Left arrow Mur Lura

Ġojjel ieħor tal-wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna restawrat

PR1269
Date Icon 19/09/2002

Meta kien qed jattendi ghall-ftuh mill-gdid tal-Kappella ta’ Sant’Andrija li ghada kemm giet restawrata dan l-ahhar, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor.  Francis Zammit Dimech qal li t-twaqqif tal-Unit għar-Restawr fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u l-Manutenzjoni mela’ vojt fl-infrastruttura tar-restawr, għaliex dan mhux biss iwettaq xogħol ta’ restawr fuq bini storiku proprjetà tal-Gvern, iżda jagħmel ħafna xogħol fuq bini li mhux governattiv. 

Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma ta’ dan il-Unit tirriżulta bl-aktar mod ċar mis-70 proġett li wettaq, mit-30 proġett li qed iwettaq u mill-20 proġett li hemm fi stadju ta’ ppjanar. Hu qal li hemm proġetti kbar, bħal dawk tar-restawr tal-bereġ, u proġetti relattivament iżgħar iżda li kollha qed jagħtu kontribut tanġibbli biex inħarsu l-wirt storiku ta’ pajjiżna. 

Francis Zammit Dimech qal li ħidma bħal din il-Gvern kien iwettaqa bil-qalb għaliex jemmen li l-wirt storiku, hu ta’ min hu, jeħtieġ illi nħarsuh biex inħalluh aħjar milli sibnih. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li pajjiżna hu magħruf għal ħafna kappelli li hemm barra inħawi mibnija u fil-kampanja. Uħud minn dawn il-kappelli tul iż-żmien ġratilhom ħsara  - jew kaġunata mill-elementi jew minn nies. Hu qal li waħda minn dawn il-kappelli kienet dik ta’ Sant’Andrija fil-Mosta, li ġarrbet ħsarat meta sar tħaffir fil-qrib tagħha, tant li  kkaġunawlha ħsarat strutturali.  

Francis Zammit Dimech qal li din il-kappella kellha storja u għalhekk ma kienx ikun ġust li tintilef. Hu qal li fil-fatt kien anke nfurmat li fis-snin tmenin, din il-kappella, wara li ngħalqet u kważi ġiet abbandunata, kien hemm min issuġerixxa li anke titwaqqa’. 

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li din il-kappella ddedikata lil Sant’Andrija reġgħet inbniet fis-Seklu XVI biex tieħu post kappella oħra li kienet iġġarfet. Il-kappella li kien hemm qabilha, li kienet pjuttost ’il bogħod minn din, kienet ħdejn id-dar tal-Ġiżwiti, illum magħrufa bħala Mount Saint Joseph.  

Hu qal li f’dawn l-inħawi, f’għalqa magħrufa bħala Ta’ Bistra, kien hemm ħafna għerien imħaffra fil-blat li jixbħu ħafna lil dawk tar-Rabat u s-Salini. Probabilment dawn kienu katakombi ta’ l-ewwel insara. Francis Zammit Dimech qal li f’dawk iż-żminijiet il-kappella kienet tagħmel parti mill-Mellieħa, u kien hemm żmien li kienet  anke parti min-Naxxar. Illum hi waħda minn ħdax il-kappella affiljati mal-Knisja Parrokkali tal-Mosta. 

Francis Zammit Dimech qal li b’xorti tajba din il-kappella ma twaqqetx. Hu qal li sentejn ilu, wara talba mill-Kunsill Lokali Mosta, ħaddiema mill-Unit għar-Restawr wettqu xogħol ta’ tisħiħ tal-pedamenti ta’ din il-kappella u restawr sew fuq barra kif ukoll fuq ġewwa.  Bini li kien tela’ wara, u li kien iservi bħala sakristija, twaqqa’ wara li nkisbu l-permessi neċessarji. Hekk din il-kappella ħadet lura ħafna mid-dehra oriġinali tagħha. 

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett inkluda pavimentar ġewwa u barra l-kappella kif ukoll xogħol estetiku u l-bdil ta’ aperturi ta’ l-injam. 

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din il-kappella kienet waħda kwadra mingħajr ebda dekorazzjonijiet b’kampnar sempliċi u tieqa tonda żgħira fuq il-bieb. Hu qal li dan il-proġett, għalkemm relattivament żgħir, kien sforz kollettiv ta’ diversi taqsimiet fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet li ħadmu flimkien mal-Kunsill Lokali Mosta. Hekk għal darb’oħra l-koperazzjoni bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali tat il-frott mixtieq. 

Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-ħaddiema tal-Unit għar-Restawr, tal-Unit tal-Manutenzjoni, tat-Taqsima tad-Distretti u tat-Taqsima tal-Waterproofing, ilkoll fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni, li flimkien ħadmu biex dan il-ġojjel arkittetoniku tal-wirt storiku ta’ pajjiżna seta’ jiġi restawrat.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow