MALTA TIFFIRMA PROTOKOLL TAL-KUNSILL TAL-EWROPA DWAR L-ANTI-DOPING FL-ISPORT
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Jesmond Mugliett bħalissa qed jattendi għall-Laqgħa tal-Ministri responsabbli tal-Isports tal-Kunsill tal-Ewropa.
Tul din iz-żjara l-Perit Mugliett ser jiffirma l-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni ta' l-istess Kunsill tal-Ewropa dwar l-Anti-Doping fl-isports. Permezz ta' din il-firma Malta qed tintrabat li toħloq sistemi sabiex tikkontrolla t-tixrid u l-abbuż ta' sustanzi illegali fl-oqsma sportivi.
Is-Segretarju Parlamentari qal li wara din il-firma ta' dan il-protokoll u l-firma tal-protokoll oriġinali, Malta tista' tipprepara sabiex tirratifika dawn il-konvenzjonijiet. Ir-ratifika ma kienetx possibbli għax pajjiżna ma kellux liġi apposta li tiffaċilita' l-pubblikazzjoni ta' regolamenti kontra l-użu ta' sustanzi illegali fl-isports. Wara li l-Parlament japprova l-liġi dwar l-isport fi ftit ġimgħat oħra, inkunu f'posizzjoni li nippubblikaw avviż legali b'regolamenti kontra l-użu ta' sustanzi illegali u nwaffqu l-istrutturi amministrattivi sabiex jiżguraw il-ħarsien ta' dawn ir-regolamenti.
Is-Segretarju Parlamentri esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-ħidma fl-isport f'Malta mhux biss iffukat sabiex jinkisbu l-aqwa rizultati iżda wkoll sabiex il-prattika sportiva tibqa' waħda nadifa u f'saħħitha. Il-konferenza qegħda tiddiskuti t-tema dwar l-edukazzjoni fiżika u l-isport. Malta pparteċipat f'survey fost pajjiżi ewropej dwar l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel.
Ir-riżultati ta' dan is-survey kif ukoll il-mezz ta' kif pajjiżi differenti ser joħolqu programmi sabiex jagħmlu s-soċjetajiet aktar attivi fl-isport huma suġġetti prinċipali ta' din il-konferenza. F'Ottobru li ġej sejra ssir laqgħa tal-European Non-Govermental Sports Organisations (ENGSO) f'Malta li ser tkompli tistudja l-iżviluppi fl-edukazzjoni fiżika u sport fl-Ewropa. Din it-tema qiegħda tingħata importanza partikolarment għax l-Unjoni Ewropea ddikjarat is-Sena 2004 bħala s-sena Internazzjonali għall-Edukazzjoni u l-Isport.
Stqarrijiet Oħra:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926