Se jerġgħu jitkabbru l-gladjoli għall-esportazzjoni
L-esportazzjoni tal-fjuri minn pajjiżna tista’ terġa’ ssir realtà kemm-il darba tirnexxi l-esportazzjoni ta’ kwantità kbira ta’ fjuri tal-gladjoli wara li, sfortunatament, din l-esportazzjoni ma baqgħetx issir aktar f’nofs is-snin sebgħin. L-inizjattiva biex jerġgħu jibdew jitkabbru l-gladjoli f’Malta ttieħdet minn kumpannija Olandiża bl-appoġġ tal-Gvern u erba’ produtturi tal-fjuri f’Malta.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Agrikultura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit meta llum segwa ż-żrigħ ta’ eluf ta’ basal tal-gladjoli f’għelieqi fl-inħawi tal-Manikata, proprjetà tas-Sur Joe Debono.
Il-Ministru Zammit fakkar li fis-snin sittin u fil-bidu tas-snin sebgħin il-produtturi tal-fjuri f’Malta kienu jkabbru eluf ta’ gladjoli biex ikunu esportati lejn l-Ingilterra, fejn kienu jġibu prezz tajjeb ħafna.
L-inizjattiva biex jerġgħu jibdew jitkabbru l-gladjoli għall-esportazzjoni ttieħdet mill-kumpannija Olandiża A.C. van Diepen ta’ Berkhout. Ftit tax-xhur ilu ntagħżlu erba’ produtturi lokali li aċċettaw li jkabbru 50,000 basla kull wieħed. Il-kumpannija Olandiża mhux biss se tipprovdi l-basal iżda se tixtri wkoll il-fjuri tal-gladjoli għall-esportazzjoni, bi prezzijiet li diġà hemm qbil dwarhom mal-produtturi tal-fjuri. Il-kumpannija Olandiża se tipprovdi wkoll pariri lill-produtturi konċernati dwar it-tħejjija tal-ħamrija, il-mod kif għandhom jiddisinfettaw il-ħamrija, dwar iż-żrigħ, il-kontroll tal-mard u ta’ l-insetti u l-għażla tal-fjuri. Il-gladjoli se jinżergħu fuq perijodu ta’ ħames ġimgħat biex ma jilħqux f’daqqa. Il-pjan hu li dawn jilħqu għall-esportazzjoni bejn nofs Diċembru u l-aħħar ta’ Jannar. Dawn se jkunu esportati lejn l-Italja.
L-erba’ produtturi tal-fjuri li se jieħdu sehem f’dan il-proġett huma: is-Sur Joe Debono tal-kumpannija Jardinland, is-Sur Benny Camilleri mill-Imġarr, is-Sur George Sammut tal-kumpannija Flower Power, u s-Sur Lawrence Attard minn Victoria, Għawdex. Dawn se jkabbru bejniethom 200,000 basla ta’ ħames tipi differenti ta’ gladjoli.
Il-Ministru Zammit qal ukoll li madwar 10,000 basla oħra tal-gladjoli se jitkabbru fiċ-Ċentru għar-Riċerka u Żvilupp Agrikolu fl-Għammieri, biex iservu bħala prova għal skopijiet ta’ sperimentazzjoni. Żied li aktar ’il quddiem f’dan l-istaġun dawk il-produtturi nteressati se jkunu mistiedna jżuru dan iċ-Ċentru biex jaraw il-possibbiltà tat-tkabbir tal-gladjoli f’kundizzjonijiet varji u biex isir magħruf liema tipi l-aħjar li jitkabbru fil-kundizzjonijiet lokali.
Il-Ministru Zammit wera t-tama li dan il-proġett jirnexxi u li s-sena d-dieħla jkun hemm aktar produtturi tal-fjuri u bdiewa li jibdew ikabbru l-gladjoli għall-esportazzjoni. Hu qal li s-suq tal-fjuri qed jikber ħafna fl-Ewropa tant li f’dawn l-aħħar ħames snin żdied b’madwar 12 fil-mija fis-sena u allura joffri opportunitajiet ġodda lill-bdiewa Maltin
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926