Left arrow Mur Lura

Proġett li jinkorpora tlett aspetti ewlenin

PR1259
Date Icon 17/09/2002

Meta kien qed izur ix-xoghol li qed isir fuq il-progett tal-Ponta ta’ Tigne’ u tal-Kappella ta’ San Luqa, li ghadha kif giet restawrata, il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-proġett għall-Ponta ta’ Tigne’ u l-Manoel Island, wara snin ta’ tħejjija u qtiegh il-qalb minħabba l-problemi kollha li proġett kbir bħal dan iġib miegħu, issa kien miexi b’ritmu tajjeb u skond it-timeframes stabbiliti minn qabel.

Francis Zammit Dimech qal li x-xogħol fuq dan il-proġett jinkorpora tliet aspetti ewlenin

  • Twaqqif ta’ strutturi biex ikunu allokati għaqdiet sportivi u individwi milquta mill-proġett
  • Xogħol ta’ restawr fuq bini storiku li jinsab fil-Ponta ta’ Tigne u f’Manoel Island
  • Bidu ta’ xogħol b’aspett kummerċjali.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-istrutturi biex ikunu akkomodati dawk milquta mill-proġett jinkludu 12-il residenza. Hu qal li l-istrutturi jinkludu ukoll il-bini mill-ġdid tal-football pitch u club rooms ġodda għas-Sliema Wanderers Football Club li se jingħataw lill-Gvern biex imbagħad jgħaddih lill-club rispettiv u l-bini mill-ġdid tal-Clock Tower Block, flimkien ma’ diversi kmamar għall-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne’. Fil-bini ta’ dan il-blokk se jintuża l-istess ġebel li kien żmantellat mill-Clock Tower.

Francis Zammit Dimech qal li l-konsorzju MIDI ntrabat li jinvesti Lm5 miljun f’xogħol ta’ restawr fil-fortifikazzjonijiet u bini storiku li hemm fil-Ponta ta’ Tigne’ u f’Manoel Island. Hu qal li bħalissa qed isir xogħol vast ta’ restawr fis-swar li jdawwru lill-Forti Manoel u fil-foss ta’ madwar. Kien qed isir restawr tal-bini storiku li hemm madwar il-misraħ ta’ Forti Manoel. Xogħol ieħor ta’ restawr mistenni jibda fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla fuq il-Forti Tigne li tħalliet fi stat ta’ abbandun għal bosta snin.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li xogħol ieħor ta’ restawr kien sar f’St Luke’s Chapel li nbniet fil-bidu tas-Seklu 20 u li kienet isservi lill-uffiċjali u s-suldati Ingliżi fl-ewwel 75 sena tas-seklu li għadda. Din il-kappella, bħal ħafna bini ieħor li kien f’idejn is-Servizzi Militari Ingliżi, tħalliet mitluqa għal madwar 20 sena u tul dak iż-żmien ġarrbet ħsarat. Il-Ministru Zammit Dimech faħħar lill-konsorzju MIDI għal ħidma tiegħu biex din il-kappella reġgħet ingħatat id-dehra sabiħa li kellha meta kienet tintuża. Ir-restawr inkluda tindif, tneħħija ta’ ħaxix, qlugħ ta’ servizzi mal-faċċata u mal-ġnub tal-kappella, tibdil ta’ ġebel li kien ddetorja, konsolidament u trattament biex tiġi ppreservata l-ġebla. Francis Zammit Dimech qal li xogħol ieħor ta’ restawr sar fuq ġewwa tal-kappella biex dan il-ġojjel arkitettoniku ta’ l-epoka Ingliża reġa’ ingħata lura lill-poplu biex jitgawda.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-aspett ta’ restawr fil-kuntratt li għamel il-Gvern għall-proġetti kbar bħal dak tal-Forti Manoel u l-Ponta ta’ Tigne ikompli juri l-impenn tal-Gvern preżenti li jħares il-wirt storiku ta’ pajjiżna billi jwettaq hu stess, xogħlijiet ta’ restawr u billi anke jesiġi li s-settur privat jagħmel xogħol simili.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-aħħar aspett tal-ħidma li qed issir mill-konsorzju MIDI hu dak kummerċjali. Francis Zammit Dimech qal li wara li kien żarmat il-Clock Tower Block, biex jerġa’ jintuża, u wara li tħaffret ħofra kbira li minnha tneħħew 309,000 tunnellata ta’ blat, issa beda x-xogħol proprju tal-bini ta’ appartamenti u spazji pubbliċi. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fix-xhur li ġejjin mistenni jibda x-xogħol ta’

  • Bini ta’ pjazza li hi 30 fil-mija akbar minn Pjazza Reġina li se tinkludi ħwienet, ristoranti u duplex apartments;
  • Zona residenzjali f’Tigne Pont South, b’192 appartament;
  • Il-bini ta’ triq taħt l-art li hi parti mill-Outline Development Permit tal-proġett u li se tieħu t-traffiku mill-Ponta ta’ Tigne’;
  • Żvilupp ta’ retail and leisure mall li jinkludi sistema taħt l-art ta’ distribuzzjoni tat-traffiku u car park pubbliku;
  • Xogħol ta’ landscaping u bini ta’ toroq għal dawk li jridu jduru ma’ dan il-villaġġ turistiku bil-mixi.

Francis Zammit Dimech qal li meta inqas minn sentejn ilu ngħata bidu għal dan il-proġett, li fih se jkunu investiti Lm140 miljun mis-settur privat, kien innota li għal ċertu żmien in-nies kienu se jaraw biss ħofra kbira, iżda din il-ħofra kellha tkun il-bidu ta’ l-iżvilupp kollu tas-sit.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-ħofra tlestiet u fiha beda tiela’ l-bini li se jitgħatta bi ground tal-football. Se jibda x-xogħol tal-bini ta’ appartamenti u bini ta’ triq taħt l-art.

Flimkien ma’ dan ix-xogħol qed isir ukoll restawr ta’ bini storiku. Francis Zammit Dimech qal li ftit ftit dan il-proġett qed jieħu sura biex dak li ilu jissemma għal madwar 40 sena bħala proġett għall-iżvilupp ta’ Manoel Island issa qed jitwettaq biex jiġbor fih ukoll mhux biss Manoel Island iżda ukoll il-Ponta ta’ Tigne. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-proġett se jagħti lil pajjiżna dimensjoni ġdida fil-qasam ta’ l-ippjanar u l-arkittettura.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

Aktar Stqarrijiet Right arrow