Left arrow Mur Lura

Stqarrija tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni dwar ir-riżenja mill-Bord ta' Inkjesta Fondazzjoni Għall-iskejjel ta' Għada taċ-Chairman u Membru, wara diskors fil-Parlament ta' l-Onor. Evarist Bartolo fuq l-istess Bord

PR1324
Date Icon 01/10/2002

Nhar il-Ħamis li għadda, 26 ta’ Settembru, 2002, ċ-Chairman u wieħed miż-żewġ membri tal-Bord ta’ Inkjesta Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, is-Sur Joseph C. Schembri u l-Perit Catherine Galea rispettivament, informawni b'ittra li kienu qed jirriżenjaw mill-istess Bord b’effett immedjat wara l-kliem dispreġġjattiv li qal fuq il-Bord, il-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Onor. Evarist Bartolo, fil-Parlament il-ġurnata ta’ qabel.

Kopja ta’ l-ittra ta’ riżenja qed titqieghed fuq il-mejda tal-Kamra ma’ din l-istqarrija.

Il-Bord ta' Inkjesta kien ġie kostitwit ftit jiem ilu, fit-12 ta’ Settembru 2002, fuq talba ta' l-Oppożizzjoni, u fuqu kien hemm ukoll nominat rappreżentant ta’ l-Oppożizzjoni, il-Perit Martin Debono. Il-Bord kellu jistħarreġ allegazzjoni ta’ l-istess Oppożizzjoni li l-Fondazzjoni (FTS) kisret Regolamenti Finanzjarji tal-Gvern fl-għoti ta’ kuntratti konnessi mal-ħidma tagħha fl-iskejjel. Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda mill-Bord ta' l-FTS.

Nhar l-Erbgha, 25 ta’ Settembru, 2002, filgħodu fil-Parlament, l-Onor. Bartolo irrefera għal dan il-Bord ta’ Inkjesta u qal li l-Bord twaqqaf b’mod difettuż, li l-Bord ma kienx qed jiltaqa` bis-serjeta`, li taparsi qed jagħmel inkjesta, li din hi farsa u karnivalata, u dan għaliex, skond l-Onor. Bartolo, ir-rappreżentant ta’ l-Oppożizzjoni fuq il-Bord, il-Perit Martin Debono, ma kienx qed jitħalla jara d-dokumenti li jrid u jmur fuq postijiet tax-xogħol fejn irid, biex jara x’qed isir fl-iskejjel.

F’risposta immedjata dak in-nhar stess, jiena iddeskrivejt il-kummenti ta’ l-Onor. Bartolo bħala inġusti, infondati, u barra minn lokhom. Għidt ukoll li l-Onor Bartolo kien qed jikkundanna l-Bord meta dan kien proprju fil-bidu tal-ħidma tiegħu. Temmejt ngħid li l-anqas li tista` tagħmel l-Oppożizzjoni hu li tħalli l-Bord ħieles jaqdi d-dmirijiet tiegħu skond il-liġi u mhux tattakkah bl-aktar mod inġust u irresponsabbli.

L-għada ta' l-intervent ta' l-Onor. Bartolo, irċevejt l-imsemmija ittra ta’ riżenji mill-Bord. Iċ-Chairman tani wkoll rapport tiegħu tax-xogħol li l-Bord kien laħaq wettaq. Kopja tar-rapport qed tigi wkoll imqeghda fuq il-Mejda tal-Kamra, ma’ din l-istqarrija. Ir-rapport juri biċ-ċar kemm il-kummenti ta’ l-Onor. Bartolo huma għal kollox inġusti u ’l bogħod minn kull verita`.

Ir-rapport juri li :

  • Il-Bord mill-ewwel qabad ritmu mgħaġġel ta' xogħol.
  • Il-Bord kellu għad-dispożizzjoni sħiħa tiegħu d-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa tal-FTS skond it-termini ta’ riferenza li ingħata u li ma ġie rifjutat l-ebda dokument minn lista twila ta’ dokumenti li kienu laħqu intalbu.
  • Il-Bord ingħata l-faċilita` kollha li jżur kwalunkwe skola fejn l-FTS għamlet xogħol estensiv fix-xhur li għaddew biex ittejjeb u ssebbaħ l-ambjent ta’ l-iskejjel tal-Gvern. Infatti kienu diġa` ġew fissati il-ġranet biex il-Bord jibda żjarat fl-iskejjel u l-eżami tad-dokumenti meħtieġa.

L-allegazzjoni tal-Perit Debono, fl-ewwel jum tal-ħidma tal-Bord, li l-files kienu qed jiġu mbagħbsa kien suspett għal kollox infondat għaliex kull ma kien qed jiġri kien biss li l-impjegati kienu proprju qed jiġbru l-informazzjoni mill-files li talab l-istess Bord. Dan jikkonfermah iċ-Chairman fir-rapport tiegħu.

Mir-rapport taċ-Chairman jirriżulta wkoll li r-rappreżentant ta’ l-Oppozizzjoni, il-Perit Martin Debono, ried:

  1. li l-media tattendi l-laqgħat fuq stedina ta' xi wieħed mill-membri;
  2. li hu waħdu, separatament mill-Bord jkun jista` jara u jikkopja d-dokumenti tal-FTS kull meta u kull fejn jidhirlu; u
  3. li hu waħdu, separatament mill-Bord, imur jispezzjona kwalunkwe skola biex jara x-xogħol li suppost sar.

Il-Bord ta’ l-Inkjesta iddiskuta dawn it-talbiet tas-Sur Debono u iddeċieda li l-istħarriġ għandu jsir f’kull stadju mill-membri tal-Bord flimkien. Iddeċieda wkoll li skond il-prattika normali ta’ Bordijiet imwaqqfa taħt il-Liġi dwar l-Inkjesti mhux kompitu tal-Bord jikkomunika mal-media. Il-kompitu tiegħu hu biss li jistħarreġ skond it-termini ta’ riferenza u jagħti r-rapport bil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-każ.

Meta l-Oppozizzjoni ħarġet bl-allegazzjoni tagħha u talbet inkjesta, jien ġenwinament aċċettajt mill-ewwel u, filwaqt li għaddejtilha t-termini ta’ riferenza tal-Bord, tlabtha tinnomina r-rappreżentant tagħha. L-Oppożizzjoni ħasset li kellha tinnomina kandidat tal-Partit Laburista fil-persuna tal-Perit Martin Debono.

Il-kummenti ta’ l-Onor. Bartolo għamlu ħsara u b'konsegwenza jien sibtha aktar diffiċli nsib persuni idonei lesti jaċċettaw iservu f’Bord ta’ Inkjesta fid-dawl ta’ dak li ġarrbu s-Sur Joseph C. Schembri u l-Perit Catherine Galea, li ġew mgħajjra li qed iwettqu farsa u karnivalata talli b’mod professjonali, diżinteressat, u imparzjali kienu bdew jaqdu dmirhom skond il-liġi.

Għaldaqstant issa ser inħalli f’idejn l-istituzzjonijiet ta’ verifika li għandu l-Gvern u l-Parlament biex ikomplu jsewgu u jivverifikaw l-osservanza tar-Regolamenti Finanzjarji mill-FTS fil-ħidma tagħha, u b’hekk jiġi żgurat li l-FTS tkompli tagħti valur sħiħ għan-nefqa pubblika biex il-poplu fi żmien tminn snin ikollu l-iskejjel kollha li għandu bżonn u tal-kwalita` meħtieġa biex ulied il-poplu jkollhom l-aħjar ambjent skolastiku possibbli.

Qed inpoggi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, stqarrija tas-Sur Alfred Ferrante, Chief Executive tal-FTS, li tiċħad għal kollox il-qlajja' li l-Onor Bartolo fajjar bl-addoċċ dwaru personalment f’dan il-Parlament.

Dan kollu għandu juri min tassew naqas fis-serjeta`, u kemm il-kummenti tal-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni kienu inġusti, infondati u barra minn lokhom u jixhdu mottivi ulterjuri.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow