L-EWWEL ĠURNATA TA' L-ISKOLA GĦAL ELUF TA' STUDENTI
Il-bierah bdew l-iskola aktar minn 42,000 student fl-iskejjel primarji (77 skola) u sekondarji (34 skola) ta' l-istat. Minn dawn, ftit aktar minn nofs - 21,630 - huma subien, filwaqt li 20,650 huma bniet. Fl-iskejjel primarji hemm ma' l-20,000 student li minnhom 10,720 huma subien u 9,350 bniet, filwaqt li fl-ewwel ta' Ottubru jidħlu ukoll it-tfal tal-kindergartens li jlaħħqu mal-5000 student. 17,000 student bdew il-livell sekondarju b'7,290 fil-Junior Lyceums u 9,740 fl-iskejjel sekondarji. Din is-sena f'Ottubru se jidħlu għall-ewwel darba: 1660 fil-kindergarten, 3,120 fil-primarji, 1,360 fil-junior lyceums u 1,980 fl-iskejjel sekondarji.
Fl-iskejjel hemm ukoll 3,800 għalliem, b'numru minnhom godda. Minn dawn l-għalliema 370 jgħallmu fil-kindergarten, 1,020 fil-primarji u 2,410 fil-livell sekondarju.
Aktar minn 18,000 student ġew trasportati fuq 750 rotta differenti lejn l-iskola bis-sistema ta' trasport pubbliku ghall-iskejjel. Għalkemm kien hemm xi każi isolati (8 rottot) fejn xi rottot ma sarux, saru l-arranġamenti meħtieġa biex dawn ukoll isiru b'mod normali hekk kif l-istudenti jirritornaw lura lejn id-dar. It-trasport tat-tfal lejn l-iskola mexa b'mod normali hekk kif id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni laħqet ftehim mat-tlett organizzazzjonijiet li jipprovdu t-trasport għall-iskejjel. F'dan il-ftehim id-Diviżjoni qed tizgura li jkun hemm aktar sigurta' għat tfal kemm permezz ta' imġieba tajba min-naħa tas-sewwieqa, kif ukoll billi jiġi assigurat li l-vetturi jinżammu fi stat tajjeb, nadif u skond ir-regolamenti. F'dan il-ftehim ukoll id-Diviżjoni kisbet il-kundizzjoni li t-tfal ma jinġabrux aktar kmieni minn siegħa qabel ma tibda l-iskola u ma jaslux aktar tard minn siegħa wara li tispiċċa l-iskola. Din hi l-ewwel darba li sar ftehim bil-miktub bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-organizzazzjonijiet tat-trasport pubbliku li fih ukoll klawsoli li jimponu multi f'każ ta' ksur tal-kuntratt.
Il-lezzjonijiet bdew ukoll b'mod normali. Fl-iskejjel hemm tista` tgħid l-għalliema kollha li hemm bżonn. Fejn għadhom ma nstabux għalliema biżżejjed għas-suġġetti tal-Physics, Computer Studies u Home Economics (fejn għad hemm bżonn xi għaxar għalliema) ser jinħarġu s-sejħiet għas-supply teachers. Filwaqt li l-għalliema l-ġodda li se jiggradwaw din is-sena mill-Universita` biex jgħallmu fl-iskejjel primarji ġew ingaġġati kollha, kien hemm numru ta' għalliema ġodda tal-livell sekondarju li għadhom ma ġewx ingaġġati minħabba li m'hemmx vakanzi f'numru ta' suġġetti partikolari (Business Studies, Socjoloġija, Studji Soċjali, Malti, Reliġjon, Franċiż, u Storja).
Il-Ministru Louis Galea żar numru ta' skejjel primarji u sekondarji madwar Malta fejn iltaqa` mal-ġenituri li kienu qed iwasslu lit-tfal għall-ewwel ġurnata skola tagħhom, kif ukoll ma' l-għalliema u t-tfal stess. Il-Ministru żar l-iskejjel primarji ta' Siggiewi, Birkirkara, Bormla, u Birgu, kif ukoll l-iskejjel Maria Regina ta' Blata l-Bajda, Sir Adrian Dingli f'Pembroke u l-iskola tal-Knisja, il-Kulleġġ San Alwiġi f'Birkirkara.
Il-Ministru tkellem mat-tfal dwar l-importanza li jużaw il-ħin tagħhom tajjeb. Huwa qal li jekk it-tfal jużaw il-ħin tagħhom tajjeb isibu ħin għal kollox, kemm għall-istudju kemm għad-divertiment kif ukoll għal attivitajiet kreattivi oħra. Il-Ministru awgura li din is-sena tkun għall-għalliema u għat-tfal sena mimlija entużjażmu u opportunitajiet ta' tagħlim. Il-Ministru tkellem b'mod partikolari dwar l-isfidi li għandhom partikolarment biex iwettqu l-bidliet li qed isiru biex ikun implimentat il-Kurrikulu Nazzjonali.
F'numru ta' skejjel madwar Malta u Għawdex dan is-sajf saru xogħlijiet estensivi biex jitjieb l-ambjent ta' l-iskejjel u dan kien jidher evidenti f'uħud mill-iskejjel li żar il-Ministru. Kemm it-tfal kif ukoll l-għalliema kienu kuntenti ħafna bix-xogħol li sar u f'xi każi qalu li ħassewhom deħlin fi skola ġdida.
Kmieni wara nofs in-nhar il-Ministru iltaqa` mad-Direttur Generali ta' l-Edukazzjoni, is-Sur Charles Mizzi, flimkien mad-Direttrici responsabbli mill-Iskejjel Dr Cecilia Borg, mad-Direttur ta' l-Ippjanar u Infrastruttura s-Sur Joe Magro, u mac-Chief Executive tal-FTS is-Sur Alfred Ferrante. Mir-rapporti li daħlu mill-Kapijiet ta' l-iskejjel kollha tal-Gvern jirriżulta li l-bidu ta' din is-sena skolastika kien wieħed mill-aktar normali.
Il-Ministru Galea irid pubblikament ifisser l-apprezzament tiegħu għall-ħidma kbira li saret matul il-vaganzi tas-sajf biex illum l-iskejjel setgħu jibdew il-ħidma tagħhom b'mod tajjeb. Huwa irringrazzja lill-uffiċċjali kollha tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u lill-Bordijiet u l-impjegati tal-FTS u l-FES. B'mod partikolari il-Ministru radd ħajr lill-ħaddiema industrijali tad-Diviżjoni, u lil dawk tal-Kalaxlokk, Shipbuilding, Tarzna, Koperattivi tal-Gvern u tal-Kuntratturi privati għax-xogħol siewi li wettqu matul is-sajf. Il-Ministru qal li tul is-sajf il-Ministeru u d-Diviżjoni kienu impenjati flimkien ma' l-MUT u l-Assoċjazzjonijiet tat-Trasport Pubbliku f'diskussjonijiet biex isibu soluzzjoni għal kwestjonijiet li kien hemm pendenti. Huwa irringrazzja lill-MUT u lill-Assoċjazzjonijiet tal-kontribut siewi li taw biex instabu is-soluzzjonijiet it-tajba.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926