Ġojjel ieħor tal-wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna restawrat
Meta kien qed jattendi ghall-ftuh mill-gdid tal-Kappella ta’ Sant’Andrija li ghada kemm giet restawrata dan l-ahhar, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech qal li t-twaqqif tal-Unit għar-Restawr fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u l-Manutenzjoni mela’ vojt fl-infrastruttura tar-restawr, għaliex dan mhux biss iwettaq xogħol ta’ restawr fuq bini storiku proprjetà tal-Gvern, iżda jagħmel ħafna xogħol fuq bini li mhux governattiv.
Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma ta’ dan il-Unit tirriżulta bl-aktar mod ċar mis-70 proġett li wettaq, mit-30 proġett li qed iwettaq u mill-20 proġett li hemm fi stadju ta’ ppjanar. Hu qal li hemm proġetti kbar, bħal dawk tar-restawr tal-bereġ, u proġetti relattivament iżgħar iżda li kollha qed jagħtu kontribut tanġibbli biex inħarsu l-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Francis Zammit Dimech qal li ħidma bħal din il-Gvern kien iwettaqa bil-qalb għaliex jemmen li l-wirt storiku, hu ta’ min hu, jeħtieġ illi nħarsuh biex inħalluh aħjar milli sibnih.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li pajjiżna hu magħruf għal ħafna kappelli li hemm barra inħawi mibnija u fil-kampanja. Uħud minn dawn il-kappelli tul iż-żmien ġratilhom ħsara - jew kaġunata mill-elementi jew minn nies. Hu qal li waħda minn dawn il-kappelli kienet dik ta’ Sant’Andrija fil-Mosta, li ġarrbet ħsarat meta sar tħaffir fil-qrib tagħha, tant li kkaġunawlha ħsarat strutturali.
Francis Zammit Dimech qal li din il-kappella kellha storja u għalhekk ma kienx ikun ġust li tintilef. Hu qal li fil-fatt kien anke nfurmat li fis-snin tmenin, din il-kappella, wara li ngħalqet u kważi ġiet abbandunata, kien hemm min issuġerixxa li anke titwaqqa’.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li din il-kappella ddedikata lil Sant’Andrija reġgħet inbniet fis-Seklu XVI biex tieħu post kappella oħra li kienet iġġarfet. Il-kappella li kien hemm qabilha, li kienet pjuttost ’il bogħod minn din, kienet ħdejn id-dar tal-Ġiżwiti, illum magħrufa bħala Mount Saint Joseph.
Hu qal li f’dawn l-inħawi, f’għalqa magħrufa bħala Ta’ Bistra, kien hemm ħafna għerien imħaffra fil-blat li jixbħu ħafna lil dawk tar-Rabat u s-Salini. Probabilment dawn kienu katakombi ta’ l-ewwel insara. Francis Zammit Dimech qal li f’dawk iż-żminijiet il-kappella kienet tagħmel parti mill-Mellieħa, u kien hemm żmien li kienet anke parti min-Naxxar. Illum hi waħda minn ħdax il-kappella affiljati mal-Knisja Parrokkali tal-Mosta.
Francis Zammit Dimech qal li b’xorti tajba din il-kappella ma twaqqetx. Hu qal li sentejn ilu, wara talba mill-Kunsill Lokali Mosta, ħaddiema mill-Unit għar-Restawr wettqu xogħol ta’ tisħiħ tal-pedamenti ta’ din il-kappella u restawr sew fuq barra kif ukoll fuq ġewwa. Bini li kien tela’ wara, u li kien iservi bħala sakristija, twaqqa’ wara li nkisbu l-permessi neċessarji. Hekk din il-kappella ħadet lura ħafna mid-dehra oriġinali tagħha.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett inkluda pavimentar ġewwa u barra l-kappella kif ukoll xogħol estetiku u l-bdil ta’ aperturi ta’ l-injam.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li din il-kappella kienet waħda kwadra mingħajr ebda dekorazzjonijiet b’kampnar sempliċi u tieqa tonda żgħira fuq il-bieb. Hu qal li dan il-proġett, għalkemm relattivament żgħir, kien sforz kollettiv ta’ diversi taqsimiet fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet li ħadmu flimkien mal-Kunsill Lokali Mosta. Hekk għal darb’oħra l-koperazzjoni bejn il-Gvern u l-Kunsilli Lokali tat il-frott mixtieq.
Francis Zammit Dimech irringrazzja lill-ħaddiema tal-Unit għar-Restawr, tal-Unit tal-Manutenzjoni, tat-Taqsima tad-Distretti u tat-Taqsima tal-Waterproofing, ilkoll fi ħdan id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni, li flimkien ħadmu biex dan il-ġojjel arkittetoniku tal-wirt storiku ta’ pajjiżna seta’ jiġi restawrat.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926