SEMINAR MILL-KUNSILL NAZZJONALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, l-Onor. Jesmond Mugliett, dalgħodu tkellem waqt seminar internazzjonali organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ bit-tema: "Il-Politika taż-Żgħażagħ - il-Perspettiva tal-Pajjiżi Żgħar". Madwar tletin żagħżugh u żagħżugħa minn ħmistax-il pajjiz Ewropew qed jattendu s-seminar, li hu mifrux fuq tlett ijiem. Dan is-seminar, li qed ikun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, qed iseħħ f'Malta wara li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ gie allokat is-somma ta’ Lm11,000 mill-proġett tal-Programm YOUTH (ŻGĦAŻAGĦ) ta’ l-Unjoni Ewropea.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Mugliett irrefera għall-ħidma li bħalissa għaddejja sabiex issir reviżjoni tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ. L-istess politika tistabbilixxi li din għandha tkun riveduta kull tlett snin.
Il-process għar-reviżjoni tal-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ inbeda kmieni din is-sena. L-għaqdiet taż-Żgħażagħ ġew mitluba li jressqu kummenti u suġġerimenti u bħalissa għaddej ix-xogħol sabiex jitlesta l-ewwel abbozz ta` din il-politika.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-aġġornament ta` din il-politika trid tieħu in konsiderazzjoni żviluppi ġodda li qed iseħħu - il-programmi ta’ mobilità tal-Unjoni Ewropea qegħdin ibiddlu l-ħidma tal-għaqdiet taż-Żgħażagħ u jservu minnhom infushom bħala opportunitajiet ta’ taħriġ għaż-żgħażagħ.
Proġetti oħra tal-Unjoni Ewropea bħal Programmi ġħall-Edukazzjoni tul il-ħajja ukoll ser ikollhom impatt fuq il-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ. Dawn il-Programmi qegħdin jagħmlu aktar evidenti l-ħtieġa li jkun hawn struttura aktar dinamika li mbagħad timplimenta u tikkordina l-ħidma tal-Gvern fost iż-żgħażagħ.
Is-Segretarju Parlamentari digà ħejja proposta għat-twaqqif ta’ aġenzija għal ħidma fost iż-żgħażagħ li tkun tista’ timplimenta dawn il-proġetti - kompla s-Segretarju Parlamentari. "Aġenzija dinamika tiżgura li l-ħidma tal-għaqdiet tkompli tissaħħaħ filwaqt li nisguraw li ż-żgħażagħ li mhumiex fl-għaqdiet jippartecipaw fl-opportunitajiet ġodda li qed jevolvu", temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Other Press Releases:
PR261929
PRESS RELEASE BY THE NATIONAL AUDIT OFFICE National Audit Office Malta hos...
PR261926