XOGĦOL FL-ISKOLA PRIMARJA TAL-GŻIRA - XOGĦOL TAJJEB LEST FI ŻMIEN REKORD
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea żar l-iskola Primarja tal-Gżira fejn matul ix-xhur tas-sajf sar xogħol estensiv ta' tibdil ta' soqfa perikolużi li tlesta fi żmien rekord ta' anqas minn tlett xhur. Dan ix-xogħol li sar mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) kien wieħed ta' emerġenza u hu biss parti minn xogħol estensiv ieħor li għandu jsir f'din l-iskola.
L-FTS kienet għamlet testijiet fuq is-soqfa u sar magħruf li s-soqfa tal-klassijiet u l-kuruduri ta' fuq kienu fi stat ħażin ħafna u kellhom bżonn jinbidlu. Għalhekk ġimgħa wara li spiċċat l-iskola f'Lulju li għadda beda x-xogħol biex jitneħħew is-soqfa ta' fuq u jitqiegħdu s-soqfa l-ġodda.
F'dawn il-ġimgħat sar ukoll xogħol fuq is-servizzi tad-dawl, ilma u network tal-kompjuters, kif ukoll xogħol ta' finitura li jinkludi t-tikħil u t-tibjid bil-kuluri tal-Fondazzjoni. Għad fadal ħafna xogħol li jrid jsir u l-Fondazzjoni qed tipprepara pjan ta' xogħol għall-fażijiet li jmiss ta' żvilupp għal din l-iskola. Sadanittant se jkomplu xi xogħlijiet matul is-sena skolastika. dawn jinkludu l-bdil tal-fencing, titjib ta' l-ispazji tar-rikreazzjoni u xogħol biex l-iskola issir aktar aċċessibbli. Madankollu x-xogħlijiet li se jsiru m'huma se jtellfu bl-ebda mod l-edukazzjoni tat-tfal. Sadanittant tpoġġew numru ta' travetti taħt is-saqaf tal-kurudur ta' isfel biex jiġi assigurat is-safety tiegħu sakemm tinbeda l-fażi li jmiss ta' xogħol strutturali f'din l-iskola fis-sajf li ġej.
Waqt iż-żjara li għamel il-Ministru Louis Galea qal li ftit ġimgħat ilu kellu l-opportunità jżur l-istess skola meta kienu għadhom qed jitqiedu s-soqfa. Hu qal li hu ta' sodisfazzjon jara li ix-xogħlijiet f'din l-iskola saru ta' kwalità tajba, b'ritmu mgħaġġel u fiż-żmien stipulat biex it-tfal li jattendu din l-iskola ikunu jistgħu jibdew sena skolastika f'ambjent sabieħ u mingħajr periklu.
Il-Fondazzjoni se tkun qed twettaq xogħol strutturali ukoll fl-iskola sekondarja tal-Gżira. Hawnhekk ix-xogħlijiet jinkludu il-bini ta' numru ta' klassijiet ġodda, lift-shafts u xogħlijiet ta' finitura.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-kummenti tal-Kelliem ta' l-Oppożizzjoni Evarist Bartolo li għamel fil-Parlament din il-Ġimgħa. Hu qal li kuntrarju għal dak li qal l-Onor. Bartolo, il-lift fl-iskola "Lily of the Valley" qed ikun irranġat u se jkun jaħdem sa' nhar it-Tnejn meta tibda l-iskola. Dwar is-sala ta' l-istess skola il-Ministru qal li filwaqt li hu minnu li s-saqaf tas-sala hu fi stat ħażin u hemm bżonn li jinbidel, il-Fondazzjoni se tippublika t-tenders permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti biex fi żmien qasir jibda x-xogħol.
Il-Ministru irrefera ukoll għall-kumment ta' Evarist Bartolo dwar il-programm għall-aċċessibilità tal-Fondazzjoni. Il-Ministru qal li l-paragun li sar bejn l-infieq fuq l-aċċessibilità fl-iskejjel u dak fuq konsulenza hu bla sens u qed jintuża biss bħala gimmick oħra ta' l-Oppożizzjoni. Il-Ministru qal li tħejjew ir-rapporti dwar l-aċċessibilità fl-iskejjel kważi kollha bħala parti mill-Awditjar dettaljat li qed isir fl-iskejjel. Hu qal li dawn ir-rapporti qed jiġu evalwati u diġà inħarġu t-tenders biex jiġu stallati lifts fl-iskejjel ta' Sir Adrian Dingli, il-Liċeo tal-Ħamrun, il-Liċeo taż-Żejtun, Vinċenzo Buġeja ta' Sta. Venera u Adelaide Cini tal-Ħamrun, u fl-Iskejjel Primarji ta' Wied il-Għajn, San Pawl il-Baħar u Birżebbuġa. Qal ukoll li qed jinbnew jew diġà inbnew il-lift-shafts għal dawn il-lifts. Barra minn hekk qed isiru rampi, livellar ta' l-art, immodernizzar tal-faċilitajiet sanitarji, twessiegħ ta' bibien (eż. f'Sir Adrian Dingli biss twessgħu mat-300 bieb) f'diversi skejjel.
Il-Ministru Louis Galea qal li hekk kif tibda s-sena skolastika eluf ta' tfal u l-ġenituri tagħhom se jkunu jistgħu jaraw kemm sar xogħol fl-iskejjel ta' l-Istat matul dan is-sajf u kemm dan ix-xogħol sar sew u b'mod li verament isebbaħ l-ambjent ta' l-iskejjel. Hu qal li dan hu biss il-bidu tal-programm ta' xogħlijiet li se tkun qed twettaq il-Fondazzjoni fis-snin li ġejjin fejn l-iskejjel kollha ta' l-Istat se jiġu immodernizzati u se jinbnew numru ta' skejjel ġodda.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926