LAQGĦA GĦALL-KAPIJIET TA’ L-ISKEJJEL FUQ IL-COMENIUS TAL-PROGRAMM SOKRATE
It-Taqsima tal-Programmi ta’ l-Unjoni Ewropea organizza seminar għall- kapijiet ta’l-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji, dwar il-programm Comenius, fergħa tal-programm Sokrate ta’ l-Unjoni Ewropea.
Meta tkellem mal-kapijiet, l-Onor. Dr Louis Galea, Ministru ta’ l-Edukazzjoni, qal li matul l-ewwel ħames snin minn meta daħal fis-seħħ il-Comenius mal-10,000 skola mill-Unjoni Ewropea ipparteċipaw. Matul is-snin li ġejjin dan in-numru se jiżdied minħabba li se jiżdiedu mat-12 il-pajjiż ġdid bħala membri ta’ l-Unjoni Ewropea, fosthom Malta.
Fl-aħħar sena, f’Malta, fil-Comenius kien hemm 30 skola primarja li ħadu sehem - 17 tal-gvern (15 f’Malta u 2 f’Għawdex), 7 skejjel tal-knisja, 5 skejjel indipendenti u skola speċjali waħda. Mis-settur sekondarju, kien hemm 16-il skola li pparteċipaw - 12 tal-gvern, 2 tal-knisja u 2 indipendenti. Mis-settur post-sekondarju, kien hemm 4 skejjel - 3 tal-gvern u waħda tal-knisja. Dan juri total ta’ 50 skola li jirrapreżentaw madwar 25 fil-mija ta’ l-iskejjel f’Malta u f’Għawdex. Meta wieħed iqis id-daqs ta’ pajjiżna dan ifisser sehem kbir ħafna u jirrifletti l-entużjażmu ta’l-iskejjel kif ukoll tal-kapijiet u l-għalliema tagħhom biex jipparteċipaw fil-Comenius.
Dawn l-iskejjel Maltin ingħaqdu ma’ skejjel oħrajn li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u f’pajjiżi kandidati biex iwettqu l-proġetti - b’kollox f’26 pajjiż. Dan iżid fid-diversita` u huwa l-ispirtu tal-Comenius li l-iskejjel ikunu miftuħa għall-kulturi ta’ l-oħrajn. Dan seta’ jsir permezz ta’ kuntatti bl-internet, telefon u posta bejn għalliema u studenti Maltin ma dawk Ewropej.
Il-Ministru qal li l-entużjamu tant kien intens li uħud mill-iskejjel inawguraw Comenius Rooms - fejn l-istudenti ikunu jistgħu jaħdmu fuq il-proġetti u jagħmlu wirjiet tax-xogħol tagħhom. Dawn l-inizjattivi ġew milqugħa tajjeb mit-tim tal-Comenius fil-Kummissjoni Ewropea.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-iskejjel Maltin u Għawdxin jissaħħu u jitjiebu fil-kwalita` meta jitħalltu ma’ skejjel barranin. Mil-laqgħat li kellu ma’ l-istudenti, għalliema u kapijiet ta’ skejjel li qed jieħdu sehem fil-programm Comenius huwa fehem kemm isir ġid li minnu jgawdu ulied il-poplu. Wieħed mill-ewwel frott hu li meta l-Maltin marru barra ġew lura b’fiduċja u bi stima akbar fihom infushom. Mhux biss ġew rispettati fuq bażi ta’ ugwaljanza, iżda wkoll il-Maltin irrejalizzaw li għandhom ħafna pożittiv x’joffru lill-Ewropej dwar l-iżvilupp fl-esperjenza edukattiva Maltija.
Frott ieħor jien li l-iskambju ma’ skejjel Ewropej għen lil ħafna jwessgħu l-viżjoni tal-ħajja u japprezzaw aħjar il-ġid li joħroġ minn għarfien aħjar ta’ kulturi u rejaltajiet diversi kif
hemm fl-Ewropa. Il-Ministru Galea fisser kemm il-programm Comenius hu għodda importanti biex l-iskejjel iwettqu d-direzzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali li jrid li l-edukazzjoni Maltija toħroġ ’il barra mill-parametri ta’ mentalita` magħluqa u statika, u tidħol f’ambjent edukattiv miftuħ mimli għodda ġdida ta’ tagħlim. Louis Galea ħeġġeġ biex nisfruttaw l-opportunitajiet tal-Programmi Edukattivi ta’ l-Unjoni Ewropeja għax dan jgħin lil uliedna jitgħallmu aktar bi tħejjija għall-ħajja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926