Left arrow Go Back

IL-KISBA TA’ L-INDIPENDENZA ĠABET MAGĦHA QAWMIEN ARTISTIKU

PR1281
Date Icon 20/09/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit inawgura wirja bit-tema “Oils and Clays”, xogħol ta’ Lucian Cauchi. Il-wirja ittellgħet fil-kappella ta’ Santa Margerita b’kolaborazzjoni mal-Kunsill Lokali San Ġwann. Hu qal li f’dawn il-jiem il-poplu Malti u Għawdxi qed ifakkar it-38 anniversarju mill-kisba ta’ l-Indipendenza għall-pajjiżna. Hu fakkar li l-Indipendenza ġabet magħha mhux biss il-liberta’ ta’ l-azzjoni iżda ukoll il-liberta’ tal-ħsieb li wasslet għal qawmien letterarju u artistiku. 

Francis Zammit Dimech qal li ma’ l-Indipendenza wirt vast ta’ bini storiku u fortifikazzjonijiet li kienu qed iservu l-interessi tal-Miltar Ingliż għaddew f’idejn il-Maltin. Aktar bini u fortifikazzjonijiet għaddew f’idejn il-Gvern Malti meta l-Qawwiet Militari Ingliżi ħallew pajjiżna. Hu qal li kien impossibbli li l-Gvern Malti jagħmel użu minn dan il-bini kollu li ngħata lura. Għalhekk parti minnu baqgħet snin twal abbandunat, kien hemm bini li ġie vandalizzat u f’xi postijiet kien hemm anke fejn twaqqgħu partijiet minn fortifikazzjonijiet. Hu qal li l-miljun lira li pajjiżna kien ngħata bħala rigal ma’ l-Indipendenza biex ikun restawrat bini li mar lura għand il-Gvern kienu ftit wisq meta wieħed iqis x’kien hemm f’idejn l-Ingliżi tul il-160 sena li damu f’pajjiżna. 

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li pajjiżna għaddej illum minn żminijiet oħra fejn il-poplu sar ħafna aktar konxju mill-patrimonju storiku. Hu qal li f’dawn l-aħħar 15-il sena twaqqfet l-infrastruttura biex nirriabilitaw u nirrestawraw il-bini storiku ta’ pajjiżna. Qal li fl-1988 twaqqaf il-Proġett għar-Riabiltazzjoni tal-belt Valletta. Wara twaqqfu l-Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera u ta’ l-Imdina u aktar tard twaqqaf ukoll il-Unit għar-Restawr. Flimkien dawn qed iwettqu proġetti ta’ riabilitazzjoni u restawr fis-sitt ibliet fortifikati ta’ Malta u f’bini storiku madwar il-pajjiż kollu. 

l-Ministru Francis Zammit Dimech qal li llum hemm involuti fir-restawr sew il-Gvern, il-volontarjat u s-settur privat. Francis Zammit Dimech qal li

·     Il-Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina kienu l-ewwel organizazzjoni governattiva li wettqet ħidma kbira ta’ restawr u riabilitazzjoni fil-belt Valletta, il-Floriana, il-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Imdina. Magħhom ingħaqad il-Unit għar-Restawr li fl-aħħar erba’ snin wettaq 70 proġett ta’ restawr u għandu 50 proġett ieħor li jew qed jitwettqu jew jinstabu fi stadju ta’ ippjanar.

·     Diversi organizazzjonijiet mhux governattivi bħal Din l-Art Ħelwa u Fondazzjoni Wirt Artna qed iwettqu proġetti ta’ restawr u anke ta’ ħarsien ta’ bini storiku.

·     Parti mis-settur privat, minn rajh, jieħu inizjattivi favur ir-restawr ta’ monumenti storiċi filwaqt li xogħol ieħor ta’ restawr jifforma parti mill-kundizzjonijiet ta’ proġetti kapitali bħal dawk tal-Kottonera, Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne u l-Cruise Liner Passenger Terminal fejn dawn it-tliet konsorzji ntrabtu li jwettqu miljuni ta’ liri f’restawr ta’ bini storiku fix-xatt tal-Birgu, f’Forti Manoel u l-bini storiku li hemm f’Manoel Island, fil-Forti Tigne, il-Kappella ta’ San Luqa f’Tigne, fl-Imħażen ta’ Pinto u Forni fix-xatt tal-Belt. 

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li din il-ħidma kollha hi parti minn qawmien ieħor artistiku li għaddej minnu pajjiżna. Hu qal li dan il-qawmien ma kienx ikun possibli li kieku ma kienx hawn nies dedikati li jimbuttaw ’il quddiem dak kollu li hu Malti u dak kollu li jagħmilna kburin li aħna Maltin.  

Francis Zammit Dimech qal li l-artisti Maltin huma parti integrali minn dan il-proċess. Hu feraħ lil Anthony Lucian Cauchi għax-xogħlijiet tiegħu u lill-Kunsill Lokali San Ġwann li bil-kollborazzjoni tagħhom setgħet tittella’ din il-wirja.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

More Press Releases Right arrow