Sala MULTI-PURPOSE u Tiġdid fl-Iskola tas-Siġġiewi
Investiment ta’ nofs miljun lira għandu jwassal biex jitwettaq refurbishment sħiħ ta’ l-iskola primarja “Guże` Delia” fis-Siġġiewi u tinbena Multi-PurposeHall biex isservi ukoll lill-komunita`. Saru arranġamenti biex it-tagħlim jibqa` għaddej waqt li jitkompla x-xogħol matul is-sena skolastika.
L-Agent Prim Ministru u Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Louis Galea dalgħodu żar ix-xogħlijiet li qed isiru u tkellem ma’ l-uffiċjali dwar il-miżuri li qed jittiehdu biex l-iskola tkompli tiffunzjona f’Settembru li ġej, bla ebda perikolu għat-tfal u ghall-għalliema.
L-iskola primarja tas-Siġġiewi inbniet fis-snin ħamsin u fil-bidu kienet biss skola primarja għas-subien, eventwalment ingħaqdu wkoll magħhom il-bniet. Fis-snin sebgħin infetħet skola sekondarja fl-istess bini, u din il-parti issa qed tintuża bħala kindergarten. F'dawn l-aħħar snin l-iskola sarulha diversi xogħlijiet li jinkludu l-għeluq tal-kuruturi bl-aluminium, u tisbieħ ġenerali ta' l-iskola. Fl-iskola tas-Siġġiewi jattendu kważi 600 tifel u tifla bejn kindergarten u livell tal-primarja.
L-iskola qatt ma kellha sala fejn l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu attivitajiet artistiċi ta’ muzika, drama, żfin u attivitajiet oħra. Issa ser tinbena sala li tkun tesa` sa 500 ruh bil-qgħeda, li filwaqt li tintuża għall-skopijiet edukattivi, isservi wkoll bħala spazju fejn ikun jista jsir sport u attivitajiet fil-magħluq, speċjalment matul ix-xhur tax-xitwa. Il-Multipurpose Hall ser ikollha disinn modern, mgħammra bil-faċilitajiet kollha li hemm bżonn, b’maħżen taħtha b'lift apposta, li jkun jista jesa' apparat u materjal imdaqqas, foyer li jista’ jintuża għall-wirjiet ukoll, changing rooms u faċilitajiet sanitarji.
Il-proġett tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada hu maqsum f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tikkonsisti fil-bini ta’ aktar klassijiet u fl-immodernizzar tal-klassijiet u l-faċilitajiet kollha skond l-istandards u l-ħteġijiet tal-Kurrikulu l-ġdid. Meta saru l-ispezzjonijiet fuq l-iskola instab li s-soqfa ma kienux ġew ippjanati biex jifilhu bini fuqhom u għalhekk qed ikollhom jinbidlu. Qed isir ukoll xogħol strutturali biex jinbnew żewġ turġien ġodda, kif ukoll jiġu nstallati żewġ lifts. Il-klassijiet il-ġodda qed jinbnew b'mod li jistgħu jintużaw b'mod flessibli ħafna. Il-klassijiet se jkollhom ħajt li jista jiżżarma biex b’hekk kull żewġ klassijiet ikunu jistgħu jingħaqdu biex jirdoppja l-ispazju. Minn dawn il-klassijiet se jkun hemm tnax li meta jingħaqdu jsiru sitt klassijiet kbar.
Sadattant, biex il-klassijiet kollha jingħataw dehra isbaħ, qed isir xogħol ta' kisi u tibjid b'kuluri vivaċi u attraenti għat-tfal. Is-sistemi tad-dawl, ta' l-ilma, telefons u kompjuters ser jiġu riveduti minħabba l-bidliet li qed isiru.
Meta jkun lest il-proġett, l-iskola tas-Siġġiewi se jkollha sala ġdida b'maħżen, changing rooms, foyer u lift, 25 klassi normali, 6 klassijiet kbar li jistgħu isiru 12-il klassi mdaqqsin, żewġ playrooms, kmamar li jistgħu jintużaw għad-drama u l-mużika u attivitajiet oħra, video room, librerija b'internet area, laboratorju, uffiċini u kmamar għall-għalliema, u faċilitajiet ohra biex l-iskola tassew tkun skola għall-komunita`.
Il-Ministru Louis Galea qal li x-xogħol fl-iskola tas-Siġġiewi miexi b'ritmu tajjeb biex l-iskola tkun tista’ tiftaħ għall-istudenti fil-bidu tas-sena skolastika li ġejja. Il-proġett li ser jieħu madwar sentejn jeħtieġ li jkompli anke matul is-sena skolastika. "Jiena mexxejt laqgħat u kelli diskussjonijiet mal-Kap ta’ l-Iskola u l-Assistenti tagħha, biex nassigura li t-tagħlim ikun jista` jitkompla b’mod normali fl-iskola stess. Il-Project Management ser jaħdem billi jagħlaq blokk blokk, b’mod li ma jkun hemm l-ebda perikolu għat-tfal u l-għalliema. Naturalment sakemm jitlesta l-proġett ikun hemm ċertu inkonvenjent għal kulħadd, inkluż il-ġirien. Il-Fondazzjoni ser tagħmel dak kollu possibbli biex dan ikun mill-inqas.”
Il-Ministru qal li fix-xhur li ġejjin il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ser tibni l-iskema biex il-ħaddiema industrijali tal-Gvern fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni jipprovdu programm ta’ maintenance regolari fl-iskejjel taħt is-supervizjoni tagħha. Il-pjan hu li l-investiment massiv li qed isir fl-iskejjel jagħti l-ogħla valur lill-poplu Malti u jżomm il-kwalita` tiegħu għall-itwal perjodu ta’ żmien possibbli, b’maintenance immaniġjata fuq bażi regolari kif suppost. L-iskejjel kollha tal-Gvern se jiġu modernizzati biex ikunu skejjel b'ambjent sabieħ li jilqa’ lill-istudenti u jħeġġu t-tagħlim u l-iżvilupp tat-tfal u l-istudenti. Il-Ministru qal li l-Fondazzjoni flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Awtorita` ta’ l-Ippjanar u l-Ambjent qed jaħdmu biex jikkonkludu l-eżerċizzju ta' l-għazla ta’ numru ta’ siti, fejn ser jinbnew skejjel primarji u sekondarji ġodda fis-snin li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN