STQARRIJA MILL-MINISTERU GHAR-RIZORSI U L-INFRASTRUTTURA
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura jinnota li l-Kunsill Lokali Birżebbuġa qed jorganizza protesta kontra dak li sejħu bħala l-pjani tal-Gvern li jagħmel miżbla f’Bengħajsa.
Il-Ministeru jirriafferma li l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-għażla tas-sit tal-landfill għadha dik ta’ April, 2002 meta kien dikjarat li s-sit tal-landfill għadu ma ntagħżilx. Li sar s’issa hu li t-Taqsima tax-Xogħlijiet ippreżentat rapport preliminari dwar kif għandha tkun il-landfill, l-Awtorita’ ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar ippreparat it-terms of reference għall-Environment Impact Assessment, ġew ippreparati d-dokumenti għal offerta għal Environment Impact Assessment, Traffic Impact Assessment u disinn dettaljat tal-landfill (irrispettivament minn fejn issir), dokumenti li ntbagħtu lill-kumpanniji Maltin u barranin li wrew interess fil-proġett. Ta’ min igħid ukoll illi t-terms of reference suġġeriti mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa kienu nkorporati fit-terms of reference mibgħuta lill-kumpaniji li jridu issa jitfgħu l-offerta tagħhom sabiex dik li tingħażel tagħmel l-eżerċizzji kollha meħtieġa biex ikun jista’ jsir l-istudju serju u oġġettiv dwar l-impatt ambjentali.
Dan kollu juri li hu biss wara li jsir l-istudju dwar l-impatt ambjentali illi jintagħżel il-post tal-landfill. Barra minhekk f’konferenza ta’ l-aħbarijiet li għamel nhar is-Sibt 3 ta’ Awissu l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech qal li l-landfill li għad trid tinbena tista’ titmexxa anke bil-partiċipazzjoni shiha tal-Kunsill Lokali ta’ l-area fejn issir biex żgur ikun hemm is-salvagwardji kollha tar-residenti li joqgħodu fil-viċin.
Hu skorett min-naħa tal-kunsillieri Laburisti ta’ Birżebbuġa li jippruvaw jagħmlu kapital politiku u bl-aktar mod partiġġjan minn din il-kwestjoni purament ambjentali. L-għażla tas-siti għal engineered landfill, li hi l-oppost ta’ miżbla, saret qabel l-1998. Rapport bis-seba’ siti magħżula, tlieta minnhom f’Bengħajsa, kien ippreżentat lill-Onor George Vella, Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin u l-Ambjent fl-1 ta’ Settembru 1997. Dakinhar l-Ministru George Vella mkien ma qal li l-Gvern Laburista kien kontra l-għażla ta’ dawn is-siti. Wara dik id-data l-Partit Laburista baqa’ sena oħra fil-Gvern u mkien m’hu reġistrat li kienu kontra s-siti elenkati fir- rapport ippreżentat lill Onor George Vella. Huwa interessanti li lanqas fil-laqgħa riċenti li kellu l-Kap Laburista mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, ma dan eskluda lil din il-lokalita’ mill-possibbilta’ li tintgħażel biex fiha ssir enginerred landfill.
Fl-abbozz tad-dokument tal-politika ambjentali li ppubblika l-Partit Laburista dan l-aħħar ma jissemma xejn dwar l-għażla tas-sit għal-landfill. L-uniku ħaġa li qalu mexxejja Laburisti dwar is-sit tal-landfill hi li jerġgħu jibdew mill-ġdid il-proċess għall-għażla tas-sit. Li jfisser li jitfgħu l-proċess mill-inqas sentejn lura b’detriment ambjentali u għas-saħħa tal-poplu. Dan żgur mhux fl-interess nazzjonali.
Filwaqt li l-proċess rigward il-landfill miexi kif kien ippjanat, l-għażla tas-sit għadha ma saritx u issir biss wara l-proċess ta’ konsultazzjoni li qed isir. Il-politiċizazzjoni ta’ din il-kwestjoni żgur li ma tgħinx f’dan il-proċess u żgur li ma tkunx ta’ ġid għar-residenti ta’ Birżebbuġa.
F’dan is-sens il-kunsilliera Laburisti f’Birżebbuġa jagħmlu ħażin li jħallu lil min jużahom kif jaqbillu għal skopijiet purament ta’ politika partiġġjana bħal meta qagħdu għad-direttiva li jibbojkottjaw il-programm Xarabank fuq l-istazzjon nazzjonali tat-television meta kienu huma stess li talbu li jsir dan il-programm biex bl-akbar liberta’ jagħtu l-fehmiet tagħhom. Il-mod partiġġjan kif qed ikomplu jaġixxu l-kunsilliera Laburisti joħroġ ukoll mill-mod kif qed tkun organizzata l-istess protesta rigward dan is-suġġett.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN