi ideali kemm għall-klima kif ukoll għall-ħamrija lokali filwaqt li l-perċentaġġ ta’ aċtu taż-żebbuġa mkabbra f’Malta hu anqas minn dak ta’ żebbuġ imkabbar f’pajjiżi oħra fil-Mediterran. Żied li n-numru ta’ siġar taż-żebbuġ f’pajjiżna f’dawn l-aħħar erba’ snin żdied sostanzjalment tant li l-importazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ żdiedet minn 3,378 fl-1997 għal 20,149 is-sena l-oħra. Din is-sena diġà kienu impurtati 12,362 siġra.
Il-Ministru Zammit qal li minbarra li ħafna minn dawn is-siġar ikunu impurtati mill-Gvern biex ikunu jistgħu jinbiegħu lill-bdiewa bi prezz sussidjat, bdew ukoll jitkabru eluf ta’ siġar fil-mixtla tal-Gvern f’San Vinċenz de Paul. Għall-istaġun tat-tħawwil li jmiss se jkunu laħqu għat-tħawwil aktar minn 4,000 siġra li tlaqqmu lokalment, filwaqt li hemm madwar 3,000 siġra oħra li jilħqu għat-tħawwil f’Jannar ta’ l-2004. Din is-sena nżergħu wkoll madwar erba’ kilos ta’ żerriegħa taż-żebbuġ bl-iskop li jkun hemm madwar 4,000 pjanta oħra għat-tilqim.
Dan kollu juri, kompla l-Ministru Zammit, li l-Gvern qed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex jara li din l-industrija terġa’ titwaqqaf fuq saqajha. Fl-istess waqt wera s-sodisfazzjon tiegħu li aktar individwi jew ditti qed jorganizzaw ruħhom għall-ippressar taż-żebbuġ u qal li dan juri li qed tikber il-fiduċja fil-futur ta’ din l-industrija f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926