DISKORS MILL-ONOR EDDIE FENECH ADAMI, PRIM MINISTRU, FL-OKKAŻJONI TAS-36 ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAL-UNION ĦADDIEMA MAGĦQUDIN – FLORIANA - IL-ĦAMIS, 26 TA’ SETTEMBRU 2002
Huwa ta’ pjaċir kbir għalija li nindirizza dan il-Kunsill Ġenerali tal-Union, Kunsill li jiġbor fih l-elementi l-aktar importanti fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-politika u strateġija li fuqha titmexxa l-Union Ħaddiema Magħqudin.
Fil-ftit ħin li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi nixtieq nibda billi nirreferi għal dak li, fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun ċentrali fit-twettieq ta` politika li tkompli tħares l-interessi tal-ħaddiema, filwaqt li tistimola l-iżvilupp ta` kwalità ta` ħajja aħjar għas-soċjetà Maltija permezz ta` l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta` pajjiżna.
Ċertament, l-aħħar xhur kienu xhur ta` sfida għall-pajjiżna, mod partikolari għall-Unions. Flimkien għexna esperjenzi li ppreżentawlna numru ta` sfidi, liema sfidi jien kuntent li l-Gvern tiegħi irnexxielu jibdel b`suċċess f`opportunitajiet.
Pajjiżna mhuwiex gżira mwarrba mir-realtajiet ekonomiċi u soċjali li huma frott tal-proċess ta` globalizzazzjoni. Pajjiżna jagħmel parti minn dinja waħda, u dak li jiġri lil hinn minn xtutna ħafna drabi jolqotna fil-laħam il-ħaj. Ir-ristrutturar ekonomiku u industrijali, it-tnaqqis fir-ritmu ta` tkabbir tal-ekonomija globali minħabba diversi fatturi, il-bżonn li jiġi kontrollat id-deficit, is-sostenibbiltà tas-sistema tal-welfare f`pajjiżna, ir-ristrutturar fit-tarznari, it-tfassil ta` mudell ġdid għad-djalogu soċjali, l-aġġornament radikali tal-liġijiet tax-xogħol u dawk dwar ir-relazzjonijiet industrijali, il-liberalizzazzjoni ta` l-ekonomija Maltija – dawn huma kollha sfidi li flimkien sarrafnihom f`inizjattivi biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dawn huma kollha esperjenzi li ġabuna flimkien sabiex insibu soluzzjonijiet komuni għal ġid ta` pajjiżna mingħajr ma jiġu mittiefsa d-drittijiet tal-ħaddiema, anzi dejjem bl-intenzjoni li ngħollu l-kwalità ta` l-ħajja. Dawn l-esperjenzi naħseb li komplew il-proċess ta` maturazzjoni tad-djalogu soċjali f`Malta. Permezz tal-Kunsill Malti Għall Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, issa għandna għodda aħjar biex id-djalogu soċjali jimxi `l hinn minn dak tradizzjonali konfrontattiv, għal wieħed li jħares aktar lejn il-bżonn ta` azzjoni komuni sabiex jintlaħqu l-miri strateġiċi tal-Gvern. Huwa mudell li nistqarr li għadu qed jiżviluppa, madankollu, l-ewwel ftit xhur ta` tħaddim ta` dan il-mudell huma indikazzjoni tajba li din il-viżjoni tista` tintlaħaq, u tintlaħaq fi żmien qasir.
Minn qatt kien joħlom li l-liġi ġdida dwar ir-relazzjonijiet industrijali u ta` l-impjieg kienet ser tiġbor magħha l-konsensus tal-partijiet soċjali kollha? Għal għaxar snin sħaħ, il-Unions u l-Għaqdiet ta` Min Iħaddem kellhom differenzi kbar bejniethom, tant li ma kienx possibbli li jiġi ppreżentat abbozz komuni lill-Gvern. Madankollu, il-Gvern ha l-inkarigu li jġib flimkien lil dawn iż-żewġ partijiet b`tali mod li llum għandna abbozz ta` liġi li jgawdi l-qbil ta` kulħadd, b`mod partikolari it-Trejd Unions u l-Għaqdiet ta` Min Iħaddem.
Kull Union madwar id-dinja u speċjalment fl-Ewropa, qiegħda tfittex mezzi ġodda kif tista` tirrapreżenta l-membri tagħha, mezzi li jirrispondu aktar għar-rejaltajiet soċjali, ġodda tal-post tax-xogħol. F`pajjiżna wkoll qed naraw l-introduzzjoni ta` forom, metodi u proċeduri ġodda ta` xogħol, liema oqsma jridu jiġu ndirizzati b`mod effettiv minn naħa tal-Unions.
Ir-rata li biha n-nisa jinsabu deħlin fid-dinja tax-xogħol hija waħda mgħaġġla. F`Settembru tal-1998, ir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kienet ta` 26.8%, filwaqt li f`Mejju ta` l-2002 din ir-rata telgħet għal 29.3%. Dan iġib miegħu bżonnijiet ġodda, flessibiltà aktar, u l-bżonn ta` strutturi aħjar sabiex jirrispondu għar-rejaltajiet soċjali tal-mara.
Il-Gvern diġà fassal l-istrateġija tiegħu, kemm permezz tal-Joint Assessment Paper mal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll permezz ta` għadd ta` miżuri ġodda li qed jiġu ntrodotti permezz tal-liġijiet ġodda dwar l-impjiegi, dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Għaldaqstant, il-Unions iridu wkoll jirrispondu għal din ir-rejaltà permezz ta` mekkaniżmi aktar rappreżentattivi kemm f`dawk li għandu x`jaqsam mat-tmexxija tal-Union, kif wkoll f`dak li jirrigwarda n-negozjar ta` kundizzjonijiet tax-xogħol ta` ħaddiema.
Nagħlaq l-intervent tiegħi hawn. Il-futur qiegħed isejħilna sabiex nagħmlu deċiżjoni importanti għall-pajjiżna – deċiżjoni tant importanti li jeħtieġ li nirriflettu sewwa fuq il-konsegwenzi li nistgħu naffaċċjaw ġaladarba nkunu ħadna deċiżjoni ħażina. Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea hija l-aqwa triq li l-Gvern jemmen li l-poplu Malti għandu jimxi sabiex ikattar il-prosperità u jibni futur b`suċċess. Il-UHM għandha l-obbligu għalhekk li tispjega lill-membri t-twemmin tagħha fuq l-impatt li s-sħubija jkollha fuq il-ħaddiema u l-familja Maltija. Il-Gvern jemmen bis-sħiħ li l-vantaġġi ta` sħubija jiżbqu bil-wisq l-iżvantaġġi. Ninsab ċert li anki l-UHM waslet għal din il-konklużjoni. Nittama u nħeġġeġ sabiex il-UHM tkompli tikkomunika mal-membri tagħha sabiex tgħinhom jgħażlu l-aħjar futur għalihom u għal uliedhom.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926