Reġistrazzjoni ta’ art agrikola f’Għawdex
Il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd, flimkien mal-Ministeru għal Għawdex, beda jirreġistra l-art agrikola kollha ta’ Għawdex b’mod elettroniku. Aktar tard din is-sena se tinbeda wkoll ir-reġistrazzjoni ta’ l-art agrikola f’Malta. Din l-art trid tiġi reġistrata mill-bidwi li jkun qed jaħdem ir-raba’.
Permezz ta’ ritratti mill-ajru sar magħruf li bejn Malta u Għawdex hawn madwar 150,000 biċċa raba’, li madwar 50,000 minnhom jinsabu f’Għawdex. L-art agrikola kollha fil-gżejjer Maltin tammonta għal madwar 151 kilometru kwadru, li minnhom 41 kilometru kwadru jinsabu f’Għawdex. Dawn jammontaw għal madwar 27% ta’ l-art kollha agrikola fil-gżejjer Maltin. In-numru ta’ bdiewa reġistrati part-time u full-time f’Għawdex hu ta’ madwar 5,000; ftit anqas min-nofs tat-total fil-gżejjer Maltin.
L-ewwel lokalità li fiha qed issir ir-reġitsrazzjoni hi l-Għasri.
Għaliex intgħażlet il-gżira Għawdxija biex ikun varat il-proġett?
Għawdex qatt ma kellu reġistru ta’ l-art agrikola fuq mapep kif hemm l-Għammieri, Malta, għalkemm jeżisti reġistru ta’ dawk li jaħdmu r-raba’. Għaldaqstant kien wasal iż-żmien li jinbeda dan l-eżerċizzju malajr kemm jista’ jkun. Intagħżel ukoll ir-raħal tal-Għasri peress li hu l-iżghar lokalità u b’hekk setgħet issir evalwazzjoni aħjar ta’ dawk li setgħu jkunu l-problemi li wieħed jiltaqa’ magħhom. Intant sar qbil li wara li jintemm l-eżerċizzju fl-Għasri, jitkompla f’lokalità oħra, li għad trid tkun determinata. Ir-residenti kollha ta’ kull lokalità se tintbagħtilhom nota ta’ informazzjoni f’darhom dwar meta jmisshom jirreġistraw l-art.
X'inhi l-proċedura?
Il-bdiewa u r-raħħala qed ikunu avżati permezz ta’ ittra f’kull dar meta se jmisshom biex jirreġistraw, u fejn. Meta l-bidwi jmur jirreġistra l-art irid jieħu miegħu l-karta ta’ l-identità, il-ktieb tar-raba’, u kull dokument li għandu l-bidwi fuq l-art li jaħdem. Bdiewa li ma jirreġistrawx l-art kif qed jintalbu jistgħu ma jikkwalifikawx għal skemi ta’ għajnuna. Il-bidwi se jkun mistoqsi jidentifika l-art li jaħdem fuq mappa li tidher fuq il-kompjuter, li hi ritratt meħud mill-ajru tar-raba’ kollu ta’ Malta u Għawdex. Din għandha tingħaraf permezz tal-laqam jew ta’ l-isem tas-sit. Din tintrabat ma’ l-informazzjoni dwar il-bidwi li jaħdimha, bħal isem, kunjom, indirizz, kartà ta’ l-identità, il-ktieb tar-raba’, il-laqam u n-numru tat-telefon. Imbagħad tkun stampata kopja tal-pjanta b’dik l-art indikata, flimkien ma’ l-isem tal-lokalità, kif isibuha, in-numru uniku ta’ dik l-art, u l-qies tagħha. Il-bidwi jagħmel dikjarazzjoni li hu jaħdem dik l-art jew parti minnha (f’dal każ jiddikjara kemm jaħdem) u jingħata kopja b’xejn għal użu tiegħu. Fejn ma tkunx tista’ tingħaraf l-art, isir appuntament mal-bidwi biex flimkien ma’ uffiċjali tad-dipartiment imorru fil-post biex tkun identifikata l-art.
Il-Ministeru ta’ l-Agrikultura u Sajd u l-Ministeru għal Għawdex investew flejjes kbar f’taħriġ ta’ nies u teknoloġija għal dan il-proġett. Barra l-għajnuniet li se jingħataw lil min jaħdem l-art, id-Dipartiment ta’ l-Agrikultura jkun f’pożizzjoni aħjar biex ifassal il-pjani futuri tiegħu għall-biedja f’dawn il-gżejjer. Dan il-proġett qed isir wkoll bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
Id-Dipartiment għandu xi forma ta’ reġistrazzjoni ta’ l-art?
Ta’ min jgħid li r-reġistrazzjoni ta’ l-art agrikola ilha teżisti sa mill-1944, u tinkludi tagħrif dwar il-bidwi, l-art li jaħdem u t-tip ta’ kultivazzjoni li jkabbar. It-tagħrif dwar il-bidwi jinżamm miktub bl-idejn f’reġistri qodma u hu marbut ma’ mapep qodma permezz ta’ identifikazzjoni partikulari fl-Għammieri.
Il-bidwi hafna drabi jiġi bżonn dan ir-reġistru, li jinstab fit-Taqsima tar-Raba’ u l-Ilma, bħal meta ngħidu aħna meta jkun hemm applikazzjonijiet għall-iżvilupp jew meta jkun hemm xi każ il-qorti. Madanakollu, sfortunatament it-tagħrif m’hux aġġornat għax mhux dejjem il-bidwi jirrapporta bidliet fuq l-art li jaħdem bħal meta jkun hemm qsim jew wirt.
Fis-sistema qadima fejn jinżamm it-tagħrif, ma tistax tinġabar informazzjoni kollettiva. Bħal per eżempju, in-numru globali ta’ bdiewa f’distrett, jew il-qies totali ta’ raba’ saqwi. Dan kollu jxekkel il-proċeduri amministrattivi u ta’ kontroll kull meta jkun hemm bżonn.
Allura din l-informazzjoni ma setgħetx tkun komputerizzata?
Bit-teknoloġija moderna li issa tant infirxet f’kull qasam, fl-1995 sar sforz biex din is-sistema kollha tkun komputerizzata. Dan it-tentattiv iżda ma rnexxiex għal diversi ragunijiet bħal: nuqqas ta’ esperjenza, nuqqas ta’ fondi u nuqqas ta’ appoġġ minn organizzazjonijiet lokali, u l-proġett kellu jintemm ħesrem fl-istadji bikrija tiegħu.
Fir-rigward ta’ reġistrazzjoni ta’ l-annimal, xi proċeduri se jittieħdu?
Fil-qasam tat-trobbija ta’ l-annimali ċ-ċaqliq tal-bhejjem qed isir dejjem aktar essenzjali. Fil-preżent kull razzett tal-bhejjem f’Malta u Għawdex hu reġistrat. Kull bhima hi reġistrata b’identità individwali u r-raħħal irid japplika għal permess biex iċaqlaq l-annimal.
Is-servizz veterinarju waqqaf sistema effiċjenti ta’ tagħrif elettroniku (database) rigward ir-reġistrazzjoni ta’ l-annimali, li tinkludi l-istorja ta’ kull annimal: twelid, ċaqliq li jkun sar, u l-imwiet. Dan jinkludi wkoll tagħrif dwar is-saħħa ta’ l-annimal (li jinkludi saħansitra tilqim, testijiet, u każi ta’ mard).
It-talba għall-identifikazzjoni elettronika ta’ l-annimal qegħda tabilħaqq dejjem tiżdied. Ir-raħħala qed jingħataw Reġistru tal-Bovini għal kull razzett. Dan ir-reġistru hu responsabbiltà tar-raħħal, u għandu jinżamm aġġornat kull ħin. Dan l-eżerċizzju jinsab fi stadju avanzat f’Malta u fi ftit ġimgħat oħra r-raħħala Għawdxin se jkunu mgħarrfa meta uffiċjali tad-Dipartiment se jżuruhom biex jimlew dan ir-reġistru wkoll.
Meta wieħed jara kif infirxet f’kull qasam s-sistema ta’ komputerizzazzjoni kif qatt ma ntalbet għajnuna għal dan il-għan?
Fl-1998 kien hawn rappreżentant ta’ l-Organizzazjoni ta’ l-Ikel u l-Biedja (FAO) fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħuda li meta ra s-sistema elettronika li kienet qegħda tinbena, ta parir li din tinkludi wkoll ir-rekwiżiti tas-sistema ta’ l-Unjoni Ewropea msejħa Integrated Administration and Control System (IACS). Għal dan l-iskop id-Dipartiment talab l-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea li bagħtet espert Daniż. Wara li analizza s-sitwazzjoni attwali, hu għamel rapport kif għanda tinbena din is-sistema. Aktar tard l-Unjoni Ewropea allokat 1 miljun Ewro (madwar Lm400,000) u l-Gvern Malti, min-naħa tiegħu, alloka somma ekwivalenti għal nofs dan. Hu ippjanat li d-Dipartiment ta’ l-Agrikultura jkollu din is-sistema ta’ reġistrazzjoni komputerizzata sa l-aħħar ta’ l-2003.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN