Laqgħa għall-istudenti prospettivi ta’ l-M.C.A.S.T.
Illum, saret l-ewwel laqgħa għall-istudenti prospettivi tal-MCAST, li mis-sena skolastika li ġejja ser ikollu Ċentru tiegħu f’Għawdex.
Il-korsijiet kollha tal-MCAST f’Għawdex ser jiġu offruti mill-campus tal-MCAST fix-Xagħra, Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, indirizzat din il-laqgha u stqarret li b’dan l-ewwel Ċentru tal-MCAST f’Għawdex, il-pakkett ta’ korsijiet li dan il-kulleġġ ser joffri f’Għawdex huwa pass lejn aktar aċċessibilita’ ta' żgħażagħ u adulti Għawdxin għal varjeta' ta' Korsijiet Vokazzjonali. B'hekk Għawdex ser ikollu mhux biss iċ-Ċentru ta' l-Universita' iżda wkoll iċ-Ċentru ta' l-MCAST li hu maħsub li fuq firxa ta' snin jiżviluppa f'Kulleġġ ta' l-għola kwalita'.
Id-deċiżjoni dwar liema korsijiet jistgħu jiġu organizzati fiċ-Ċentru ta' l-MCAST f'Għawdex tiddependi mid-domanda ta’ l-istudenti Għawdxin, mill-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol f’Għawdex, kif ukoll mill-istadju ta' l-iżvilupp tal-Kulleġġ innifsu. Hu l-iskop tal-MCAST li jkompli jżid il-korsijiet f'Għawdex, speċjalment korsijiet f'oqsma speċjali għal Għawdex b'attenzjoni partikolari għas-settur tan-negozji ż-żgħar. Dan intqal mis-Sur F. Faerne, membru tal-Board of Governors tal-MCAST.
Għas-sena skolastika li jmiss ser jiġu offruti tmien korsijiet li erbgħa minnhom qatt ma kienu offruti f’Għawdex qabel. Il-korsijiet li ser jiġu offruti huma:
- MCAST Foundation Course fl-Elettronika (kors ġdid)
- Kors ta’ Tekniku fid-Draughtsmanship (kors ġdid)
- L-Ewwel Diploma fl-Istudji tal-Komputer
- Diploma Nazzjonali fl-Istudji tal-Komputer (kors ġdid)
- Ċertifikat fis-Servizzi Bankarji u Finanzjarji
- Ċertifikat fl-Istudji Amministrattivi u Segretarjali
- Ċertifikat fir-Retailing (kors ġdid)
- Ċertifikat ta’ Accounting Technician
Is-Sur V. Scicluna President tal-Board of Governors li indirizza lil dawk preżenti qal li kif għamel is-sena l-oħra l-MCAST qed joffri numru ta' korsijiet bażiċi li għalihom mhemmx bżonn kwalifiki u allura huma miftuħin għal kulħadd, uħud minnhom se joffrihom iċ-Ċentru t'Għawdex.
Il-Prospectus kollu tal-MCAST ġie mpustat lill-istudenti kollha li temmew il-livell sekondarju. Fih wieħed isib ukoll ktejjeb dwar il-korsijiet offruti miċ-Ċentru ta' Għawdex.
Madankollhu kull min hu interessat li jikseb kopja tal-Prospectus għandu jikkuntattja liċ-Ċentru ta' Informazzjoni ta' l-MCAST fuq in-numru: 21806440 jew billi jibgħat e-mail lil: information@mcast.edu.mt
Il-Kulleġġ joffri wkoll servizz ta' Guidance and Counselling dwar kif wieħed jista’ jkompli fil-mixja edukattiva tiegħu jew tagħha. L-applikazzjonijiet għal korsijiet ser jintlaqgħu fiċ-Ċentru tal-MCAST fix-Xagħra, Għawdex, nhar il-Ħamis 22 u il-Ġimgħa 23 ta’ Awissu. F’Settembru ser issir sejħa oħra għall-applikazzjonijiet għal dawk l-istudenti li qed jistennew ir-riżultati tar-resits.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN