TWEGIBA MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GEORGE PULLICINO GHALL-KRITIKA TA’ L-OPPOZIZZJONI DWAR L-AWTORITÀ TA’ L-IPPJANAR
Skond stqarrija tal-Partit Laburista, meta kien qed jindirizza lil grupp ta’ self employed, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, l-Onor. Dr Alfred Sant, qal li "l-attitudni ta’ l-Awtorita` ta’ l-Ippjanar li toħnoq lin-nies mhix aċċettabbli".
Is-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Intern u l-Ambjent irid jiddikjara li qatt daqs illum l-Awtorita` ma kienet effiċjenti fil-ħruġ ta’ permessi ta’ żvilupp. Tant hu hekk illi fl-aħħar ta’ Settembru 2002, in-numru ta’ applikazzjonijiet pendenti niżel għal 2382, l-iktar numru baxx ta’ applikazzjonijiet pendenti li qatt kellha l-Awtorita`, minn meta twaqqfet għaxar snin ilu. Jekk xi ħadd għandu xi applikazzjoni pendenti għandu rimedji ċari kif l-applikazzjoni tiegħu tiġi proċessata. Dan grazzi għal tibdil fil-liġi li daħal fis-seħħ din is-sena.
Fl-istess laqgħa, il-kelliem Laburista l-Onor. Leo Brincat semma li l-Partit Laburista jemmen li għandu jkun hemm distinzjoni bejn permessi għal żviluppi żgħar, ta’ daqs medju u għal proġetti kbar nazzjonali. Jidher ċar li l-Partit Laburista mhux infurmat bil-bidliet li diġa` saru.
Fil-fatt, diġa` hemm tlett diviżjonijiet tal-Kummissjoni Għall-Kontroll ta’ l-Iżvilupp li jiddedikaw ruħhom għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet. Barra minn hekk, twaqqaf team li jipproċessa biss applikazzjonijiet ta’ proġetti kbar tal-privat, proġetti tal-Gvern u dawk ta’ kunsilli lokali. Dan wassal biex applikazzjonijiet ta’ żviluppi żgħar ma jeħlux fil-kju.
Min-naħa tiegħu, il-Mexxej Laburista, Dr Sant jidher ukoll li ma kienx infurmat tajjeb meta qal li Gvern Laburista ġdid iċaqlaq l-affarijiet, għaliex irid jagħti n-nifs lis-self employed.
Dan diġa` qed jagħmlu dan il-Gvern permezz ta’ dawn il-miżuri:
- Tħejja pjan li identifika 280,000 metru kwadru ta’ art li fih jista’ jsir żvilupp ta’ bini li jakkomoda diversi self-employed li għandhom xogħol li ma huwiex kompatibbli ma’ zoni residenzjali.
- Permezz tas-Sistema ta’ Notifikazzjoni ta’ Żvilupp, diversi xogħlijiet li qabel kienu jeħtieġu applikazzjoni sħiħa issa jistgħu jsiru permezz ta’ ittra lill-Awtorita` u jibda x-xogħol minnufih. Dan jinkludi xogħlijiet li jsiru f’postijiet fejn jaħdmu s-self-employed. B’hekk is-sistema ta’ permessi ghal xoghlijiet fejn jahdmu s-self employed giet simplifikata.
- Giet approvata policy li tagħmilha iktar faċli għal sidien ta’ ristoranti li jpoġġu mwejjed u siġġijiet barra l-istabilimenti tagħhom.
Dawn il-miżuri flimkien ma’ l-effiċjenza fil-proċessar ta’ l-applikazzjonijiet huma prova cara ta’ kif l-Awtorita` qed issaħħaħ is-servizzi tagħha lis-self-employed.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926