Left arrow Go Back

Serħan tal-moħħ għal min jarma f’monti organizzat

PR1219
Date Icon 11/09/2002

"Kull min jarma f’monti li ġie organizzat, għandu jagħraf li xogħlu hu protett bil-liġi u l-proċess tal-ħruġ tal-liċenzji tan-negozju tiegħu ġie simplifikat." Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo meta ltaqa’ mas-Sindki u s-Segretarji tal-Kunsilli Lokali tan-Naxxar, Żejtun u Birżebbuġia, f’attività li fiha ġie mgħoddi lil dawn il-Kunsilli Lokali l-lista ta’ ismijiet li għandhom il-liċenzja tal-monti (market hawker), kif ukoll in-numru tal-posta li kull sid għandu. Dan kien possibli wara li l-monti ta’ dawn il-lokalitajiet ġie organizzat.

F’din l-attività kull Kunsill Lokali li kien mgħejjun jorganizza s-suq mis-Segretarjat ta’ l-Onor. Vassallo ingħata l-informazzjoni meħtieġa li tinkludi l-ismijiet ta’ dawk li jarmaw f’dawn is-swieq kif ukoll in-numru tal-posta. Permezz ta’ din l-informazzjoni dawn il-Kunsilli Lokali ser ikunu jistgħu jikkordinaw aħjar l-organizazzjoni tas-swieq fil-komunitajiet tagħhom.

Permezz tal-liġijiet il-ġodda li dahlu fis-seħħ, għall-ewwel darba f’pajjiżna għandna regolamenti li jħarsu lil kull min jarma fil-monti u joffru ċertu organizzazzjoni li għandha sserraħ ras min jarma f’dawn is-swieq, u li issa posthom huwa protett mhux biss bil-kelma ta’ l-irġulija li kienu jżommu bejniethom il-bejjiegħa, iżda wkoll illum huma protetti bil-liġi.

F’din il-laqgħa, is-Segretarju Parlamentari spjega kif kull min jarma fis-suq għandu jara li jkollu liċenzja tan-negozju. Min m’għandux liċenzja tan-negozju, ma jistax jarma fis-suq. Għalhekk dmir il-Kunsilli Lokali huwa li jaraw li japplikaw ir-regolamenti li l-liġi tobbligahom li għandhom iħarsu, u dan biex ikun iggarantit li kull min jarma fis-suq għandu liċenzja tan-negozju u permess mill-Kunsill. Għalhekk l-ebda suq li issa ġie organizzat, ma jista’ jkompli jikber iżjed minn kif inhu illum.

Kull min irid jibda jarma f’dawn is-swieq li ġew organizzati, għandu japplika fil-Kunsill Lokali rispettiv. Kull Kunsill Lokali ser ikollu l-lista ta’ l-ismijiet u n-numru tal-posta u għandu jara li tinżamm lista (waiting list) li fuqha jikteb l-ismijiet ta’ dawk il-bejjiegħa li ikollhom liċenzja tan-negozju u li jkunu qed japplikaw biex jarmaw f’dak il-monti partikolari. Din il-lista għandha tkun pubblika u darbtejn fis-sena għandha tkun ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fix-xhur ta’ Ġunju u Diċembru. F’din il-lista għandha tintwera wkoll id-data ta’ meta daħlet l-applikazzjoni.

Kull Kunsill Lokali għandu wkoll l-obbligu li jippubblika darba fis-sena fil-Gazzetta tal-Gvern lista’ tal-bejjiegħa kollha li jarmaw fil-monti rispettiv bin-numru tal-posta rispettiva tagħhom.

F’dawn is-swieq, kull Kunsill Lokali issa jista’ jobbliga lill-bejjiegħa tal-monti li jarmaw fis-swieq rispettivi, biex jiffurmaw Kumitat Amministrattiv biex miegħu, il-Kunsill ikun jista’ jiddeċiedi kif l-aħjar għandu jirregola s-suq. Hawn is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo għamel enfasi li l-hsieb li dan il-kumitat jitwaqqaf bil-liġi kien biex il-Kunsill ikun jista’ jagħmel l-aħjar arranġamenti dwar iż-żamma ta’ l-indafa waqt u wara li jkun armat il-monti.

Is-Sur Vassallo kompla jghid li l-Kunsill għandu jalloka posti ġodda lil min ikun applika l-ewwel. Huwa spjega lis-Sindki preżenti li m’għandu jitħallas l-ebda dritt sabiex jiġu allokati posti lill-bejjiegħa tal-monti, kif ukoll il-Kunsill m’għandux jalloka aktar minn posta waħda lill-istess bejjiegħ tal-monti.

"Permezz ta’ dawn il-liġijiet għal ewwel darba qegħdin norganizzaw aħjar is-swieq tagħna. Il-bejjiegħa ġie mogħti lilhom id-dritt li jista’ jkun ittrasferit fuq sostitut, li jkun membru tal-familja tagħhom, il-posta ta’ bejjiegħ tal-monti. Dan ifisser li missier jew omm li jkollhom fuqhom il-liċenjza ta’ bejgħ u jkun wasal iż-żmien li għalihom jirtiraw, ikunu jistgħu jittrasferixxu l-posta fuq sostitut li jista’ jkun l-iben jew il-bint. Dan huwa dritt li kull Kunsill Lokali għandu jara li jħares." saħaq is-Segretarju Parlamentari meta spjega lill-Kunsilli Lokali x’inhuma l-obbligi li għandhom lejn min jarma fil-monti.

Meta s-Segretarju Parlamentari Vassallo tkellem dwar id-dmirjiet tal-bejjiegħa huwa saħaq fuq id-dmir li kull bejjiegħ għandu jara li ma joħloqx skart u jara li kemm waqt kif ukoll wara l-bejgħ, ma jħallux skart fl-art, għandhom ibiegħu dak li huwa ndikat lilhom fuq il-liċenzja fejn hawn mistenni li ’l quddiem jitħabbru proċeduri ġodda li ser ikomplu jissimplifikaw kemm il-ħruġ tal-liċenzja kif ukoll innaqsu r-raġuni għaliex bejjiegh għandu japplika għal change of use. Dwar dan jitħabbru proċeduri ġodda aktar ’il quddiem.

Il-bejjiegħa għandhom iżommu l-bankini mħarsa minn kull inkonvinjent jekk il-bankina tkun f’żona residenzjali. Kemm-il darba ssir xi ħsara lill-bankina jew propjetà pubblika, u dan b’riżultat ta’ l-armar tal-monti, allura l-Kunsill għandu d-dritt li jiġbor mingħand il-bejjiegħ tal-monti l-ispejjeż li jkunu saru.

Reċipjent għall-iskart għandu jkun disponibbli waqt il-ħin tal-bejgħ, kif ukoll ghandu jkun hemm fire extinguisher fil-vettura tal-bejjiegh għal li jista’ jinqala’.

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo tkellem ukoll dwar kif fit-toroq fejn jarmaw is-swieq ma jistgħux jitħallew karozzi pparkjati u dawk it-toroq li fihom jarma l-monti għandhom ikunu magħluqa fil-ħin tal-monti.

"Hekk qegħdin nagħmlu ħilitna biex naraw li nħarsu lil dawk kollha li jaqalgħu l-għejxien tagħhom bħala bejjiegħa tal-monti. Nittama li jkunu konklużi l-kumplament ta’ eżerċizzji ta’ organizazzjoni tas-swieq li baqa’. Is-swieq li għandna problemi kbar fuq l-organizazzjoni tagħhom huma Ħal-Qormi, Iż-Żurrieq, Ħaż-Żabbar u l-Mosta. Il-kumplament tas-swieq l-oħra diġa bdejna diskussjonijiet kemm mal-Kunsilli Lokali kif ukoll mal-Assoċjazzjoni tal-Bejjiegħa, biex fl-inqas żmien possibbli jkollna numru ieħor ta’ swieq organizzati.”

Dwar Ħal Qormi, Iż-Żejtun kif ukoll Ħaż-Żabbar, l-aħjar soluzzjoni tkun li s-swieq ikunu trasferiti f’toroq oħra akbar u aktar wiesgħa, iżda jidher li s’issa għad m’hemmx l-approvazzjoni biex ikun jista’ jsir it-trasferiment mitlub. Kemm-il darba ma jkunx possibbli li jsiru dawn il-bidliet, allura rridu naraw li nagħmlu l-aħjar arranġamenti biex bl-organizazzjoni tas-swieq, ma jitlef postu ħadd.

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo awgura li bejn il-Kunsilli Lokali u l-bejjiegħa tibda relazzjoni tajba li għandha twassal biex mill-organizZazzjoni tas-swieq igawdi kulħadd, kemm il-Komunità kif ukoll il-Bejjiegħa.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE  National Audit Office Malta hosts bilateral meeting with the Spanish Court of Audit

PR261929

PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

More Press Releases Right arrow