Left arrow Go Back

Biex il-Familja TiegĦek TgĦix AĦjar

PR1286
Date Icon 23/09/2002

"Il-familja hija tassew il-pedament li fuqu hija mibnija s-soċjeta’ Maltija. B’hekk, il-ħidma kollha tal-Gvern hija mmirata biex issaħħah il-familja Maltija u tipprovdilha kwalita’ ta’ ħajja aħjar permezz ta’ bilanc aħjar bejn ix-xogħol, il-familja u d-dmirijiet ċiviċi. Tul dawn l-aħħar erba’ snin, ix-xogħol kollu li wettaqna fl-oqsma tal-politika soċjali, tax-xogħol, tas-saħħa, ta’ l-edukazzjoni, il-kultura, u l-isport, sar biex il-familja Maltija tisseddaq u tissaħħaħ". Dan qalu il-Vici Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali, Lawrence Gonzi, waqt konferneza stampa dwar l-inizjattivi li ħa l-Gvern tul dawn l-aħħar erba’ snin biex isaħħaħ il-familja."

"Il-familja hija l-eżempju ewlieni ta’ l-impenn tal-Gvern biex insaħħu lil Malta u lil dak kollu li huwa Malti: f’kelmtejn, Insaħħu Pajjiżna," qal il-Ministru Gonzi. "Dan l-impenn sħiħ wassal biex, b’mod reali u konkret ikun hawn kwalita’ ta’ ħajja aħjar, ‘biex int tgħix aħjar’."

Il-konferenza ta’ l-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Louis Galea, il-Ministru għas-Servizzi Ekonomici, Josef Bonnici, il-Ministru għas-Saħħa, Louis Deguara u s-Segretarji Parlamentari, Jesmond Mugliett, u George Ħyzler.

Il-Familja u x-Xogħol

Matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern bil-ħidma tiegħu rnexxilu jaħdem biex inħoloq xogħol ġdid għal fuq minn-5000 persuna permezz ta’ 185 proġett tal-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp. Il-qagħad niżel mil-livell ta’ erba’ snin ilu. Biex ngħinu lill-membri tal-familja li jkunu qed ifittxu xogħol ġdid jew iridu jitgħallmu xi ħiliet ġodda l-ETC fil-Budget li għadda, ingħatat Lm1 miljun aktar sabiex tkun tista’ tiżviluppa programmi specjalizzati ta’ taħriġ.

Ix-xogħol m’għandux itellef lil dak li jkun milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu fil-familja. Fl-istess waqt il-Gvern huwa determinat li jsaħħaħ il-patecipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Dan kollu ridna nagħtuh is-saħħa tal-liġi. Minħabba f’hekk tnedew l-liġijiet dwar l-impjieg u r-relazzjonijiet industrijali u dik dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li permezz taghhom ġew imdaħħla miżuri ġodda bħall-parental leave, protezzjoni għall-ħaddiema part-time, siegħat ta’ xogħol mnaqqsa, leave għal-raġunijiet urġenti, protezzjoni għal-ħaddiema nisa waqt it-tqala, protezzjoni għall-ħaddiema żgħażagħ u protezzjoni kontra l-fastidju sesswali u l-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-miżuri ġew wkoll imsaħħa permezz ta’ regolamenti ġodda dwar is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol.

Appoġġ għal kull min għandu bżonn

Familji għaddejjin minn diffikultajiet illum jistgħu jirrikorru għand l-aġenziji ‘Appoġġ’ u Sedqa. F’dawn l-aħħar xhur l-Appoġġ żiedet l-impenn tagħħa favur il-ħarsien għat-tfal u l-familji li jkunu għaddejin minn żminijiet diffiċli inkluż il-vjolenza domestika u l-abbuż mid-droga. Bdejna nipprovdu għajnuna finanzjarja lill-familji li jiffosterjaw lil xi tfal u lit-tfal li jisabu f’istituzzjoni residenzjali.

Jinsab għaddej titjib kontinwu fil-qasam tad-djar u ta’ l-akkomodazzjoni soċjali permezz ta’ sussidji u għotjiet għall-irranġar tad-djar residenzjali. Għal ħafna familji, u b’mod partikulari għal persuni b’diżabilita’ u għal l-anzjani, l-istallazzjoni ta’ liftijiet, tassew tfisser qabża sostanzjali fil-kwalita’ ta’ ħajja tagħhhm ta’ kuljum. Matul dawn l-erba’ snin ġew mibnija 900 unit għall-bejgħ sussidjat mill-Awtorita’ tad-Djar, filwaqt li x-xogħol fuq 300 unit oħra magħmula apposta biex jaqdu r-realtajiet socjali ta’ llum ser jitlesta fis-sena li ġejja. Numru ta’ proġetti mportanti għat-tneħħija ta’ slums fl’Imsida, Birkirkara u Floriana ġew mibdija. Ma jistax jintesa x-xogħol kbir li qed isir fid-day care centres għall-anzjani kif ukoll fir-residenza San Vincenz de Paule u Dar għall-Anzjani gewwa Bormla.

Is-Saħħa

Għall-familji s-saħħa tiġi l-ewwel. Il-Gvern hu mpenjat li jipprovdi servizzi tas-saħħa ta’ l-ogħla kwalità kemm għal-lum kif ukoll għall-ġejjieni. Biex jassigura dan , il-Gvern sena wara l-oħra żied in-nefqa fis-settur tas-saħħa. Din is-sena in-nefqa f’dan is-settur se tkun ta’ Lm92miljun, b’ Lm17miljun għall-mediċini.

Permezz ta’ aktar awtonomija fl-isptarijiet il-pazjenti qed jingħataw trattament aktar malajr u effettiv. Aktar ma jgħaddi ż-żmien il-kura qed issir aktar personaliżżata.

Minkejja l-bini ta’ l-isptar Mater Dei, il-Gvern baqa’ għaddej fuq l-immodernizzar ta’ San Luqa u b’xiri ta’ appparat mediku mill-aktar modern li għandu jittieħed fl-isptar il-ġdid. Fost dawn insibu l-Magnetic Resonance Imaging (MRI), twaqqif ta’ Angiosuite, Coronary Intensive Care Unit (CICU) u Cardiac Catħetorisation Laboratory. Qegħdin isiru operazzjonijiet ta’ keyhole surgery, fuq ir-retina ta’ l-għajn u fuq il-glandola tal pituitary li qabel kienu jsiru barra minn Malta.

Ġew eliminati il-waiting lists biex pazjenti jibdew il-kura fl-isptar Boffa u ġew modernizzati diversi swali. Fl-isptar Monte Carmeli sar xogħol estensiv ta’ modernizzar ta’ diversi swali. Ġew introdotti ix-sheltered workshops fejn pazjenti jagħmlu xogħol bi ħlas li jservi ta’ terapija billi jrodd lura d-dinjità lill-pazjenti u jwittilhom it-triq għal meta jerġgħu lura fil-komunità.

Biex il-futur ta’ wliedna jkun l-aħjar

Uliedna jenħtieġu edukazzjoni tajba u bażzi soda biex jimxu l quddiem u jkomplu jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom. Sabiex jkunu jistgħu jirċievu din il-preparazzjioni, il-Gvern investa madwar Lm 19 miljun fuq immoderniżżar u bini ta’skejjel f’dawn l-aħħar tliett snin, b’ nefqa ta’ Lm 3 miljun din is-sena. Tul dan is-sajf, sar xogħol estensiv ta’ refurbishment fuq 40 skola.

Twaqqfet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada biex tistudja l-bżonnijiet ta’ l-iskejjel tal-istat u l-Gvern issa kkommetta li jinvesti madwar Lm 60 miljun biex l-iskejjel ta’ l-istat kollha ikunu ta’ livell meħtieg skond il-Kurrikulu, b’mod li t-tagħlim jista jingħata b’mod aktar interessanti u li jolqot il-ħtiġijiet ta’ żmienna u tal-futur.

Wettaqna riforma ta’ l-edukazzjoni mill-qiegħ meta fassalna flimkien ma’ l-esperti u l-għalliema Kurrikulu Nazzjonali. Issa aktar minn qatt qabel it-tfal tagħna jitgħallmu dak li l-aktar jista’ jassigurhom li jlaħħqu ma’ l-isfidi tal-preżent u tal-futur.

Sa minn eta’ zgħira, tfal Maltin qed jingħataw l-opportunita’ li jitgħallmu kif juzaw tajjeb it-teknoloġija tal-kompjuter. Fil-livell tal-primarja, issa hemm kompjuter għal kull seba’ studenti u laptop computer għal kull għalliem. Tħejjew computer labs f’diversi skejjel sekondarji. Ħamsa u disgħin fil-mija (95% ) ta’ l-istudenti li jattendu skola sekondarja għandhom aċċess għall-internet fl-istess skejjel.

Aktar minn 90 kors qed jiġu provduti fis-sitt istituti tal-Kullegg Malti ta’ l-Arti, Xjenza u Teknologija (MCAST). Illum fil-kulleġġ hemm jistudjaw madwar 1,600 student u studenta, u din is-sena, ser jidħlu madwar 1300 student ieħor. Illum il-familji għandhom opportunita’ li jqattaw il-ħin liberu tagħhom ‘il bogħod mill-periklu, f’kumplessi kbar sportivi bħal dak fl-Universita’. Bħalissa, għaddej xogħol fuq il kumpless sportiv ta’ Bormla.

Il-Familja bħala Konsumatur

Il-familji huma wkoll konsumaturi, u għalhekk l-interessi ta’ dawn il-konsumaturi ġew ukoll imħarsa u mtejba. Il-familji Maltin illum għandom għazla wiesgħa ta’ prodotti bi prezzijiet kompettivi, b’riżultat ta’ kompetizzjoni fis-suq. Il-Ligi tal-Kompetizzjoni Ġusta kienet emendata biex tiggarantixxi suq ħieles u b’regoli ġusti. Ġew introdotti Att dwar is-Sigurezza tal-Prodott u Att dwar is-Sigurezza ta’ l-Ikel, kif ukoll bosta liġijiet relatati mal-konsumatur, bħal dawk ta’ reklamar qarrieqi u responsabbilta’ għall-prodotti. Dawn huma maħsuba biex jiżguraw aktar protezzjoni wiegħsa għall-familji konsumaturi.

Fis-Seklu 21

"Tul dawn l-aħħar erba’ snin, b’mod konkret u għaqli, tajna’ priorita’ kbira lill-familja, f’kull settur li jikkoncerna. Kull meta nsaħħu l-qafas tal-familja, mill-ewwel nkunu f’qagħda aħjar biex niffaccjaw il-futur, bl-opportunitajiet u l-isfidi li dan jista’ joffrilna," kkonkluda l-Vici Prim Ministru.

Rapporti dwar il-Ministeri

Rapporti dettaljati dwar il-ħidma ta’ kull Ministeru fir-raba’ sena ta’ dan il-Gvern, 2001/2002, jinstabu fuq l-internet fuq www.doi.gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

More Press Releases Right arrow