Aktar iġJene fil-provvista u l-bejgħ tal-ħut
Fi żmien qasir mistennija tinħareġ sejħa għal offerti biex ikunu jistgħu jsiru xogħlijiet ta’ tisħiħ fil-Pixkerija. Aktar tard se jinħarġu wkoll sejħiet għal offerti biex isiru xogħlijiet ta’ tisħiħ fil-cold stores u fid-depot tal-ħasil tal-kaxxi. Dan kollu qed isir biex tkun garantita l-kwalità tal-prodott sa ma dan jasal għand il-konsumatur.
Dan qalu l-Ministru għall-Agrikultura u Sajd, l-Onor. Ninu Zammit meta, fit-Torri ta’ San Luċjan dalgħodu, qassam iċ-ċertifikati lil uħud mill-bejjiegħa tal-ħut li f’dawn l-aħħar xhur attendew kors dwar il-prattika tajba ta’ l-iġjene tul il-proċess tal-bejgħ tal-ħut. Għal dawn il-korsijiet diġà attendew madwar 350 bejjiegħ u aktar ’l quddiem se jsiru korsijiet simili wkoll għas-sajjieda, dawk li jbiegħu l-ħut mill-ħwienet u dawk li jmexxu u jaħdmu fil-cold stores.
Il-Ministru Zammit fakkar li skond regolamenti ġodda kull min ibiegħ jew iżomm jew hu nvolut f’oġġetti ta’ l-ikel, irid jirreġistra mad-Dipartiment tas-Saħħa u biex tkun tista’ ssir din ir-reġistrazzjoni, l-individwu jkun irid isegwi b’suċċess kors dwar food handling, li jwassal ukoll għal ħruġ ta’ ċertifikat. Permezz ta’ dan iċ-ċertifikat, il-persuna konċernata jkun jista’ jinħarġilha l-permess biex timmaniġġja l-ikel.
Hu qal li kien għal dan l-iskop li l-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd nieda din is-sensiela ta’ korsijiet. Fil-kors, li jittratta l-iġjene fit-trattament tal-ħut, qed jingħata wkoll tagħrif dwar x’jista’ jwassal għal avvelenament ta’ l-ikel, kemm-il darba l-ħut ma jinżammx fl-aqwa kundizzjoni possibbli. Qed issir ukoll enfasi fuq l-importanza ta’ l-iġjene personali peress li mqar idejn mhux nodfa jistgħu jwasslu għal salmonellosi. Barra minn hekk, qed jingħataw struzzjonijiet dwar kif il-ħut għandu jkun ippriservat u ppreżentat għall-bejgħ.
Il-Ministru Zammit qal li permezz tat-Taqsima għall-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd qed jittieħdu inizjattivi biex tkun garantita l-kwalità tal-ħut sa ma tasal għand il-konsumatur. Semma, fost l-oħrajn, l-introduzzjoni ta’ kaxxi ġodda tal-plastik biex jitqiegħed fihom il-ħut li jinqabad, u l-għajnuna li ngħatat u se tkompli tingħata lis-sajjieda biex itejbu l-faċilitajiet li fihom iżommu l-ħut li jinqabad.
Barra minn hekk, irrifera wkoll għax-xogħlijiet ta’ tiġdid li se jsiru fil-pixkerija, fil-cold stores u fid-depot ta’ fejn jinħaslu l-kaxxi u semma li l-proġett tat-tisħiħ tal-pixkerija se jkun jinkludi wkoll l-istallazzjoni ta’ makna tas-silġ biex il-bejjiegħa jkunu provduti bis-silġ fil-pixkerija stess.
Il-Ministru Zammit żied li l-impenn tal-Gvern hu li jkompli jsaħħaħ il-proċess tal-bejgħ tal-ħut biex ikun żgurat li l-prodott jasal għand il-konsumatur fl-aħjar kundizzjoni possibbli. Dan jista’ jsir speċjalment jekk tinżamm l-istess temperatura minn wara li jinqabad il-ħut sa ma jitwassal għand il-konsumatur.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Zammit ħeġġeġ lil kull min hu, b’xi mod, involut fil-qbid u l-bejgħ tal-ħut biex isegwi xi wieħed mill-korsijiet li qed isiru mit-Taqsima għall-Konservazzjoni u l-Kontroll tas-Sajd u fakkar li min ma jkollux iċ-ċertifikat marbut ma’ dan il-kors ma jkunx jista’ jirreġistra mad-Dipartiment tas-Saħħa u allura jitlef il-liċenzja biex jinnegozja fil-ħut.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN