Għajnuna lil proċessuri ta’ prodotti tal-laħam
Il-Gvern se jgħin finanzjarjament lill-proċessuri ewlenin ta’ prodotti tal-laħam bl-iskop li dawn iġeddu l-impjanti tal-produzzjoni tagħhom biex jilħqu l-ogħla standards ta’ sigurtà fl-ikel u iġene. Din l-għajnuna mistennija tammonta għal kważi miljun lira.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikultura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit meta dalgħodu żar l-impjant tal-kumpanija Chef Choice Ltd., f’Marsaskala. Din il-kumpannija, li tipproduċi u tissupplixxi diversi prodotti tal-laħam u t-tjur, qed tinvesti aktar minn nofs miljun lira biex timmodernizza l-impjant bl-iskop li tilqa’ sfidi ġodda li għandha quddiemha, inkluża l-possibbiltà ta’ esportazzjoni.
Il-Ministru Zammit qal li f’dawn l-aħħar snin il-Gvern ħa diversi inizjattivi, inklużi liġijiet ġodda, bl-iskop li jtejjeb il-proċess kollu tal-prodott ta’ l-ikel minn meta jitkabbar sakemm jasal għand il-konsumatur.
Hu żied li, fil-qasam tal-produzzjoni ta’ l-ikel, l-istess produtturi qed jifhmu li jridu jtejbu l-operat u l-kwalità tal-prodott tagħhom biex mhux biss lill-konsumatur joffrulu prodotti varji u ta’ l-ogħla kwalità, iżda wkoll biex isiru aktar kompetittivi.
Il-Ministru Zammit qal li jieħu gost jara kumpaniji bħal ma hi Chef Choice Ltd., jinvestu bil-qawwi biex iġeddu l-impjanti tagħhom u jintroduċu teknoloġija mill-aktar moderna fil-qasam tal-produzzjoni. Hu qal li dan juri li dawn il-kumpaniji għandhom fiduċja fihom infushom u fil-futur tagħhom.
Min-naħa tiegħu, kompla l-Ministru Zammit, il-Gvern se jgħin lil dawn il-kumpaniji f’dan it-tiġdid. Għal dan l-iskop sar eżerċizzju biex isir magħruf it-tibdil li jrid isir fl-impjanti ta’ 13-il proċessur ewlieni tal-laħam f’Malta, kemm fir-rigward ta’ tibdil infrastrutturali kif ukoll tiġdid tal-makkinarju użat għall-ipproċessar. Dawn il-kumpaniji jħaddmu bejniethom aktar minn 300 ħaddiem. Dan l-eżerċizzju sar bl-għajnuna ta’ konsulenti barranin esperti f’dan il-qasam.
It-tiġdid meħtieġ, żied il-Ministru Zammit, għandu jsir sas-sena d-dieħla u għandu jwassal għat-tisħiħ fil-livelli ta’ sigurtà fl-ikel u iġene.
Il-Ministru Zammit faħħar lill-kumpannija Chef Choice għall-investiment qawwi li qed tagħmel biex tippromwovi l-prodotti tagħha anki għas-suq barrani u awgura li jkollha suċċess fil-parteċipazzjoni tagħha fil-Fiera ta’ Sial fi Franza x-xahar id-dieħel kif ukoll fil-ħidma tagħha biex tesporta lejn pajjiżi Għarab.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926