Proġett ta’ riabilitazzjoni tal-bitħa ta’ Nettuno fil-Palazz Presidenzjali
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, l-Onor. Dr. Francis Zammit Dimech qal li x-xogħol fil-Palazz Presidenzjali fil-belt Valletta kien proġett ewlieni għaliex kien jiġbor restawr ta’ xogħol ta’ l-arti, ristrutturazzjoni u xogħol kontinwu ta’ manutenzjoni.
Meta kien qed iżur ix-xogħol ta’ ri-abilitazzjoni li sar fil-bitħa ta’ Nettuno fil-Palazz Presidenzjali, il-Ministru Zammit Dimech qal li bħalisssa qed jitwettqu fil-Palazz tliet proġetti ewlenin ta’ restawr:
- Restawr ta’ l-affresk ta’ Peres D’Aleccio fis-sala tal-Gran Kunsill;
- Restawr fil-kamra tal-Paladini; u
- Restawr tas-saqaf ta’ l-injam fl-istess kamra tal-Paladini.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawn huma xogħlijiet ta’ l-arti mill-aktar importanti li kien hemm żmien meta ma kenux apprezzati u saritilhom ħsara. Hu qal li llum li l-poplu sar aktar konxju mill-wirt storiku ta’ pajjiżna l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ f’dawn il-ġojjelli ta’ arti, li nħadmu minn artisti ta’ fama li ħallew il-marka tagħhom mhux biss f’Malta iżda wkoll fi bliet kapitali Ewropej u anke ’l bogħod mill-kontinent tagħna. Din il-ħidma kienet tirrikjedi investiment qawwi tant li l-proġett ta’ restawr ta’ l-affresk ta’ Matteo Peres D’Aleccio kien mistenni jiswa madwar Lm80,000.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li minbarra xogħol ta’ manutenzjoni ta’ kuljum, fil-Palazz jitwettaq ukoll xogħol straordinarju ta’ bdil ta’ soqfa, bdil ta’ ġebel li jkun fi stat ħażin, ftuħ ta’ twieqi u xogħlijiet oħra. Hu qal li din il-ħidma kienet tinkludi ukoll xogħol b’tender għal generator room ġdida u xogħlijiet fl-Uffiċji li kien juża d-Direttorat ta’ l-Unjoni Ewropea, u fuq il-gallerija.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li proġett ta’ riabilitazzjoni li qed jitwettaq bħalissa hu dak tal-bitħa prinċipali, il-bitħa ta’ Nettuno. Dan il-proġett jinkludi t-tneħħija ta’ kwalunkwe ħaġa li tagħmel ħsara strutturali lill-istrutturi madwar il-bitħa, l-upgrading tas-servizzi eżistenti bħal katusi biex jieħdu l-ilma tax-xita u dwal ġodda, kif ukoll it-tisbiħ ta’ l-istess bitħa u pavimentar ġdid li jaqbel ma’ l-ambjent.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li tul is-snin l-art f’din il-bitħa, ‘traqqgħet’ bl-asfalt, partijiet imtlew bil-ħamrija u tħawwlu siġar li qed jagħmlu ħsara lill-istrutturi u l-istabilità tal-kolonni.
Francis Zammit Dimech qal li d-disinn li sar hu maħsub li jsebbaħ din il-bitħa b’tali mod li l-karatteristiċi oriġinali tad-disinn, partikolarment it-transizzjoni bejn l-ispazju ta’ barra u ta’ ġewwa, jiġu konservati u riabilitati. Għalhekk il-kunċett tad-disinn basiku hu bażat fuq stħarriġ storiku. Hu qal li dan il-proġett se joħloq disinn interessanti ta’ pavimentar flimkien ma’ għażla tajba ta’ materjal partikolarment f’dak li hu kobor ta’ madum u kulur li flimkien għandhom jagħtu dehra mill-isbaħ lill-bitħa. Francis Zammit Dimech qal li anke fl-għażla tad-dwal sar minn kollox biex ikun rispettat l-ispazju li hemm u d-dimensjoni taż-żmien. Hu qal li dawn id-dwal se joħorġu d-dehra sabiħa tal-pilastri kif ukoll il-passaġġ mgħotti bil-ħnejjiet li jdawwar il-bitħa. Fid-disinn ingħatat ukoll attenzjoni għas-siġar eżistenti u għat-tħawwil ta’ siġar ġodda li għandhom jagħtu dehra ġdida lil dan l-ispazju miftuħ.
Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett hu smat li jiswa Lm58,000 iżda ma kienx hemm dubju li hu investiment tajjeb fil-wirt storiku ta’ pajjiżna. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Palazz tul is-snin li ilu mibni, serva biex jilqa’ fih l-ogħla dinjitarji ta’ pajjiżna. Kien il-Palazz tal-Gran Mastri li bnewh u llum hu l-Palazz tal-President ta’ Malta u anke jilqa’ fih il-Parlament tal-pajjiz.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Palazz kien ukoll attrazzjoni turistika li jagħti kontribut qawwi biex inkattru t-turiżmu kulturali f’pajjiżna. Dan kollu jagħmel mill-Palazz ċentru storiku u ta’ tmexxija, li jridu jsirulu l-interventi kollha meħtieġa biex iżomm id-dinjità li tixraqlu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926