Investiment fl-iżvilupp soċjali tal-pajjiż
Meta nieda l-Maratona tas-sajd organizzata mill-Kingfisher Sport Fishing Association, b’rizq ir-Razzett tal-Hbiberija, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-post li fih qed issir din il-maratona kien wieħed minn dawk il-bajjiet li għal snin twal kien imniġġeż minn sbokk ta’ drenaġġ. Qal li anke jekk mhux rakkomandat biex isir għawm fih minħabba li hu port magħluq u jorbtu fih laneċ u biċċiet oħra tal-baħar, xorta jibqa’ l-fatt li m’għadux jisbroffa drenaġġ f’din il-bajja.
Francis Zammit Dimech qal li kien possibbli minħabba investiment qawwi li sar minn dan il-Gvern fis-sistema tad-drenaġġ li sal-1987 kienet tagħmel minn kullimkien bir-riżultat li ħafna bajjiet ewlenin bħal dawk ta’ San Ġiljan, Birżebbuġa u Marsaskala ma kienux tajbin għall-għawm.
Francis Zammit Dimech qal li wara l-investiment li sar fit-tqegħid ta’ mains ġodda, fil-bini ta’ Pumping Stations u f’attrezzar modern ieħor il-pass li jmiss issa hu li d-drenaġġ kollu jissaffa qabel jintefa’ il-baħar. Hu qal li dan kien jitlob li jinbnew tlett impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ, tnejn f’Malta u wieħed f’Għawdex. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan l-iżvilupp kien jirrikjedi investiment ta’ kważi Lm50 miljun.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Unjoni Ewropea diġa qablet li tagħtina għajnuna finanzjarja biex is-sena li ġejja nibnu l-ewwel impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex. L-għajnuna se tiġi minn fondi ta’ qabel is-sħubija. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-għajnuna li pajjiżna jikseb darba nissieħbu tkun ferm akbar minn dik li ningħataw qabel. Hu fakkar li jekk ma nissieħbux dawn il-fondi jkollhom jiġu minn sorsi lokali, jiġifieri mit-taxxi.
Francis Zammit Dimech qal li l-passatemp ta’ l-underwater diving kien jorbot ma’ l-indafa ta’ l-ibħra madwar il-gżejjer Maltin. Hu qal li dan il-passatemp illum mhux biss jattira lejh eluf ta’ Maltin iżda sar ukoll wieħed min-niċeċ ewlenin fis-settur turistiku ta’ pajjiżna li għandna nħarsu.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern jisponsorja u jissussidja organizzazzjonijiet mhux governattivi li jaħdmu f’servizzi ta’ appoġġ fil-qasam tal-għajnuna soċjali. Għal dan l-iskop il-Gvern ta’ kull sena jivvota ammont konsiderevoli ta’ flus li qed jiżdied kull sena. Hu qal li dawn il-flus il-Gvern iqishom bħala investiment fl-iżvilupp soċjali tal-pajjiż u għalhekk ma jiddejjaqx li jissussidja istituzzjonijiet privati fl-isfond ta’ kemm jiflaħ finanzjarjament il-pajjiż.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura irringrazzja lil Kingfisher Sport Fishing Association għall-inizjattiva tagħhom u awguralhom li jiġbru ħafna fondi b’riżq ir-razzett tal-Ħbiberija li tul is-snin li ilu mwaqqaf ta kontribut qawwi biex jgħin persuni inqas ixxurjati.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926