Left arrow Mur Lura

FONDAZZJONI GĦAL SERVIZZI EDUKATTIVI: ESTENSJONI TAL-PROGRAMMI ĦILTI U ID F'ID

PR1138
Date Icon 23/08/2002

Fis-sena skolastika li jmiss il-programmi Ħilti u Id f'Id se jiġu estiżi għal 14-il skola oħra li flimkien maċ-Ċentri li diġa infetħu fi skejjel oħra se jlaħħqu l-20 ċentru. Il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea iffirma wkoll il-ħatriet ta’ l-ewwel grupp ta’ Activity Teachers. Il-Ministru Galea iddiskuta l-appoġġ speċjali li ser jingħataw it-tfal fl-iskejjel primarji ma’ l-uffiċjali tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi meta iltaqa` magħhom fl-iskola primarja ta’ Ħaż Żabbar. F’din l-iskola qed isir ix-xogħol biex jitlestew il-klassijiet li se jintużaw għall-programmi Ħilti u Id f'Id li se jibdew f'din l-iskola mis-sena Skolastika li jmiss.

Il-Ministru Louis Galea fisser li, permezz ta’ diversi programmi fl-iskejjel, il-Ministeru qed jinvesti f’aktar għodda edukattiva biex ikompli isaħħaħ il-proċess tat-tagħlim u l-Iżvilupp tat-tfal u jagħmel l-iskola esperjenza aktar attraenti għat-tfal li tikseb riżultati ta' kwalita' għall-edukazzjoni bażika. Ix-xogħol li qed isir bil-Kurrikulu Nazzjonali hu kollu maħsub biex itejjeb il-metodu u l-ambjent tat-tagħlim fl-iskejjel. L-Activity Teachers, li ser jaħdmu bejn l-10.30am u l-4.30 pm, hu maħsub li jdaħħlu fil-klassijiet primarji arja ġdida ta’ kreattivita` u ferh b’aktar espożizzjoni tat-tfal għal arti, crafts, mużika, u sports. Fl-istess ħin il-Fondazzjoni qed tferrex il-programmi tagħha ta’ appoġġ speċjali lit-tfal biex jissaħħu fl-iskola, fil-litteriżmu u fl-iżvilupp tal-karattru tagħhom bi programmi bejn tfal, għalliema u ġenituri wara l-ħin ta’ l-iskola.

Il-Ministru Louis Galea qal li s-sena li għaddiet il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, fetħet sitt Ċentri esperimentali ġewwa Bormla, Ħad-Dingli, Ħal-Għaxaq, il-Gżira, il-Ħamrun, u l-Belt Valletta. Dawn tmexxew minn tim ta’ 21 għalliem darbtejn fil-ġimgħa. Familji ssieħbu fi proċess ta’ tisħiħ tal-kitba, qari u komunikazzjoni permezz ta’ attivitajiet li t-tfal jieħdu gost bihom. L-għalliema ta’ l-iskola u l-ġenituri indikaw progress fuq bosta livelli.

Matul jum ta’ attivitajiet edukattivi u soċjali li twettaq fit-tmiem ta’ l-ewwel sena taċ-Ċentri Ħilti, il-ġenituri indikaw interess kbir għal attivitajiet li jgħinuhom iħeġġu b’mod pożittiv f’uliedhom, l-imħabba għall-qari, kitba u komunikazzjoni effettiva. Permezz ta’ din l-esperjenza, numru ta’ għalliema ħadmu mill-qrib ħafna ma’ ġenituri fl-ispirtu tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid li jisħaq l-importanza ta’ l-involviment tal-ġenituri fil-mixja edukattiva ta’ l-ulied.

Il-Ministru qal li l-Fondazzjoni, b’ħidma id f’id mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, exxiet esperiment ta’ ħidma edukattiva ma’ familji wara l-ħin ta’ l-iskola f’sitt skejjel primarji pubbliċi. Din il-ħidma issa qed tiġi estiża f’14-il skola pubblika oħra. L-iskejjel, li ntaghzlu mid-Divisjoni tal-Edukazzjoni, huma dawn:

B'Kara A

Il-Fgura A u B

Il-Furjana

Il-Marsa

L-Imqabba

L-Isla

San Ġiljan

San Pawl il-Baħar

Ħal-Tarxien

Ħaż-Zabbar A

Ħaż-Żebbuġ A u B

Iż-Żurrieq

Victoria

Ix-Xagħra

F'kull skola fejn se jiġi estiż il-programm, qed jiġu mħejjija żewġ klassijiet kbar bħala Ċentru Ħilti attrezzat sew għall-ħtiġijiet tal-programm. Kamra minnhom tintuża bħala Klabb għat-tfal wara l-ħin ta’ l-iskola. Kamra oħra tintuża għal attivitajiet li jsiru bejn l-għalliema u l-ġenituri. Il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada qed tgħin biex dan ix-xogħol jitwettaq.

Bħalissa qed jinxtraw wkoll ir-riżorsi edukattivi u t-tagħmir għal dawn iċ-Ċentri Ħilti. Bħalissa wkoll qed isiru l-intervisti għall-għalliema li applikaw biex imexxu dawn iċ-Ċentri l-ġodda. Dawk l-għalliema li jintgħażlu se jitħarrġu biex imbagħad jiffurmaw timijiet żgħar ta’ tmexxija ta’ Ċentru Ħilti. It-taħriġ se jibda f’Settembru biex ma’ tmiem Ottubru jibdew jinfetħu ċ-Ċentri. Għalliema li huma dinamiċi ħafna u li jixtiequ jissieħbu f’dan il-moviment Ħilti għadhom japplikaw billi jiktbu lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi fuq l-e-mail fes@gov.mt. Kull Ċentru jitmexxa minn tim ta’ tliet għalliema u voluntiera li jassistuhom.

Fil-bidu tas-sena skolastika, il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi flimkien ma’ kull waħda minn dawn l-iskejjel se tistieden lill-ġenituri biex jissieħbu mal-Programm Id f’Id. Dan il-Programm, immexxi mill-Fondazzjoni, jaħdem mal-ġenituri li jixtiequ jkunu aktar konxji tal-metodi li l-għalliema jużaw biex jgħallmu lit-tfal. Flimkien, jiskopru metodi prattiċi ħafna ta’ kif jħeġġu lil uliedhom jiktbu u jaqraw għall-gost u pjaċir u mhux għall-istudju biss. Flimkien, jiddiskutu liema metodi jaħdmu jew ma jaħdmux id-dar biex isaħħu l-ħila tagħhom ta’ komunikazzjoni mat-tfal, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħeġġa u ħila fil-kitba, qari u komunikazzjoni. Permezz ta’ dan il-programm, il-ġenituri se jkunu jistgħu jissieħbu fi proċess ta’ taħriġ li jwassalhom biex isiru mexxejja ta’ attivitajiet edukattivi għal ġenituri oħra.

Mill-ħidma tagħha matul din is-sena, il-Fondazzjoni intebħet kemm it-tfal u l-ġenituri jassoċjaw il-kitba u l-qari mat-tagħlim u mhux mal-gost u pjaċir. Permezz taċ-Ċentri Ħilti, il-Fondazzjoni tixtieq tqajjem fervur u imħabba għall-kitba u qari. Il-Fondazzjoni qed tħabrek biex tippubblika kotba bil-Malti għal etajiet bikrin għax ftit li xejn hawn kotba bil-Malti għal dawn l-etajiet. Il-Fondazzjoni se tiftaħ aktar Klabbs għal tfal li jħobbu jiktbu biex ixxerred l-imħabba u l-ħila għall-kitba. Permezz ta’ dawn il-Klabbs għall-Kittieba Żgħar, il-Fondazzjoni tkun tista’ tiġbor xogħolijiet tat-tfal stess u tippubblikom għall-użu minn tfal oħra li jħobbu jaqraw bil-Malti.

Il-Fondazzjoni qed taħdem biex tkabbar in-numru ta’ voluntiera li jassistu lill-għalliema fit-tmexxija taċ-Ċentri Ħilti. Il-Voluntiera jiġu mħarrġa u jaħdmu f’Ċentru wieħed għal sena skolastika. Il-Fondazzjoni ħejjiet ukoll abbozz ta’ linji gwida għall-mexxejja taċ-Ċentri Ħilti. Dan qed isir sabiex jiġu stabbiliti standards għoljin ta’ servizz. Kull ħidma mwettqa mill-Fondazzjoni fl-iskejjel issir b’tali mod li dak kollu li jsir u jinkiseb wara l-ħin ta’ l-iskola jkun magħruf mill-għalliema ta’ l-iskola.

Il-Fondazzjoni qed tħejji pjan dettaljat bil-miktub u riżorsi relatati għal kull sessjoni ta’ Klabb Ħilti biex l-għalliema jkollhom l-għodda meħtieġa biex jaħdmu b’mod professjonali mat-tfal u mal-ġenituri. Dawn il-pjanijiet huma mfassla b’tali mod li jistgħu jiġu addattati skond il-kuntest u il-partiċipanti ta’ kull skola. L-abbozz tal-pjanijiet għaċ-Ċentri Ħilti għas sena skolastika li ġejja qed jitħejjew matul dan is-sajf.

Il-Fondazzjoni bħalissa qed tfittex entitajiet privati li jixtiequ jkunu msieħba ma’ Klabb Ħilti wieħed. Dawn l-imsieħba jkollhom l-opportunita’ jikkontribwixxu billi jiffinanzjaw parti mill-budget ta’ Klabb Ħilti wieħed.

Louis Galea qal li l-Fondazzjoni qed twettaq xogħol tajjeb ħafna mat-tfal tagħna u qed tgħin biex ikompli jitjieb il-livell ta' l-edukazzjoni f'pajjiżna. Hu qal li l-programmi tal-Fondazzjoni kienu tant suċċess li hawn domanda kbira għalihom, għalhekk bil-ftuħ ta' dawn iċ-Ċentri l-ġodda l-Fondazzjoni se tkun tista tilħaq aktar tfal u ġenituri. Il-Ministru qal li mill-evalwazzjoni li qed tagħmel il-Fondazzjoni jidher ċar li it-tfal qed jogħġobhom il-programm (90%); il-ġenituri qed jipparteċipaw b'mod attiv (74% tal-ġenituri tat-tfal li qed jipparteċipaw); il-ġenituri u l-għalliema qed jaraw żvilupp fil-ħiliet soċjali tal-maġġoranza tat-tfal li jipparteċipaw (73%); u l-ġenituri u l-għalliema qed jaraw żvilupp fil-ħiliet akkademiċi tal-maġġoranza tat-tfal li jipparteċipaw (81%). Hu temm jawgura li anke fl-iskejjel il-ġodda l-Fondazzjoni tkompli ssib il-kooperazzjoni ta' l-istaff u tal-ġenituri għall-ġid tat-tfal kif sabet fl-iskejjel fejn diġa infetħu l-ewwel Ċentri.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow