Left arrow Mur Lura

Pubblikat ir-Rapport tac-C.P.T. dwar Zjara f'Malta (Mejju 2001)

PR1112
Date Icon 14/08/2002

Il-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura (CPT) tal-Kunsill ta' l-Ewropa għamel żjara ta’ rutina f'Malta f'Mejju tas-sena l-oħra. L-ewwel u t-tieni żjara kienu saru f’Lulju 1990, u f’Lulju 1995. Dan il-Kumitat, li ilu mwaqqaf mill-1989, iżur il-postijiet ta’ detenzjoni fl-istati membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa u jħejji rapport kunfidenzjali dwar iż-żjara tiegħu lill-Gvern ta' kull pajjiż li jkun żar. Dan ikun fih suġġerimenti, kummenti u rakkomandazzjonijiet.

Minkejja li m'għandu ebda obbligu li jippubblika r-Rapport dwar żjara, il-Gvern Malti, għat-tielet darba, iddeċieda li jippubblika u jqassam kopji ta' dan ir-rapport kif għamel wara ż-żewġ żjarat l-oħra. Dan qed jagħmlu għaliex jemmen li din it-tip ta' verifika ("audit") tal-postijiet ta' detenzjoni tagħna minn grupp ta' esperti internazzjonali, igħin lill-awtoritajiet Maltin sabiex isaħħu l-impenn tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem.

Fiż-żjara tiegħu li seħħet bejn it-13 u t-18 ta' Mejju, 2001, ic-CPT żar il-Faċilita` Korrettiva ta' Kordin, is-Substance Abuse Therapeutic Unit (SATU) fl-Imtaħleb, l-Għases tal-Pulizija ta' San Giljan, Tas-Sliema, il-Belt, Fort Mosta, u Victoria u Xagħra f'Għawdex, il-Lock-up tal-Għassa tal-Belt, iċ-Ċentru ta' Detenzjoni f’Ta' Kandja, u post ta' detenzjoni fl-Ajruport ta' Hal Luqa.

Huwa ta' pjaċir u sodisfazzjon kbir li wieħed jinnota li skond ir-Rapport:

  1. il-ko-operazzjoni li rċieva c-CPT mill-awtoritajiet Maltin kienet waħda 'eċċellenti', u l-livell ta' informazzjoni dwar iċ-CPT, anki minn persuni li ma kinux avżati minn qabel biż-żjara, bħala tajjeb; ta' min igħid li bħala regola l-awtoritajiet ma jkunux jafu liema postijiet ser iżuru c-CPT;
  2. iċ-CPT jikkonkludi li l-maġġoranza stragranti ta' persuni intervistati lanqas biss allegaw trattament inuman jew ħażin mill-pulizija, f'postijiet li jaqgħu taħt il-Korp;
  3. mill-ewwel żjara tac-CPT fl-1990, il-popolazzjoni tal-ħabs ta' Kordin żdiedet b'300% minn 90 għal 270; il-maġġoranza stragranti ta' priġunieri mhux talli m'għamlux allegazzjonijet ta' trattament ħażin, iżda b'mod pożittiv qalu li l-imġieba tal-gwardjani kienet korretta;
  4. ic-CPT jirreferi għal "programm ambizzjuz" li beda għal titjib fil-bini tal-ħabs mill-1995. Ic-CPT, mill-aħħar viżita tiegħu fl-1995, innota tibdiliet sinifikanti fil-ħabs, b'mod partikolari il-bini tat-Taqsima Żgħażagħ magħrufa bħala YOURS, u dik tar-Remand b'144 ċelel ġodda li ser tinfetaħ din is-sena, l-għeluq tat-Taqsima VIII kif rakkomandat fl-aħħar Rapport, u refurbishment ta' Taqsimiet oħra;
  5. barra minn dan, ic-CPT kellhom kliem ta' tifħir għall-mod kif il-ħabs kien qed jinżamm f'kondizzjoni nadifa, kuntrarjament għal dak li ikkonstataw fl-1995. Osservaw ukoll li iż-żjieda fin-numru ta' priġunieri ġiet akkumpanjata b'żjieda fin-numru ta' gwardjani;
  6. ic-CPT innota b'sodisfazzjon li l-proporzjon ta' priġunieri li jaħdmu żdied mill-aħħar żjara. Meta l-membri tac-CPT żaru il-ħabs issa, sabu żewġ terzi tal-priġunieri qed jagħmlu xi xogħol;
  7. ic-CPT ikkonstata wkoll titjib fl-edukazzjoni tal-priġunieri tant li 8 klassijiet ġodda kienu infetħu mill-aħħar żjara bl-impjieg ta' 15 għalliema part-time, u f'każ minnhom saru arranġamenti flessibbli sabiex persuna issegwi kors fl-Universita`. Ic-CPT faħħar dan il-pass;
  8. ic-CPT ukoll faħħar it-twaqqif ta' Intake Assessment Unit fl-1999 u l-impjieg ta' kriminologu u psikologu forensiku;
  9. il-bini ta' lock up ġdid fid-Depot tal-Pulizija u dak għall-Immigranti illegali f’Ħal Far, ġew milqugħa b'sodisfazzjon kbir mic-CPT, u faħħru il-pass li ħa il-Gvern Malti li wettaq ir-rakkomandazzjoniet preċedenti tac-CPT f'dan ir-rigward; u
  10. ic-CPT faħħar il-programm tas-SATU għall-priġunieri li għandhom problemi ta' droga, tant li irrakkomanda li l-programm tiegħu jiġi estiż.

Bħal kull rapport ieħor ta' kull pajjiż ieħor Ewropew, kien hemm ukoll kritika, kummenti u suġġerimenti. Minkejja li l-kotra kbira ta' persuni arrestati jew priġunieri m'għamlux allegazzjonijiet ta' trattament ħażin, kien hemm okkażżjonijiet individwali fejn ġie allegat aġir goff, l-aktar fil-mument ta' l-arrest. Ic-CPT jisħaq li b'ebda mod ma din hi xi problema mifruxa (pervasive), iżda tajjeb li wieħed ikun viġilanti għaliha.

Waqt li faħħru il-bini ta' lock-up ġdid, ic-CPT irrakkomanda titjib fil-kondizzjonijiet taċ-ċellel fl-Għases, fejn persuni ġieli jinżammu anki jekk għal ħin qasir qabel ma jintbagħtu id-Depot.

Ic-CPT reġa' ikkonkluda li l-Kumpless ta' Kandja għandu jingħalaq u jinfetaħ Ċentru ġdid għal Immigranti Illegali.

Ic-CPT irrakkomanda tibdiliet (kif ilu jagħmel sa mill-1990) fil-liġijiet sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-persuna arrestata fosthom id-dritt ta' Avukat waqt l-arrest, id-dritt ta' aċċess għal kura medika u li l-familjari tiegħu jiġu informati bl-arrest. Uħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew inklużi fl-emendi ġodda tal-Kodiċi Kriminali.

Dwar il-ħabs, ic-CPT irrakkomanda li l-istaff tal-ħabs jiġi avżat li kull forma ta' imġieba ħażina - anki verbali - iġġib magħha kastig. Saħaq fuq l-importanza li l-gwardjani jiġu mħarrġa aħjar. Jikkritika il-fatt li minkejja titjib fir-reġim, għad hemm priġunieri li m'għandhom xejn x'jagħmlu u li għandu jingħata iktar xogħol lill-priġunieri nisa. Ic-CPT, kif jagħmel is-soltu, talab lista ta' ilmenti li għamlu priġunieri dwar trattament ħażin mill-Pulizija jew staff tal-ħabs, u rendikont ta' azzjoni meħuda.

Ic-CPT irrakkomanda wkoll tisħih fin-nursing staff tal-ħabs, li r-regoli ta' kunfidenzjalita' tar-records mediċi jiġu msaħħa, u li jitwaqqaf ċentru mediku ġdid u li jinħatru iktar psikologi.

Dwar priġunieri barranin, ic-CPT irrakkomanda li iktar priġunieri jiġu trasferiti fil-ħabsijiet ta' pajjiżhom, li priġunieri barranin ikollhom ukoll aċċess għal programmi ta' rijabilitazzjoni ta' droga, u li iktar uffiċjali tal-ħabs ikollhom konoxxenza ta' l-Għarbi. Issuġġerixxa li fil-Bord tal-Viżitaturi tinħatar persuna li jkollha konoxxenza tal-kultura Musulmana, rakkomandazzjoni li diġa` ġiet implimentata.

Dwar is-sistema ta' dixxiplina, ic-CPT irrakkomanda titjib bħal twessigħ tad-dritt ta' Appell, id-dritt li jinġiebu xhieda, u li jingħata ħin adegwat għall-preparazzjoni tad-difiża. Irrakkomandaw ukoll illi il-pieni għal reati differenti ta' dixxiplina ma jiġux miżjuda, iżda bħal fil-każ tal-Kodiċi Kriminali, jiġu assorbiti f'piena waħda li tieħu in- konsiderazzjoni l-fatt li saru diversi reati.

Dwar il-kuntatti tal-priġunieri ma' membri tal-familja, ic-CPT issuġġerixxa iktar flessibilta' għal żjajjar minn persuni barranin lill-qraba tagħhom, u għal iktar flessibilta' fiċ-ċensura ta' l-ittri.

Qiegħed jiġi wkoll pubblikat l-Interim Report tal-Gvern Malti għar-rakkomandazzjonijiet tac-CPT. Dan ir-Rapport juri l-impenn tal-Gvern Malti għal kontinwazzjoni tar-riforma tal-ħabs; f'dawn l-aħħar erba' snin, ġew allokati mat-3.7 miljun lira għall-proġett tal-ħabs ġdid. Dan ir-rapport ser jiġi segwit b'rapport sħiħ fix-xhur li ġejjin.

Meta wieħed iqabbel dan ir-Rapport ma' dak dwar pajjiżi oħra Ewropej, fl-Unjoni Ewropea jew mhux, isib li pajjiżna mhux talli ingħata ċertifikat tajjeb għall-mod kif jittratta persuni f'detenzjoni, iżda talli s-sitwazzjoni hi ħafna aħjar minn dik ta' pajjiżi Ewropej oħra. Dan ir-rapport ikompli jsaħħaħ l-impenn tal-Gvern Malti li, filwaqt li għandna nkomplu nimxu b'kull mezz biex titwettaq il-liġi bla distinzjoni u bla kantunieri fil-konfront ta' kulħadd, kbir jew żgħir, il-persuni miżmuma f'detenzjoni għandhom jiġu trattati b'mod li tixraq id-dinjita' tal-bniedem, u li l-uniku kastig għandu jkun iċ-ċaħda tal-liberta', u xejn iżjed.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

Aktar Stqarrijiet Right arrow