Stqarrija tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni dwar ir-riżenja mill-Bord ta' Inkjesta Fondazzjoni Għall-iskejjel ta' Għada taċ-Chairman u Membru, wara diskors fil-Parlament ta' l-Onor. Evarist Bartolo fuq l-istess Bord
Nhar il-Ħamis li għadda, 26 ta’ Settembru, 2002, ċ-Chairman u wieħed miż-żewġ membri tal-Bord ta’ Inkjesta Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada, is-Sur Joseph C. Schembri u l-Perit Catherine Galea rispettivament, informawni b'ittra li kienu qed jirriżenjaw mill-istess Bord b’effett immedjat wara l-kliem dispreġġjattiv li qal fuq il-Bord, il-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, l-Onor. Evarist Bartolo, fil-Parlament il-ġurnata ta’ qabel.
Kopja ta’ l-ittra ta’ riżenja qed titqieghed fuq il-mejda tal-Kamra ma’ din l-istqarrija.
Il-Bord ta' Inkjesta kien ġie kostitwit ftit jiem ilu, fit-12 ta’ Settembru 2002, fuq talba ta' l-Oppożizzjoni, u fuqu kien hemm ukoll nominat rappreżentant ta’ l-Oppożizzjoni, il-Perit Martin Debono. Il-Bord kellu jistħarreġ allegazzjoni ta’ l-istess Oppożizzjoni li l-Fondazzjoni (FTS) kisret Regolamenti Finanzjarji tal-Gvern fl-għoti ta’ kuntratti konnessi mal-ħidma tagħha fl-iskejjel. Din l-allegazzjoni ġiet miċħuda mill-Bord ta' l-FTS.
Nhar l-Erbgha, 25 ta’ Settembru, 2002, filgħodu fil-Parlament, l-Onor. Bartolo irrefera għal dan il-Bord ta’ Inkjesta u qal li l-Bord twaqqaf b’mod difettuż, li l-Bord ma kienx qed jiltaqa` bis-serjeta`, li taparsi qed jagħmel inkjesta, li din hi farsa u karnivalata, u dan għaliex, skond l-Onor. Bartolo, ir-rappreżentant ta’ l-Oppożizzjoni fuq il-Bord, il-Perit Martin Debono, ma kienx qed jitħalla jara d-dokumenti li jrid u jmur fuq postijiet tax-xogħol fejn irid, biex jara x’qed isir fl-iskejjel.
F’risposta immedjata dak in-nhar stess, jiena iddeskrivejt il-kummenti ta’ l-Onor. Bartolo bħala inġusti, infondati, u barra minn lokhom. Għidt ukoll li l-Onor Bartolo kien qed jikkundanna l-Bord meta dan kien proprju fil-bidu tal-ħidma tiegħu. Temmejt ngħid li l-anqas li tista` tagħmel l-Oppożizzjoni hu li tħalli l-Bord ħieles jaqdi d-dmirijiet tiegħu skond il-liġi u mhux tattakkah bl-aktar mod inġust u irresponsabbli.
L-għada ta' l-intervent ta' l-Onor. Bartolo, irċevejt l-imsemmija ittra ta’ riżenji mill-Bord. Iċ-Chairman tani wkoll rapport tiegħu tax-xogħol li l-Bord kien laħaq wettaq. Kopja tar-rapport qed tigi wkoll imqeghda fuq il-Mejda tal-Kamra, ma’ din l-istqarrija. Ir-rapport juri biċ-ċar kemm il-kummenti ta’ l-Onor. Bartolo huma għal kollox inġusti u ’l bogħod minn kull verita`.
Ir-rapport juri li :
- Il-Bord mill-ewwel qabad ritmu mgħaġġel ta' xogħol.
- Il-Bord kellu għad-dispożizzjoni sħiħa tiegħu d-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa tal-FTS skond it-termini ta’ riferenza li ingħata u li ma ġie rifjutat l-ebda dokument minn lista twila ta’ dokumenti li kienu laħqu intalbu.
