Ħidma kbira b’risq il-wirt storiku ta’ pajjiżna
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Unit għar-Restawr kien mela vojt fl-infrastruttura tal-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, peress illi qabel ma kellnix il-personnel u l-mezzi koordinati biex nagħmlu interventi fuq bini storiku u fortifikazzjonijiet. Il-Ministru qal dan meta kien qed jindirizza lill-istampa dwar il-hidma ta’ dan il-Unit
Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma ta’ dan il-Unit toħroġ ċara minn dawn iċ-ċifri
- Mill-1997 sal-lum sar investiment fir-restawr ta’ Lm2.7 miljun, li Lm2.4 miljun minnhom kien fl-aħħar erba’ snin,
- Tlestew madwar 70 proġett ta’ restawr, 30 oħra qed jitwettqu filwaqt li hemm 20 oħra f’diversi stadji ta’ ppjanar li x-xogħol fuqhom mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-attivitajiet ta’ dan il-Unit għar-Restawr jinkludu
- It-twettiq ta’ proġetti li jsiru għal klijienti,
- Il-proġett ta’ fortizzi, fortifikazzjonijiet u bini storiku,
- Il-Kumitat ta’ Azzjoni tal-Victoria Lines,
- Parteċipazzjoni fi proġetti ta’ kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra fi proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea,
- Rappreżentanza fuq kumitati għall-proġetti ta’ riabilitazzjoni u l-Bord taċ-Ċentru Malti għar-Restawr.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-Proġett ta’ Fortizzi, Fortifikazzjonijiet u Bini Storiku kien qed iwettaq ħidma biex tkun magħrufa l-evoluzzjoni storika-tipoloġika tal-bini eżistenti, għal sistema informattiva ġeografika multimediali, stħarriġ permezz ta’ fotografija diġitali mill-art u mill-ajru, katalogar u proġetti pilota u cantieri scuola.
Francis Zammit Dimech fakkar li fil-Unit għar-Restawr hemm seba’ periti li sitta minnhom huma speċjalizzati fir-restawr, Supretendent tal-Fortifikazzjonijiet li hu ukoll espert fl-Arkitettura Militari u arkeoloġista. Dawn huma appoġġjati minn team ta’ draughtsmen u surveyors, minn pool ta’ staff tekniku u minn numru ta’ ħaddiema li qed iwettqu diversi proġetti ta’ restawr.
Dan il-Unit, minbarra milli jwettaq proġetti li jippjana u jiffinanzja mill-vot tar-Restawr tal-Fortizzi, Fortifikazzjonijiet u Bini Storiku jwettaq ukoll xogħol għal Ministeri, Dipartimenti, Kunsilli Lokali u Proġetti għar-Riabilitazzjoni tal-belt Valletta, il-Kottonera u l-Imdina. Hu qal li fost proġetti kbar li dan il-Unit wettaq, jew qed iwettaq għal Ministeri jew entitajiet oħra, kien hemm dak tar-restawr tal-Berġa ta’ l-Italja li sewa qrib il-miljun lira, ir-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Caterina d’Italia b’investiment ta’ Lm242,000, ir-restawr tal-Berġa tal-Baviera u r-restawr u estensjoni ta’ Palazzo Parisio fil-belt Valletta.
Il-Unit għar-Restawr kien qed iwettaq ukoll diversi proġetti ta’ restawr ta’ fortizzi u fortifikazzjonijiet. Qal li għal dan il-għan kien inxtara tagħmir apposta fosthom żewġ pjattaformi ħfief ta’ l-aluminju li jiddendlu, ġeneraturi u pneumatic injector għal xogħlijiet ta’ mili ta’ fili u tikħil. Hu qal li l-Unit kien wettaq proġetti ta’ restawr ta’ swar fil-belt Valletta u l-Kottonera filwaqt li kien irrestawra fortizzi u torrijiet bħal dak ta’ San Tumas f’Marsascala, il-batterija ta’ Pembroke, it-Torri tal-Ħamrija fil-limiti tal-Qrendi, it-torri ta’ San Ġiljan f’tas-Sliema, it-torri kostali f’Għajn Tuffieħa, Westreme Battery fil-Mellieħa, il-Batterija ta’ Rinella, it-Torri tan-Nadur f’Binġemma, il-mina ta’ Santa’ Liena u s-swar tal-Polverista f’Bormla.
Proġett importanti u vast li kien qed jitwettaq minn dan il-Unit kien ir-restawr u r-riabiltazzjoni tal-Victoria Lines li nbnew mill-Ingliżi fis-Seklu 19 u li jaqsmu lil Malta min-nofs. Hu qal li s’issa diġà saru diversi interventi fuq din il-linja ta’ fortifikazzjonijiet fejn inbnew partijiet imwaqqa’, tnaddaf il-foss u nfetħu partijiet li kienu magħluqa minħabba skart u terrapien li nġabar fihom tul is-snin.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li proġetti oħra kienu qed jitwettqu mill-Unit għar-Restawr bl-għajnuna u l-kollaborazzjoni ta’ restawraturi Taljani li kienu Malta biex irrestawraw il-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Caterina d’Italia fil-belt Valletta. Hu qal li twettqu erba’ proġetti pilota permezz tas-sistema cantieri scuola fejn studenti Maltin tar-restawr flimkien mar-restawraturi Taljani wettqu xogħol ta’ restawr fuq il-Monument ta’ Ball fil-Barraka t’Isfel, fil-pittura tal-korsija tal-Knisja ta’ Lapsi f’San Ġiljan, il-Funtana ta’ l-Ajkla fil-Ġonna ta’ San Anton u Couvre Porte fil-Birgu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li bħalissa l-Unit għar-Restawr qed jaħdem fuq 20 proġett ta’ restawr li jinkludu l-fortifikazzjonijiet ta’ l-Imdina, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Berġa tal-Baviera, l-aħħar fażi tat-Torri ta’ San Tumas, restawr u tindif tal-faċċati ta’ Palazzo Parisio, is-sala ta’ l-eżamijiet f’Sant’Jiermu, it-tieni fażi tal-Knisja ta’ Sant’Andrija fiż-Żurrieq, in-niċċa ta’ San Pawl fis-Saqqajja r-Rabat u l-Ġnien tas-Sindku fiż-Żejtun.
Francis Zammit Dimech qal li t-talba għal xogħlijiet ta’ restawr lil dan il-Unit kienet waħda impressjonanti tant li kienu tħejjew pjani, saru stimi u f’diversi każi nħarġu offerti għal proġetti importanti ta’ restawr li kienu jinkludu Bieb il-Bombi, il-Forti tar-Ricasoli, is-swar ta’ Santa Barbara fil-belt Valletta, il-kappella tal-Lunzjata, l-Auberge d’Aragon, Palazzo Ferreria, il-faċċati ta’ l-uffiċji tal-MEU, id-dar tal-kustodja tal-Biblioteka Nazzjonali, il-faccata ta’ l-istess biblioteka, l-imħażen faċċata tal-Pixkerija, is-swar fuq kull naħa tad-daħla tal-belt u estensjoni għall-uffiċċji ta’ Palazzo Parisio – ilkoll fil-Belt Valletta. Hu qal li l-aħħar proġett waħdu hu stmat li se jiswa Lm290,000.
Din il-ħidma kbira minn dan il-Unit turi kemm dan il-Gvern qed jieħu bis-serjeta’ ir-riabilitazzjoni u l-ħarsien tal-wirt storiku ta’ pajjiżna, temm jghid il-Ministru Francis Zammit Dimech, filwaqt illi rringrazzja lill-periti kollha u lill-ħaddiema fid-diversi kategoriji li qed jagħmlu din il-ħidma possibli.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN