Left arrow Go Back

INAWGURAZZJONI TAL-WIRJA TA’ BIEDJA U SNAJJA’ F’GĦAWDEX

PR1109
Date Icon 14/08/2002

“Il-jiem ta’ festa ta’ Santa Marija huma kkaratterizzati mhux biss mill-influss qawwi ta’ turiżmu intern u barrani lejn il-gżira Għawdxija, imma ukoll mill-organizzazzjoni ta’ dik li hi l-ikbar wirja ta’ biedja u snajja’ fil-gżejjer Maltin, imtellgħa ta’ kull sena fil-Ġonna Pubbliċi Villa Rundle, fir-Rabat, Għawdex, bejn l-14 u l-15 t’Awissu.”

Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono dalgħodu meta inawgurat il-wirja organizzata ta’ kull sena mis-Soċjeta` Agrikola, Industrijali u Kulturali t’Għawdex.

Din il-wirja ilha tiġi imtellgħa mill-1855. Din is-sena n-numru ta’ l-esibiti jlaħħaq l-4500. Fosthom insibu bhejjem li jinkludu baqar, żwiemel, mogħoż, ngħaġ, majjali u klieb (l-Erbgħa, 15 t’Awissu biss), tjur u għasafar, fniek, prodotti tar-raba’, kif ukoll oħrajn marbuta ma’ l-industrija u l-artiġġjanat Għawdxi.

Fid-diskors tal-ftuħ, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, stqarret li l-popolarita` ta’ din il-wirja qiegħed jiġi kkonfermat minn sena għall-oħra. Fil-fatt, l-istatistika turi li l-attendenza għall-wirja organizzata s-sena li għaddiet kienet ta’ iktar minn 10,000 ruħ. Dan huwa ta’ inkoraġġament lejn is-setturi tal-Biedja u Snajja’, għaliex juri li l-popolarita’ ta’ dawn is-setturi qiegħda, kull ma jmur, tiżdied.

Dalgħodu, il-Ministru Debono inawgurat ukoll uffiċċju amministrattiv ġdid tal-Kumitat Eżekuttiv tas-Soċjeta` Agrikola, Industrijali u Kulturali t’Għawdex. Il-Ministru faħħret l-inizjattiva li din is-Soċjeta’ ħadet bħala parti mill-preparazzjonijiet għall-okkażjoni tal-150 anniversarju mill-ewwel wirja ta’ Biedja u Snajja` li kienet inżammet f’Għawdex fl-1855. Din is-sena gie varat programm ta’ modernizzar ta’ l-armar li jintuża għall-wirja. Permezz ta’ dan il-programm, li ser ikun mifrux fuq erba’ snin, ser isir investiment kapitali ta’ madwar Lm20,000 f’armar ġdid aktar addattat għall-wirja tad-daqs li laħqet din il-wirja tradizzjonali.

Il-Ministru għal Għawdex irreferiet ukoll għall-influss ta’ turiżmu fil-gżira Għawdxija f’dawn il-jiem tas-sena. Għalkemm l-istatistika turi n-numru ta’ vjaġġaturi bejn il-gżejjer f’dawn il-jiem partikolari qiegħed jiżdied minn sena għall-oħra, tajjeb illi wieħed jiftakar li Għawdex qiegħed iżid fl-influss turistiku tiegħu matul is-sena kollha.

Fil-fatt, minn Novembru sa April ta’ dawn l-aħħar snin, ix-xhur li tradizzjonalment huma xhur diffiċli għat-turiżmu, Għawdex ra żieda sostanzjali fin-numru ta’ turisti, l-aktar dak intern, illi baqa’ jiżdied sena wara l-oħra.

Dan kollu jikkonferma kemm il-ħidma tal-Gvern f’dik li hi promozzjoni ta’ Għawdex bħala gżira distinta qed tħalli frott li hu mifrux fuq staġun turistiku itwal u allura iktar xogħol matul is-sena kollha. Dan jidher wkoll fil-prodott ġdid li gie varat f’Mejju ta’ din is-sena – il-proġett tal-mixjiet fil-kampanja. Dan huwa proġett li qed jippromwovi turiżmu li huwa addattat ħafna għax jiffoka fuq il-ġmiel tal-pajsaġġ tal-gżira - il-bajjiet, il-mogħdijiet tal-kampanja, il-flora u l-fauna, l-għoljiet u l-widien.

Il-Ministru għal Għawdex tkellmet ukoll dwar l-impenn tal-Gvern preżenti lejn is-settur tal-biedja speċjalment fir-ristrutturar tiegħu sabiex dan is-settur jissaħħaħ. Hija semmiet is-sussidji għal self bla imgħax għall-proġetti ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart fl-irziezet, għall-proġetti ta’ investiment agrikolu u sussidji għat-trasport tal-ġwież bejn Malta u Għawdex. Dan kollu qiegħed iħalli l-frott mixtieq kif jidher miż-żieda fil-bejgħ tal-prodotti agrikoli mill-Pitkali Gozo Centre; din is-sena ż-żieda kienet ta’ 9.2% ta’ tunnellati ta’ prodotti agrikoli.

"Nixtieq fuq kollox nirringrazzja lil kull min hu involut fis-settur agrikolu ta’ l-impenn fil-ħidma siewja tagħhom favur dan is-settur li l-frott tiegħu ta’ kull sena jista’ jitgawda minn kulħadd f’din il-wirja", qalet fi tmiem id-diskors tagħha il-Ministru Debono.

Il-ħinijiet ta’ ftuħ ta’ din il-wirja:

L-Erbgħa – mill-4.30p.m. sal-11.00p.m. Ser tiġi organizzata wkoll serata kulturali bejn is-7.00p.m. u l-11.00p.m., partikolarment għana bejn it-8.00p.m. u l-10.00p.m.;
Il-Ħamis – mis-6.30a.m. san-12.30p.m.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU  “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexxejja tal-UE għax Malta ilha mill-bidu nett timbotta favur soluzzjoni għall-paċi” – Il-Prim Ministru Robert Abela

PR261926

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSUMER PROTECTION  European funding through the Erasmus+ programme to strengthen educators’ professional development

PR261925EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR EUROPEAN FUNDS, SOCIAL DIALOGUE AND CONSU...

More Press Releases Right arrow