- Il-Bord ingħata l-faċilita` kollha li jżur kwalunkwe skola fejn l-FTS għamlet xogħol estensiv fix-xhur li għaddew biex ittejjeb u ssebbaħ l-ambjent ta’ l-iskejjel tal-Gvern. Infatti kienu diġa` ġew fissati il-ġranet biex il-Bord jibda żjarat fl-iskejjel u l-eżami tad-dokumenti meħtieġa.
L-allegazzjoni tal-Perit Debono, fl-ewwel jum tal-ħidma tal-Bord, li l-files kienu qed jiġu mbagħbsa kien suspett għal kollox infondat għaliex kull ma kien qed jiġri kien biss li l-impjegati kienu proprju qed jiġbru l-informazzjoni mill-files li talab l-istess Bord. Dan jikkonfermah iċ-Chairman fir-rapport tiegħu.
Mir-rapport taċ-Chairman jirriżulta wkoll li r-rappreżentant ta’ l-Oppozizzjoni, il-Perit Martin Debono, ried:
- li l-media tattendi l-laqgħat fuq stedina ta' xi wieħed mill-membri;
- li hu waħdu, separatament mill-Bord jkun jista` jara u jikkopja d-dokumenti tal-FTS kull meta u kull fejn jidhirlu; u
- li hu waħdu, separatament mill-Bord, imur jispezzjona kwalunkwe skola biex jara x-xogħol li suppost sar.
Il-Bord ta’ l-Inkjesta iddiskuta dawn it-talbiet tas-Sur Debono u iddeċieda li l-istħarriġ għandu jsir f’kull stadju mill-membri tal-Bord flimkien. Iddeċieda wkoll li skond il-prattika normali ta’ Bordijiet imwaqqfa taħt il-Liġi dwar l-Inkjesti mhux kompitu tal-Bord jikkomunika mal-media. Il-kompitu tiegħu hu biss li jistħarreġ skond it-termini ta’ riferenza u jagħti r-rapport bil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-każ.
Meta l-Oppozizzjoni ħarġet bl-allegazzjoni tagħha u talbet inkjesta, jien ġenwinament aċċettajt mill-ewwel u, filwaqt li għaddejtilha t-termini ta’ riferenza tal-Bord, tlabtha tinnomina r-rappreżentant tagħha. L-Oppożizzjoni ħasset li kellha tinnomina kandidat tal-Partit Laburista fil-persuna tal-Perit Martin Debono.
Il-kummenti ta’ l-Onor. Bartolo għamlu ħsara u b'konsegwenza jien sibtha aktar diffiċli nsib persuni idonei lesti jaċċettaw iservu f’Bord ta’ Inkjesta fid-dawl ta’ dak li ġarrbu s-Sur Joseph C. Schembri u l-Perit Catherine Galea, li ġew mgħajjra li qed iwettqu farsa u karnivalata talli b’mod professjonali, diżinteressat, u imparzjali kienu bdew jaqdu dmirhom skond il-liġi.
Għaldaqstant issa ser inħalli f’idejn l-istituzzjonijiet ta’ verifika li għandu l-Gvern u l-Parlament biex ikomplu jsewgu u jivverifikaw l-osservanza tar-Regolamenti Finanzjarji mill-FTS fil-ħidma tagħha, u b’hekk jiġi żgurat li l-FTS tkompli tagħti valur sħiħ għan-nefqa pubblika biex il-poplu fi żmien tminn snin ikollu l-iskejjel kollha li għandu bżonn u tal-kwalita` meħtieġa biex ulied il-poplu jkollhom l-aħjar ambjent skolastiku possibbli.
Qed inpoggi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, stqarrija tas-Sur Alfred Ferrante, Chief Executive tal-FTS, li tiċħad għal kollox il-qlajja' li l-Onor Bartolo fajjar bl-addoċċ dwaru personalment f’dan il-Parlament.
Dan kollu għandu juri min tassew naqas fis-serjeta`, u kemm il-kummenti tal-Kelliem ta’ l-Oppożizzjoni kienu inġusti, infondati u barra minn lokhom u jixhdu mottivi ulterjuri.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926