XOGĦLIJIET LI JTEJJBU L-KWALITÀ TAL-ĦAJJA
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech żar xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed jitwettqu fil-pjazza tal-Knisja Parrokkjali tal-Mellieħa. Huwa qal li bl-iskop li jtejjeb dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti, il-Gvern preżenti kien qed iwettaq proġetti ta’ tisbiħ mal-pajjiż kollu. Dawn il-proġetti ma kenux jinkludu biss xogħlijiet ta’ titjib tal-promenades tal-bajjiet l-aktar popolari tal-pajjiż iżda anke titjib u tisbiħ fil-qalba ta’ bliet u irħula ta’ pajjiżna.
Francis Zammit Dimech qal li permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet il-Gvern kien qed jappoġġja ukoll lill-Kunsilli Lokali fil-ħidma tagħhom biex itejjbu l-ambjent fil-lokalitajiet tagħhom b’risq ir-residenti tal-lokalità.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien ta’ pjaċir għalih li qiegħed fil-Mellieħa għat-tieni darba din is-sena biex jara xogħol li qed isir minn ħaddiema mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura. Hu qal li aktar kmieni din is-sena kien f’din il-lokalità flimkien mal-kollega tiegħu l-Ministru Ċensu Galea fejn ra xogħol ta’ restawr ta’ l-imħażen tas-Santwarju tal-Mellieħa li twettaq mill-Unit għar-Restawr. Qal li llum kien qiegħed f’din il-lokalità fejn qed jara x-xogħol li twettaq fl-ewwel fażi tal-proġett ta’ tisbiħ tal-pjazza tal-knisja parrokkjali li kien qed isir mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura flimkien mal-Kunsill Lokali tal-post.
Francis Zammit Dimech qal li fl-ewwel fażi tal-proġett li twettqet matul din is-sena nbnew il-ħitan bil-ballavostri fuqhom fuq in-naħa tal-Każini tal-Banda, kien pavimentat bil-porfido l-parti t’isfel taħt il-belvedere, inbnew turġien ġodda u tqiegħdulhom ir-railings għall-użu mill-pubbliku u tqiegħdu 13-il arblu dekorattiv tad-dawl.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li din l-ewwel fażi tal-proġett involviet nefqa mill-Ministeru ta’ Lm26,000. Hu qal li min-naħa tagħhom il-
Kunsill Lokali kien responsabbli li jibni gandott biex minnu għaddew is-servizzi fil-parti ta’ fuq tal-belvedere. Din il-ħidma inkludiet xogħol ċivili u pavimentar. Il-Kunsill għamel ukoll parti mix-xogħol ta’ pavimentar tal-parti ta’ taħt il-belvedere li ma kenitx inkluża fl-offerta.
Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett se jitkompla fil-bidu tas-sena d-dieħla meta se jsir il-pavimentar tan-naħa l-oħra tal-misraħ bl-istess tip ta’ materjal.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Ministeru kien kuntent li qed jikkontribwixxi biex il-pajjiż jissebbaħ u biex jitjieb l-ambjent li qed ngħixu fih. Hu qal li l-ambjent ma kienx biss l-ibħra u l-arja madwarna, il-widien u l-għoljiet. Hu qal li l-ambjent kien kull fejn ngħixu u nqattgħu l-ħin liberu tagħna. Francis Zammit Dimech qal li kien għalhekk li l-ħidma li kienet issir mill-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura - biex jissebbħu promenades, ġonna u pjazez, biex jinbnew parks nazzjonali u reġjonali, biex ikunu riabilitati u restawrati postijiet storiċi, biex bini qadim u storiku li kien qed jitmermer u jaqa’ biċċiet jiġi restawrat biex isir użu minnu - kien jifforma parti mill-ħarsien ta’ l-ambjent.
Francis Zammit Dimech appella lil kulħadd biex inħarsu dak li għandna u biex nindukraw dak li rrestawrajna u sebbaħna b’investiment ta’ miljuni ta’ liri. Francis Zammit Dimech awgura l-festa t-tajba lin-nies tal-Mellieħa u lil dawk kollha li nhar il-Ħadd jiċċelebraw il-festa tal-Vitorja.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN