Left arrow Mur Lura

Skema għall-bini ta’ parks industrijali

PR1128
Date Icon 21/08/2002

"Minn meta ġejt mogħti l-inkarigu li bħala Segretarju Parlamentari nħares fuq l-interessi tas-self-employed, mill-ewwel fhimt li waħda mill-akbar problemi li qed jiffaċċjaw numru ta’ self-employed hija n-nuqqas ta’ disponibbilità (supply) ta’ art għall-fini ta’ żoni industrijali, li wassal biex numru kbir ta’ self-employed ma jsibux fejn jixtru jew jikru art jew spazju industrijali fil-viċinanza tan-negozju li huma mdorrija jaħdmu fih. In-nuqqas ta’ disponibbilità ta’ art, wassal ukoll biex l-art għal bejgħ jew kiri, jkollha prezz għoli li mhux kulħadd jista’ jilħqu. Għal din ir-raġuni f’dawn l-aħħar tlett snin ħdimt mill-qrib mal-Malta Environment and Planning Authority (MEPA), biex tinstab soluzzjoni ta’ din il-problema u f’pajjiżna l-Gvern ikun jista’ jara li jkun hawn iżjed art f’suq biex titnaqqas l-iskarsezza ta’ art għall-bini ta’ żoni industrijali u dan bil-ħsieb li jkollna aktar self-employed li jinqdew u jsibu fejn jaħdmu u jħaddmu n-nies magħhom".

Dan intqal mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ghas-Servizzi Ekonomici, l-Onor. Edwin Vassallo, meta ndirizza konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha tkellem dwar ir-raġunijiet li wasslu biex jinbdew proċeduri ġodda maħsuba biex fil-Parlament, tkun tista’ titressaq proposta li twassal għal revizjoni parzjali tal-pjan strutturali u hekk ikun possibbli li jidħlu diversi artijiet fl-iskema tal-bini biex ikunu jistgħu jinbnew fihom żoni industrijali għall-fini ta’ manifattura, artiġjanat, mħazen, ipparkjar ta’ vetturi industrijali u servizzi oħra bħal mechanics, tellara, ecc. Dwar din id-deċizjoni li ha l-Gvern, is-Segretarju Parlamentari Vassallo kompla jikkummenta hekk:

"Ilni dawn l-aħħar tlett snin naħdem flimkien ma’ l-Awtorità (MEPA) biex naraw li f’dawn iċ-ċirkustanzi jkollna disponibbli art industrijali bl-inqas impatt ambjentali, izda fl-istess waqt naslu għal aħjar uzu ta’ l-art. B’riżultat ta’ din il-ħidma, il-Gvern wasal li jsolvi din il-problema ta’ skarsezza ta’ art industrijali li wasslet ukoll biex tkun identifikata r-raġuni ta’ din l-iskarsezza.

L-ewwel fazi tal-ħidma kien proprju li nidentifikaw ir-raġuni għaliex f’pajjiżna għandna l-kawza ta’ skarsezza ta’ art għall-fini industrijali, meta skond l-istess

Awtorità, l-art għall-fini ta’ bini ta’ spazju ndustrijali f’pajjiżna diġà kienet ta’ madwar 301,643 metru kwadru, li hu l-ammont ta’ art li għadu ma nbeniex, iżda li qiegħed fl-iskema tal-bini u jista’ jinbena għal żoni industrijali. F’dan l-eżerċizzju ġie nnutat li realment din l-art ma kienetx disponibbli fis-suq għaliex is-sidien għażlu li ma jbiegħux l-art jew għaliex dak li kien għall-bejgħ ma kienetx art aċċessibbli.

In-nuqqas tad-disponibbilità ta’ art fis-suq wasslet biex ikun hawn skarsezza li kompliet għolliet il-prezz ta’ l-art u dan għamilha iżjed diffiċli biex min irid jibda negozju jew ikabbar ikun jista’ jagħmel dan.

L-iskarsezza ta’ l-art tagħmel ukoll diffiċli l-eżerċizzju ta’ enforcement ta’ l-istess M.E.P.A. għaliex bin-nuqqas ta’ spazju industrijali, dawk li jkollhom enforcement notice ma jsibux post alternattiv fejn jistgħu jaħdmu.

Fl-istess hin, kien qed isir ukoll rapport mill-I.P.S.E., magħruf bħala "Micro Enterprise Study" li kompla jikkonferma r-realtà u l-gravità tan-nuqqas ta’ spazju industrijali.

Rajna wkoll x’jikkawza t-talba għal art industrijali u nnotajna li:

  1. numru ta’ ħaddiema f’ażjendi privati kienu qed jagħżlu li jaħdmu ghal rashom u dawn kienu qed ifittxu post fejn jistgħu jaħdmu.
  2. numru ta’ żgħażagħ kienu wkoll qed jitħajjru biex jidħlu fin-negozju u bħala self-employed u negozju żgħar jridu post fejn jaħdmu
  3. id-diversi enforcement notices li joħorġu mill-istess Awtorità (MEPA) fuq min qed ikun rapportat jaħdem f’żoni residenzjali mingħajr permess u dawn kienu qed joħolqu domanda addizjonali għal spazju industrijali alternattiv.
  4. diversi ażjendi li riedu jkabbru l-attività kummercjali tagħhom ma kienux qegħdin isibu wkoll spazju alternattiv.
  5. diversi ażjendi kummerċjali li jużaw vetturi kummercjali ma kienux qegħdin isibu post fejn jistgħu jipparkjaw il-vetturi tagħhom fosthom kuntratturi, sidien ta’ coaches u karozzi tal-linja. Dawn ukoll kienu qegħdin jitolbu spazju alternattiv.

Meta ġie nnottat dan kollu, bdejna naħdmu fuq diversi eżerċizzji biex il-Gvern isib soluzzjoni li tkun qed toffri rimedju permanenti. F’dawn ic-cirkustanzi bdiet ħidma li kienet tinkludi:

1. upgrading permezz ta’ għoti ta’ servizzi infrastrutturali bħal toroq, dawl, ilma u servizz tad-drenaġġ lil żoni industrijali li ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità ta’ l-M.D.C. Din il-ħidma diġà bdiet issir fil-Ħandaq, L-Imrieħel u Ħaż-Żebbug, fost ohrajn.

2. eżercizzju li għandu jkun konkluz fil-ġimgħat li ġejjin li minnu għandha toħroġ il-proposta biex ċertu attivitajiet ta’ industrija ħafifa jkunu jistgħu jibqgħu jsiru f’żoni residenzjali taħt ċertu kundizzjonijiet li jiggarantixxu li ma tinħoloqx inkonvenjenza għar-residenti ġirien. Dwar dan nispera li nkunu nistgħu nħabbru r-riżultat ta’ din il-ħidma ftit tal-ġimgħat oħra.

3 li titressaq fil-Parlament il-proposta sabiex isir revizjoniparzjalital-pjan strutturali sabiex fil-pjan strutturali jkunu nklużi siti/żoni ta’ art li fihom jkunu jistgħu jinbnew żoni industrijali.

Din il-proposta fiha nnifisha hija skema ta’ Public Private Partnership maħsuba biex tiffaċilita u tħaffef il-proċess fl-identifikazzjoni u l-bini ta’ żoni industrijali ġodda għal self employed u negozji żgħar. Hekk titnaqqas l-iskarsezza ta’ art industrijali. Kull min ser ikollu l-art tiegħu li tkun identifikata bħala aċċettabbli għal dan il-fini, permezz ta’ eżerċizzju mwettaq mill-MEPA skond kriterji imfassla mill-istess Awtorità, il-Gvern ser ikun qed jidħol fi ftehim miegħu bħala s-sid ta’ l-art li l-permess joħroġ biss b’kundizzjoni li:

