STQARRIJA MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO DWAR IL-PROPOSTI TAL-M.E.P.A. GĦALL-BINI TA’ INDUSTRIAL PARKS
Għall-kuntrarju ta’ dak li ġie allegat mill-Alternattiva Demokratika rigward il-proposti ta’ bini ta’ Industrial Parks, nista’ nikkonferma li l-Malta Environment and Planning Authority (MEPA) ħadet ħsieb li fil-proposti tagħha, fl-għażla ta’ siti li fihom għandhom jinbnew Industrial Parks, ma jkunx inkluż l-ebda raba’ saqwi.
Minn kif jidher fis-siti proposti, il-MEPA ħadet ħsieb ukoll li tiddentifika siti li kemm il-darba wara dan iż-żmien ta’ konsultazzjoni pubblika, jkun hemm qbil mas-sidien dwar l-iskema tal-Gvern u dawn is-siti jkunu mibnija f’Industrial Parks, dan l-iżvilupp ma jikkawza l-ebda impatt negattiv, la fuq residenti u l-inqas fuq il-bdiewa li jkunu fil-viċinanzi ta’ dan l-iżvilupp.
Is-siti li ġew identifikati mill-MEPA huma jew fil-viċinanza ta’ attivita` industrijali diġà eżistenti, inkella huma siti li diġà fihom qed titwettaq attivita` industrijali li fiha nfisha qed toħloq impatt negattiv fuq ir-residenti jew il-viċinanzi. Dan ifisser li fejn se jinbnew dawn l-Industrial Parks, kemm il-darba jkun hemm qbil wara dan l-eżerċizju ta’ konsultazzjoni pubblika, il-kundizzjoni li qed ipoġġi l-Gvern quddiem dawn is-sidien kif sostnuti mill-kriterji ta’ żvilupp, kif regolati mill-MEPA, se jiggarantixxu li l-iżvilupp propost f’dawn is-siti se jkun zvilupp komprensiv u għalhekk mhux se jkun possibli li naraw ripetizzjoni ta’ bini ta’ żoni ndustrijali, bħal ma hu l-Ħandaq jew l-Imrieħel u f’żoni ndustrijali oħra, fejn kulħadd bena kif ried, meta ried u b’liema prezz ried.
F’dan l-iżvilupp kif propost kemm mill-MEPA kif ukoll bl-iskema tal-Gvern, il-Gvern qed jiggarantixxi li l-Industrial Parks li se jinbnew iridu jkunu mmanigġjati u kollha joffru s-servizzi nfrastrutturali kollha meħtieġa nklużi toroq hekk kif se jibdew joperaw mill-ewwel ġurnata tagħhom.
Għalkemm dawn l-Industrial Parks ser ikunu mibnija biex jilqgħu fihom negozji żgħar ta’ artiġjanat, manifattura u ndustrija ħafifa, warehousing u spazju ta’ parking għall-vetturi ndustrijali, xorta waħda jridu jkunu Industrial Parks fejn l-istandards ta’ kwalità iridu jkunu mħarsa.
Bil-mod ta’ kif dan l-iżvilupp irid iseħħ m’għandu jkun hemm l-ebda impatt negattiv fuq l-ebda art agrikola kemm jekk saqwi jew xorta oħra. M’għandux ikun hemm dħaħen u l-ebda periklu ta’ pollution. Għaldaqstant jekk xi ħadd irid jimmaġina kif se jkunu dawn l-Industrial Parks la darba jkunu lesti wieħed għandu jħares lejn il-Mosta Technopark biex jieħdu bħal eżempju.
Din il-proposta ta’ żvilupp hija xhieda ta’ kemm dan il-Gvern huwa konxju mill-iżvilupp sostenibli ta’ pajjiżna u kif dan l-iżvilupp ma jkunx ta’ detriment għall-ambjent u r-residenti. Għal din ir-raġuni din il-proposta m’għandiex titqies skandaluża kif aċċennaw għaliha l-Alternattiva Demokratika għaliex hija proposta li se tkun qed tirrispondi il-ħtigijiet ta’ numru kbir ta’ familji ta’ self employed u negozji żgħar li qed ifittxu post minn fejn jaħdmu u bħalissa ma jsibux. Kien ikun skandaluż iżda li kieku l-Gvern ma jieħux ħsieb jirrispondi għal dawn il-ħtigijiet.
Għalhekk jiena nemmen li din il-proposta kemm minn naħa tal-MEPA kif ukoll bl-iskema tal-Gvern fis-suq ser nkunu qegħdin inpoġġu numru ta’ siti li fuqhom għandhom jinbnew dawn l-Industrial Parks. Skond l-iskema tal-Gvern dan l-izvilupp ser ikun marbut bil-kundizzjoni li jrid isir fi żmien sena minn meta joħorġu l-permessi kif ukoll id-dritt li l-Gvern iżomm ma’ l-iżviluppatur li kemm il-darba dak l-ispazju li jkun mibni ma jkunx ġej mibjugħ jew mikri għal skopijiet kummerċjali li għalihom gie maħsub dan l-iżvilupp, il-Gvern ikun jista’ jintervjeni u jalloka lil min japplika għandu l-ispazju ndustrijali mitlub, b’rata ta’ sitt liri l-metru kwadru fis-sena.
Din hija skema li għandha tiggarantixxi li dak l-ispazju li se jinħariġlu l-permess għandu jkun spazju disponibbli fis-suq u kemm -il darba l-ispazju li jinħariġlu l-permess ikun daqs l-ispazju li qed jiġi propost mill-MEPA, dan ifisser li permezz ta’ din l-iskema inkunu qed inpoġġu fis-suq madwar 2,200 spazju ta’ mitt metru kwadru l-wieħed. Dan huwa l-mod ta’ kif inħarsu ‘l quddiem lejn metodu ġdid ta’ kif insolvu l-problema tan-nuqqas ta’ spazju għas-self employed u negozji ż-żgħar.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN