Kompetizzjoni ta’ l-agenzija sedqa ghall-istudenti - "Jien Rebbieh – Kif thossok rebbieh minghajr ma tilghab flusek"
L-istudenti tar-raba', il-ħames u s-sitt klassi ta' l-iskejjel primarji kollha tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti ġew mistiedna jipparteċipaw f'kompetizzjoni ta' l-aġenzija Sedqa dwar il-logħob ta' l-azzard. Aktar minn 100 tifel u tifla ipparteċipaw f'din il-kompetizzjoni. Ir-rebbieħa ta' din il-kompetizzjoni hi Oriana Cutajar li tmur l-iskola primarja ta' Ħal Safi. Filwaqt li fit-tieni u t-tielet post ġew Daphne Cassar mill-iskola Thi Lakin u Justine De Gray mill-iskola St. Monica - Ġżira rispettivament.
Il-disinn rebbieħ se jintuża biex issir sticker biex titqajjem kuxjenza dwar il-problemi u d-difikultajiet li wieħed jista’ jidħol fihom meta jinqabad fil-vizzju tal-logħob ta' l-azzard.
Ix-xogħlijiet artistiċi tat-tfal kollha li pparteċipaw f'din il-kompetizzjoni qed jitellgħu f'wirja żgħira li qed issir fl-iskola primarja ta' Ħal Safi. L-iskola primarja ta' Ħal Safi hi waħda mill-iskejjel fejn qed isir il-programm Skolasajf 2002. Din is-sena l-aġenzija Sedqa qed tagħmel sessjonijiet interattivi mat-tfal dwar l-abbuż mid-droga u l-alkoħol, kif ukoll dwar il-logħob ta' l-azzard.
Waqt l-għoti tal-premijiet il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea qal li l-aħjar għodda biex nikkumbattu problemi soċjali bħall-abbuż tad-drogi u l-logħob ta' l-azzard hi l-edukazzjoni minn eta' żgħira. Il-Ministru qal li ħafna drabi ma nindunawx kemm it-tfal ikunu qed jiġu affettwati minn dak li jkun qed jiġri madwarhom. It-tfal jistgħu ikunu qed jaraw film, jaqraw ktieb jew anke jaraw l-affarijiet jiġru quddiem għajnejhom li jagħtuhom idea żbaljata tar-realta'. Ir-realta' hi li l-logħob ta' l-azzard jista’ jkun perikoluż ħafna. Kemm it-tfal, kemm iż-żgħażagħ kif ukoll l-adulti jistgħu isibu ruħhom maħkuma minn dan il-vizzju u jidħlu f'ċirku vizzjuż ta' problemi, li ħafna drabi jinkludu wkoll l-abbuż, is-serq, id-djun u problemi oħra li jkomplu jgħakksu lil dak li jkun.
Louis Galea semma wkoll l-eżempju li jistgħu jagħtu l-ġenituri. Hu qal li m'hemm xejn ħażin li l-adulti jkollhom l-iżvog tagħhom. Imma meta minn tombla tinbidel f'ossessjoni ta' logħob, mhux talli jkun qed jingħata eżempju ħażin, iżda jkunu qed jitwarrbu l-valuri u jkunu traskurati l-ulied. Dan, qal il-Ministru hu ukoll tip ta' abbuż fuq it-tfal.
Il-Ministru qal li hu jappoġġja kull inizjattiva li teduka lill-istudenti biex huma jkunu konxji dwar il-perikli li jiffaċċjaw kif ukoll tagħtihom t-tagħrif u l-appoġġ meħtieġ biex joħorġu mis-sitwazzjoni li jkunu qegħdin fiha. Il-Ministru semma d-diversi inizjattivi li qed jittieħdu fl-iskejjel biex l-ambjent fl-iskola jkun wieħed san u protett. Il-Ministru qal li bħala parti mill-programm Safe Schools il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni ppublika policies u proċeduri dwar x'għandu jsir f'każi ta' abbuż tat-tfal, ta' abbuż minn sustanzi perikolużi u ta' l-ibbuljar. Il-Ministeru qed joffri wkoll servizzi ta' appoġġ. Il-Ministru qal li ħafna drabi nsibu li dawn il-problemi ikunu assoċjati ma' xulxin u għalhekk hemm bżonn li jkun hemm koordinazzjoni bejn id-diversi organizzazzjonijiet ta' appoġġ kif ukoll ta' nies imħarrġin fid-diversi oqsma.
Il-Ministru qal li l-Aġenzija Sedqa kienet imwaqqfa biex toffri programmi ta' prevenzjoni u kura fl-oqsma ta' l-abbuż mill-alkoħol u d-droga. Hu qal li l-Gvern preżenti kien wiegħed li s-servizzi tas-Sedqa kienu se jkunu estiżi biex ikopru l-logħob ta' l-azzard u għalhekk f'din il-leġislatura beda x-xogħol fuq programm ta' prevenzjoni u ta' kura f'dan il-qasam ukoll.
Il-Ministru faħħar lir-rebbieħa Oriana Cutajar għad-disinn tagħha u awgura li dan id-disinn jappella għal tfal oħra u għall-publiku ġenerali biex ikunu aktar konxji ta' din il-problema soċjali li tħalli ħafna vittmi. Il-Ministru temm jirringrazzja lill-aġenzija Sedqa għax-xogħol siewi li qed twettaq fost il-poplu Malti.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN