MCAST - IT-TIENI SENA TAL-KULLEĠĠ
Ir-rabta bejn l-edukazzjoni, il-kumpaniji u min iħaddem hi essenzjali għas-suċċess edukattiv ta' l-istudenti. Dan qalu il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea waqt konferenza ta' taħriġ u żvilupp għall-għalliema ta' l-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ tal-Kulleġġ Malti għall-Arti Xjenza u Teknoloġija - MCAST. Din il-Konferenza qed issir għall-istaff akkademiku kollu li jgħallmu f'dan l-istitut u qed ikun hemm ukoll sessjonijiet partikolari għall-għalliema l-ġodda li ngħaqdu ma' dan l-istitut din is-sena. Il-Ministru qal li jieħu pjaċir jinnota li r-rabta bejn l-MCAST u d-dinja tax-xogħol hi waħda b'saħħitha u li qed tagħti l-frott, infatti anke l-konferenza stess kienet qed issir bil-kollaborazzjoni tal-Bank of Valletta.
Il-Konferenza qed tiffoka fuq temi importanti li jinkludu l-kwalità fl-edukazzjoni vokazzjonali li toffri l-MCAST u l-istandards ta' kwalità fl-assessjar u fl-iżvilupp kurrikulari. Il-Konferenza se tkun ukoll opportunità għall-għalliema biex iqabblu l-istandards lokali ma dawk ta' skejjel oħra vokazzjonali madwar id-dinja, kif ukoll jaraw eżempji tajba f'dan il-qasam u jaqsmu dawn l-esperjenzi ma’ xulxin.
Il-Konferenza hi parti mill-programm ta' żvilupp li għandu dan l-Istitut kemm għall-għalliema kif ukoll għall-istudenti. L-Istitut qed jorganizza sessjonijiet ta' introduzzjoni għall-istudenti kollha f'kull kors li joffri l-kulleġġ. Waqt dawn is-sessjonijiet l-istudenti jingħataw l-informazzjoni kollha meħtieġa kif ukoll Handbook bid-dettalji kollha biex ikunu jistgħu jibdew is-sena skolastika mingħajr diffikultajiet. Il-Kulleġġ qed joffri wkoll servizz ta' Guidance and Counselling biex jagħti appoġġ lill-istudenti kemm akkademikament kif ukoll soċjalment. Għall-għalliema, l-Istitut organizza sessjonijiet fejn l-għalliema iltaqgħu ma' min iħaddem biex ikun hemm dejjem aktar tagħlim relevanti għad-dinja tax-xogħol, l-għalliema li jgħallmu suġġetti tal-MATSEC iltaqgħu ukoll mal-MATSEC biex ikun hemm koordinament bejn l-għalliema u l-eżaminaturi, u saru wkoll sessjonijiet partikolari għal dawk li jgħallmu korsijiet BTEC u AAT u l-għalliema tal-Matematika.
Qed isir ukoll programm ta' żvilupp u taħriġ fl-Istituti l-oħra li bejniethom jimpjegaw 219-il għalliem u 63 persuna fl-amministrazzjoni tal-Kulleġġ.
Din l-attività hi biss waħda mill-attivitajiet li qed jiġu organizzati mill-Istituti differenti li hemm fl-MCAST. L-MCAST li fetaħ il-bibien tiegħu għall-ewwel darba f’Ottubru li għadda (2001) b’sitt istituti: l-Istitut ta’ l-Inġinerija Elettronika; ta’ l-Inġinerija tal-Bini u Kostruzzjoni; tan-Negozju u Kummerċ; tat-Teknoloġija ta’ l-Informatika u l-Kommunikazzjoni; ta’ l-Arti u Disinn u l-Istitut Marittimu. F’Ottubru li għadda, mill-1300 student li applikaw daħlu qrib 1000 student, 366 minnhom daħlu fl-Istitut tan-Negozju u Kummerċ.
L-MCAST din is-sena diġà fetaħ l-applikazzjonijiet għat-30 kors full-time li joffru l-Istituti tiegħu. Għall-din l-ewwel sejħa applikaw aktar minn 1600 persuna jiġifieri aktar minn 300 persuna aktar mis-sena li għaddiet. Fi żmien ftit ġranet oħra hu mistenni li toħroġ it-tieni sejħa wara li joħorġu r-riżultati tar-reparatorji tal-MATSEC. Il-Kulleġġ din is-sena żied in-numru ta’ korsijiet li joffri, kif ukoll fetaħ ċentru f’Għawdex b’aktar korsijiet għall-Għawdxin fil-gżira tagħhom stess. Madankollu, il-kulleġġ li għadu fil-bidu tiegħu, mhux se jkun jista’ jilqa’ l-applikazzjonijiet kollha li għandu minħabba il-limitazzjonijiet tar-riżorsi li jeżistu għalkemm qed isir dak kollhu possibbli biex ir-riżorsi jiġu utilizzati sal-massimu tagħhom.
L-MCAST għandu numru ta’ korsijiet ta’ bażi (Foundation Courses) li għalihom m’hemmx bżonn kwalifiki jew ‘O’ levels u minn din is-sena l-applikazzjonijiet qed jintlaqgħu minn kulħadd. Bħalissa l-MCAST qed jagħmel aptitude tests biex ikun jista’ jagħżel l-istudenti għal dawn il-korsijiet li għalihom applikaw aktar minn 300 persuna.
Il-Ministru f’diskors li għamel tkellem dwar l-iżviluppi li għaddej minnhom bħalissa l-MCAST. Hu qal li l-MCAST għadu biss fil-bidu tal-ħidma tiegħu u għad fadal ħafna biex nilħqu d-daqs u l-livell mixtieq u meħtieġ għall-ekonomija tagħna. Il-Ministru qal li l-MCAST qed tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex mis-sena d-dieħla jinfetħu erba’ Istituti oħra li huma l-Istitut ta’ l-Agrikummerċ, ta' l-Inġinerija Mekkanika, ta' l-Inġinerija Elettrika u dak tas-Servizzi fil-Komunità.
Il-Ministru qal li l-MCAST qed jinvesti ħafna biex itejjeb il-kwalità tar-riżorsi li għandu. Il-Ministru semma li fl-MCAST infetħu 5 laboratorji ġodda tal-kompjuters u minn din is-sena l-istudenti li jattendu se jkollhom spażju li se jintuża bħala bookshop u bħala librerija u ċentru tar-riżorsi. F'dan l-ispażju l-istudenti se jkollhom kompjuters b'aċċess għall-internet minn fejn ikunu jistgħu jiksbu informazzjoni u materjal edukattiv, kif ukoll jixtru l-kotba minn fuq l-internet.
Il-Ministru qal li l-MCAST fl-ewwel sena tiegħu irnexxielu jibda jgħolli l-istatura tat-tagħlim vokazzjonali kif ukoll beda jimla vojt li kien ilhu jinħass għal dawn l-aħħar snin. Il-Ministru qal l-MCAST żviluppa u jrid ikompli jiżviluppa identità ċara ta' istituzzjoni ta' livell għoli li tħarreġ żgħażagħ u adulti f'suġġetti vokazzjonali li huma relevanti u meħtieġa fid-dinja tax-xogħol llum u fil-futur. Hu tenna li l-MCAST issa beda wkoll joffri 60 kors part-time li huma immirati l-aktar għaż-żgħażagħ u l-adulti li diġà qed jaħdmu u li jixtiequ jkomplu jitħarrġu jew jibdew jitħarrġu f'qasam differenti. Il-Ministru qal li b'hekk il-Kulleġġ ikun qed iwettaq rwol ieħor li għandu jkollu l-kulleġġ, dak li joffri opportunitajiet ta' edukazzjoni tul il-ħajja, li jgħin fir-ristrutturazzjoni ta' l-industriji u li jipprovdi ċans ieħor lill-dawk li waqfu jitħarrġu.
Il-Ministru temm jgħid li l-Gvern u l-MCAST jemmnu ħafna fit-taħriġ ta' l-għalliema u l-istaff. Il-Ministru qal li l-MCAST qed jgħin anke finanzjarjament lil numru ta' għalliema ikomplu l-istudji tagħhom. Fl-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ biss hemm ħames għalliema li qed isegwu korsijiet ta' Masters. Din is-sena l-MCAST ivvota Lm 25,000 għat-taħriġ u l-iżvilupp ta' l-istaff tal-kulleġġ.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926