Jiġi nawgurat ir-Reġistru l-Ġdid tal-Qrati tal-Ġustizzja
"L-inawgurazzjoni tar-Reġistru l-Ġdid tal-Qorti, huwa l-bidu ta’ proċess ta’ ristrutturazzjoni fil-bini tal-Qorti." Dan qalu l-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali Austin Gatt meta llum inawgura uffiċjalment ir-reġistru l-ġdid tal-Qrati tal-Ġustizzja.
Ir-reġistru l-ġdid jinsab fejn qabel kien hemm l-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta. Dan il-bini huwa iktar spazzjuż u komdu, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal kull min jeħtieġ jagħmel użu minnu.
Il-post ġie ristrutturat b’mod li jkun iktar komdu u ċentraliżżat, biex jiġi evitat skariġġ żejjed u jiffaċilita l-proċeduri tax-xogħol. Ir-reġistru l-ġdid tal-Qrati tal-Ġustizzja irrikjeda investiment ta’ Lm 150,000 u kien l-ewwel minn proċess estensiv ta’ xogħol strutturali fil-Qorti.
Il-Ministru Gatt fakkar kif il-Kabinett tal-Ministri approva proġett ta’ żewġ miljuni u nofs, li jinkludi fost l-oħrajn il-Qorti tal-Familja. Fil-fatt il-Ministru Gatt ħabbar li x-xogħol fuq il-Qorti tal-Famlija beda din il-ġimgħa. Il-Qorti tal-Familja ser tkun qegħda fil-bini tal-Annexe tal-Qorti. Ix-xogħol mistenni jitlesta kmieni is-sena d-dieħla biex f’Marzu din il-Qorti tibda tiffunzjona. Ix-xogħol strutturali mistenni jitlesta fi żmien erba’ snin.
Dr. Austin Gatt sostna li filwaqt il-bini u l-atmosfera ta’ fejn persuna taħdem huma importanti, id-differenza issir biss minn nies. Huwa rrefera għar-riforma li saret fl-amministrazzjoni, riforma li inkludiet 40 Deputat Reġistratur ġdid, 30 messaġġier ġdid, u 21 Court Assistant ġdid.
Il-Ministru Gatt fisser ukoll l-importanza tat-taħriġ kontinwu għall-ħaddiema. F’dan il-kuntest huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal ħolqien ta’ l-akkademja għat-taħriġ ta’ l-impjegati fil-Qorti, li qed titmexxa minn Dr. Kevin Aquilina.
Sadanittant il-Ministru Gatt semma l-importanza li l-proċess ta’ reklutaġġ tal-ħaddiema jitħaffef. Dr. Gatt fisser li mhux sew li l-proċess tar-reklutaġġ ta’messaġġier idum sejjer ix-xhur.
Il-Ministru Gatt temm id-diskors tiegħu billi fakkar kif l-isfidi li għandna quddiemna nistgħu negħlbuhom jekk kulħadd jaħdem flimkien.
Dr. Gatt irringrazzja lil predeċessuri tiegħu u lil dawk kollha li ħadmu, biex l-okkażjoni tal-lum issir realtà.
Sadanittant fi tmiem id-diskors tiegħu l-Ministru Gatt, stieden lil Joyce Pace, li ilha taħdem fir-reġistru għal dawn l-aħħar 32 sena, biex tikxef plakka kommemorattiva għall-okkażjoni.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926