  1. ż-żona industrijali fuq art identifikata u nkluża fil-pjan strutturali trid tinbena fi żmien sena minn meta jinħareġ il-permess tal-bini.
  2. kemm-il darba dak li nbena ma jkunx qed jiġi mikri mis-sidien, li jaċċettaw li jidħlu f’din l-iskema, il-Gvern iżomm id-dritt li jintervjeni u jalloka huwa lil min japplika għandu; u dan bi prezz massimu stabbilit ta’ Lm6 il-metru kwadru fis-sena. Ghall-fini ta’ din l-iskema din ir-rata ta’ Lm6 metru kwadru għandha tkun magħrufa bħala l-intervention rate, li l-Gvern jinqeda biha biss jekk jiddeċiedi li jintervjeni fil-kas li meta jkun lest l-iżvilupp, l-iżviluppatur jew ma jkunx qed jikri l-ispazju jew għal xi raġuni jitlob prezz eċċessiv li jkun qed iżomm lura milli johrog ghall-kiri l-units mibnija.

Kemm-il darba l-art identifikata tkun proprjetà tal-Gvern, il-Gvern bi proċeduri stabbiliti jallokaha lill-iżviluppatur u miegħu l-Gvern iżomm dawn l-istess drittijiet bhalma jżomm mas-sidien fejn l-art tkun privata.

Permezz ta’din l-iskema, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo wera għal darb’oħra kif il-Gvern qed jaħdem b’għaqal biex isolvi l-problema li issa ilha tinħass minn diversi self-employed għal dawn l-aħħar snin. Skema bħal din hija maħsuba biex, kemm-il darba tkun aċċettata mis-sidien ta’ l-art, allura fis-suq ser ikollna disponibbilità ta’ art industrijali li kapaċi tlaħħaq mad-domanda għall-art industrijali. L-intenzjoni tal-Gvern hija li jżid l-art għall-fini industrijali sabiex tonqos l-iskarsezza u għalhekk jonqos ukoll il-prezz ta’ l-art u tal-kirjiet li anke bhalissa qed jintalab.

Is-Segretarju Parlamentari temm iddiskors tieghu b’awgurju ghall-din l-iskema. Huwa qal li l-Gvern poġġa fis-suq din l-iskema biex isolvi problema. Issa jonqos li din l-iskema tkun miftehma, aċċettata, u narawha taħdem; u hekk inkunu qed noħolqu aktar impjiegi, noffru inizjattivi ġodda għal min huwa self-employed, fejn jista’ jinvesti fi spazju industrijali ġdid u jkun jista’ jaħdem aħjar. Din l-iskema hi ta’ Public Private Partnership fejn il-Privat qed ikun mitlub ipoġġi fis-suq l-art għall-iżvilupp taħt ċertu kundizzjonijiet kif spjegat iktar qabel. Dan il-ftehim irid jintlahaq mill-Gvern mas-sidien u l-iżviluppatur filwaqt li r-responsabbilità tal-MEPA ser tkun tikkonsisti f’eżercizzju ta’ identifikazzjoni ta’ l-art u dan ser isir fuq proċeduri u kriterji stabbiliti mill-istess MEPA. Ser tkun ir-responsabbilità tal-MEPA li tidentifika jew tilqa’ applikazzjonijiet biex art tkun ikkunsidrata ghal din l-iskema bil-ħsieb li l-art li tkun identifikata ma jkollhiex impatt negattiv fuq l-ambjent, filwaqt li tkun qrib ta’ lokalitiajiet diversi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex li tassigura li n-negozju li jkun trasferit f’dawn iż-żoni industrijali ma jitlifx il-klijentela marbuta mal-lokalità.

Aktar tard illum stess il-MEPA ser tkun qed tħabbar f’konferenza stampa, rapport u studju li għamlet rigward il-proċeduri ta’ identifikazzjoni ta’ siti li skond din l-Awtorità, huma aċċettabbli biex ikunu kkunsidrati ghal din l-iskema u għal dan il-għan jibda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fuq kriterji ta’ l-istess Awtorità.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow