GĦOTJIET TA' Lm15,000 LILL-NGO's GĦAWDXIN
L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, nhar il-Ġimgħa 1 ta' Frar 2002 qassmet għotjiet li jammontaw għal madwar Lm15,000 f'inċentivi lill-Għaqdiet Non-Governattivi f'Għawdex.
L-Għaqdiet Non-Governattivi f'Għawdex jagħtu servizzi diversi fis-sezzjonijiet differenti tas-soċjeta` Għawdxija. Ta' kull sena l-Ministeru għal Għawdex, minbarra l-għajnuna regolari permezz ta' materjal jew ħaddiema, jagħti għajnuna finanzjarja lil ħafna minn dawn l-għaqdiet volontarji Għawdxin li jagħmlu xogħol fl-oqsma edukattivi, soċjali, kulturali, sportivi u ta' kummerċ. Din is-sena, 81 għaqda differenti bbenefikaw mill-għotjiet ta' Lm14,830 imqassma mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex illum.
F'diskors li għamlet il-Ministru Debono uriet l-apprezzament tagħha lejn il-ħafna membri ta' l-għaqdiet Għawdxin li b'mod volontarju jagħtu ħin, enerġija u riżorsi għall-benefiċċju tas-soċjeta` in ġenerali. Hija tenniet l-importanza ta' għaqdiet simili fis-soċjeta' Għawdxija illi jgħinu bl-aħjar mod fit-tisħiħ tat-tessut soċjali, edukattiv u anke kulturali fl-iktar sens wiesgħa. Stqarret li "l-Ministeru għal Għawdex jemmen bis-sħiħ fil-potenzjal ta' l-Għaqdiet Non-Governattivi u Volontarji. Kien għalhekk li sa mill-bidu tat-twaqqif mill-ġdid tal-Ministeru għal Għawdex esprimejna x-xewqa tagħna u ħdimna sabiex illum għandna Ċentru għall-bżonnijiet u l-użu tagħkom, attrezzat kif tassew jixirqilkom".
Il-Ministru għal Għawdex ħabbret ukoll li fil-ġimgħat li għaddew il-Ministeru għal Għawdex identifika lokal fil-bajja ta' Marsalforn li wara li jiġi mmodernizzat u refurbished ser jibda jagħti servizzi addizzjonali lill-għaqdiet non-governattivi f'Għawdex. Dan il-lokal ser ikun estensjoni taċ-Ċentru ta' l-Għaqdiet non-governattivi u jinsab f'post ċentrali f'din il-bajja tant popolari ma' Għawdxin, Maltin u barranin fix-xhur tas-sajf.
Waqt l-attivita' saret ukoll preżentazzjoni mis-Sur John Camilleri, Uffiċċjal Inkarigat mill-Adult Training Centre dwar servizzi offruti minn persuni b'diżabilita' fi ħdan iċ-Ċentru lil għaqdiet non-governattivi, kif ukoll mis-Sinjorina Claudia Cassar, Ministeru għal Għawdex li tkellmet dwar programmi fi ħdan l-Unjoni Ewropea li minnhom jistgħu jibbenefikaw, u fil-fatt diġa ibbenefikaw għaqdiet non-governattivi Għawdxin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN