IPPJANAR GĦAL SKOLA SEKONDARJA ĠDIDA FIL-MOSTA
Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea ħabbar li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada tinsab f'diskussjonijiet mal-MEPA dwar il-bini ta' skola sekondarja ġdida fil-limiti tal-Mosta. Din l-Iskola se taħseb biex tilqa’ għall-bżonnijiet ta' madwar 700 student mill-inħawi tan-naħa ta' fuq ta' Malta. Din ser tkun it-tieni skola ġdida li qed tieħu ħsieb il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. L-ewwel skola li ser tinbena mill-Fondazzjoni hi dik tal-Karwija limiti ta' Kirkop/Ħal Safi fejn bħalissa qed issir l-aġġudikazzjoni tat-tender tal-bini mill-Kumitat tal-Kuntratti. Ix-xogħol hu mistenni li jibda qabel l-aħħar ta' din is-sena.
Il-Ministru qal dan waqt żjara li għamel fl-iskejjel Primarji tal-Mosta u ta' Birkirkara fejn sar xogħol ta' tiġdid fil-bini kollu ta' dawn l-iskejjel. Dawn l-iskejjel huma fost madwar 40 skola oħra li dan is-sajf sar xogħol simili fuqhom. Fl-iskejjel Primarji A u B ta' B'Kara sar xogħol ta' tibjid b'kuluri li jidhru aktar attraenti għat-827 tifel u tifla li jattendu dawn l-iskejjel u sar ukoll xogħol estensiv fuq il-boundary wall li kien fi stat ħażin. F'din l-Iskola ngħatat attenzjoni partikolari għad-dekorazzjoni u r-riabilitazzjoni ta' l-ambjenti b'arkitettura aktar storika. Fl-iskola tal-Mosta fejn jattendu mas-664 student sar ukoll xogħol ta' tibjid fl-iskola kollha.
Waqt iż-żjara, il-Ministru semma ix-xogħol siewi li qed isir fl-iskola primarja ta' Marsaxlokk, fejn qed isir tisbieħ tal-faċilitajiet rikreattivi, tibjid ta' l-iskola kollha u qed tiġi indirizzata l-aċċessibilita fl-iskola. Il-Fondazzjoni qed tħejji wkoll il-pjanti ta' sala ġdida li beħsiebha tibni f'din l-iskola għall-użu tat-tfal u tal-kommunita' ta' Marsaxlokk.
Il-Fondazzjoni qed tħejji rapporti (Audits) dwar l-iskejjel tal-Gvern kollha. Minn dawn l-Audits, jitħejja pjan ta' żvilupp għal kull skola individwalment biex kull skola tiġi konformi mar-rekwiżiti tal-Kurrikulu Nazzjonali. B'mod partikolari qed tingħata importanza l-edukazzjoni inklussiva u l-Fondazzjoni ħadet l-inkariku biex tipprovdi l-faċilitajiet meħtieġa f'kull skola fosthom il-provvediment ta' aċċessibilita'.
Għal dan l-iskop diġa inħarġu numru ta' tenders biex jiġu stallati lifts f'diversi skejjel. L-ewwel lifts se jkunu stallati sa l-aħħar ta' din is sena. Sadanittant il-Fondazzjoni qed tieħu ħsieb biex jinbnew il-lift-shafts meħtieġa kif ukoll il-bini ta' rampi skond kif ikun approvat mill-MEPA u għas-sodisfazzjon tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Din il-ħidma se tkompli għaddejja matul is-sena skolastika, bi qbil mad-Diviżjoni u l-Kap ta' l-Iskola. Qed jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex ix-xogħlijiet ma jtellfux l-operat ta' l-iskola u ma jkunu ta' periklu għal ħadd.
Il-Ministru wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma kbira li qed twettaq il-Fondazzjoni u li qed tippjana għax-xhur li ġejjin.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926