Left arrow Mur Lura

Bini li jinkorpora fit-tisbiħ tal-promenade ta’ San Ġiljan

PR1118
Date Icon 19/08/2002

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech illejla inawgura l-bini l-ġdid tal-Water Polo Club ta’ San Ġiljan.

F’diskors li għamel għall-okkażjoni, il-Ministru Zammit Dimech qal li f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena saret rivoluzzjoni kwieta fil-gżejjer Maltin, fejn wara li fl-1987, il-Gvern iddedika l-ħidma tiegħu favur li jsaħħaħ, jew jibni mill-ġdid diversi setturi ta’ l-infrastruttura u llum qed issir ħidma biex jissebbaħ il-pajjiż u hekk isir dejjem post aħjar fejn jgħixu l-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kien responsabbli mit-tisbiħ ta’ bajjiet u anke ta’ ċerti nħawi f’ċentri ta’ lokalitajiet, kien responsabbli minn restawr ta’ bini storiku u fortifikazzjonijiet, minn ri-abilitazzjoni fis-sitt ibliet fortifikati ta’ Malta, mill-afforestazzjoni, parks u konservazzjoni tal-pajsaġġ u minn servizzi ta’ tisbiħ. Dawn il-ħidmiet huma kollha maħsuba biex il-pajjiż li ngħixu fih ikun isbaħ, fejn kulħadd igħix aktar f’saħħtu u fejn il-livell tal-għajxien tal-poplu kollu jkompli jogħla.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura fakkar li f’dawn l-aħħar snin twettqu diversi proġetti ta’ tisbiħ f’lokalitajiet ħdejn il-baħar. Qal li dawn il-proġetti kienu jinkludu t-tisbiħ tal-promenades f’Marsascala, Buġibba, il-Qawra, Marsaxlokk, Birżebbuġa, il-Gżira, l-Ġnejna, Għar Lapsi, tas-Sliema u San Ġiljan. Dawn il-proġetti ta’ tisbiħ inkludew anke Għawdex fejn saret ħidma importanti fil-bajjiet kollha frekwentati, iżda l-aktar f’Marsalforn, fejn il-proġett ħaseb biex jissebbaħ il-promenade ewlieni tal-bajja u l-inħawi ta’ madwar.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li fost xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ kien hemm dak tal-Ġnien Pawlu Boffa li nbidel f’Ċentru Rikreattiv, fix-Xatt ta’ Bormla fejn twaqqa’ l-ħajt li kien jgħatti l-Baċir Numru 1 u floku sar ilqugħ b’ħadid dekorattiv, fl-inħawi tat-Torri ta’ San Tumas f’Marsascala u fil-pjazza tal-Mellieħa.

Francis Zammit Dimech qal li l-Ministeru tiegħu kien qed jaħdem fuq diversi proġetti oħra ta’ tisbiħ li, jew diġa’ beda x-xogħol fuqhom jew li kien mistenni jibda fix-xhur li ġejjin. Dawn kienu jinkludu it-tisbiħ tal-bajja ta’ San Tumas, it-tisbiħ tal-promenade fix-Xagħjra, t-tisbiħ tal-promenade bejn il-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa u t-Torri ta’ San Luċjan, it-tisbiħ tal-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, it-tisbiħ ta’ l-inħawi ta’ Triq Wilġa f’Paceville, it-tisbiħ tal-promenade tax-Xemxija, it-tisbiħ ta’ l-inħawi ta’ Għar Ħassan f’Ħal Far, it-tisbiħ ta’ Dawret il-Gżejjer f’Buġibba, t-tisbiħ tal-Barrakka t’Isfel u l-Barrakka ta’ Fuq fil-Belt, it-tisbiħ tal-bus terminus f’Bieb il-Belt u t-tisbiħ ta’ art mitluqa barra s-swar tal-Kottonera f’Ħaż-Żabbar li qed tinbidel f’park reġjonali.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-akbar proġett ta’ tisbiħ li sar fl-aħħar tliet snin kien dak tal-promenade ta’ tas-Sliema u San Ġiljan. Hu qal li dan il-proġett kien jinkludi t-tisbiħ tal-promenade ta’ tas-Sliema, tul ta’ kilometru u nofs u t-tisbiħ tal-promenade ta’ San Ġiljan fuq tul ta’ kilometru ieħor. Hu qal li filwaqt li l-proġett ta’ tas-Sliema tlesta, il-proġett ta’ tisbiħ tal-promenade ta’ San Ġiljan inqasam f’erba’ fażijiet li tlieta minnhom tlestew filwaqt li l-aħħar fażi mistennija tibda f’Ottubru biex titlesta qabel is-sajf tas-sena d-dieħla. Il-Ministru Zammit Dimech qal li parti oħra ta’ dan il-proġett kienet it-titjib li sar fi Ġnien l-Indipendenza u l-bini mill-ġdid tal-playing field fejn tqiegħed l-aktar tagħmir modern. Francis Zammit Dimech qal li f’dan il-proġett mhux biss kien hemm attenzjoni għad-dettalji iżda sar minn kollox biex ix-xogħlijiet li saru jorbtu flimkien u hekk ikun hemm viżjoni waħda.

Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-bini mill-ġdid tal-klabb tal-waterpolo ta’ San Ġiljan hu parti minn dan il-proġett. Hu qal li waqt li kien qed jiġi ppjanat il-proġett ta’ tisbiħ tal-promenade ta’ San Ġiljan, it-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura kellha bilfors tagħti każ ta’ l-istruttura tal-klabb għaliex wieħed ma setax jagħmel tisbiħ jekk ma jsirx tibdil strutturali fil-klabb ukoll. Il-fatt li kien hemm bżonn li titkabbar il-promenade, speċjalment il-wisa’ tal-bankina, flimkien mal-fatt li l-istruttura tal-klabb ma kenitx fi stat tajjeb minħabba s-snin li għaddew fuq dan il-bini, u li qala’ fih maltempati qawwija tal-baħar, wassal għad-deċiżjoni li l-klabb jerġa’ jinbena mill-ġdid.

Francis Zammit Dimech qal li fil-parti ta’ fuq tal-klabb, jiġifieri tul il-promenade, tneħħa l-kiosk, li kien jagħlaq nofs il-bankina u flokha nbniet gallerija u kiosk ġdid f’parti li ma ttellifx il-mixja tan-nies li jgħaddu minn din il-parti. Fejn qabel kien il-kiosk se jitqiegħdu bankijiet għall-pubbliku. Il-klabb inbena b’tali mod li jiflaħ għall-maltemp tax-xhur tax-xitwa u hekk ikun protett. Bi ftehim mal-klabb, fl-istess klabb inbniet public convenience li taqdi lill-pubbliku li jgħaddi mill-inħawi fix-xhur tas-sajf.

Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li l-bini ġdid tal-klabb ta’ San Ġiljan se jaqdi ħafna aħjar il-funzjonijiet tiegħu ta’ klabb tal-waterpolo f’zona hekk popolari. Hu qal li fejn qabel f’dan il-post kien hemm diversi kmamar li nbnew matul is-snin, u li kellhom umdità kbira, illum il-klabb huwa struttura waħda. Inbniet ukoll kamra fejn jiltaqa’ l-kumitat, inbnew showers u toilets ġodda għall-użu tal-players, inbnew kċejjen ġodda u nħoloq spazju akbar għal dawk li jħobbu jinżlu l-klabb matul is-sajf.

Francis Zammit Dimech qal li l-bini tal-klabb kompla għaqqad il-proġett ta’ tisbiħ li sar tul il-promenade ta’ San Ġiljan speċjalment fil-parti ta’ bejn il-klabb ta’ San Ġiljan u l-klabb tan-Neptunes, wassal għall-bini ta’ seba’ belvederes u bankina ferm aktar wiesa’ milli kien hemm qabel. Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan il-proġett għandu jwassal biex il-klabb ta’ San Ġiljan ikun aktar frekwentat u biex mill-bini tiegħu jgawdi l-istess klabb, ir-residenti ta’ San Ġiljan u l-poplu inġenerali. Francis Zammit Dimech qal għal darb’oħra l-Gvern kien qed jagħti prova ta’ għajnuna konkreta lis-settur sportiv fl-istess waqt li jsebbaħ l-ambjent ta’ dawn l-inħawi hekk popolari ma’ kulħadd.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow