Proġett "Wirt Artna mill-Qrib"
Il-Fondazzjoni Wirt Artna qed twettaq proġett interattiv mat-tfal li qed jattendu l-iSkolasajf 2002 bl-isem ta' "Wirt Artna mill-Qrib". Il-Proġett hu maħsub biex jagħti lill-parteċipanti l-opportunita' li jżuru, jaraw, jitgħallmu u jipparteċipaw b'mod prattiku f'attivitajiet dwar il-wirt kulturali ta' pajjiżna. Il-proġett qed isir fuq żewġ siti, fil-Forti Rinella u fit-Tempji Megalitiċi ta' Kordin.
It-tfal ta' skola sajf qed imorru f'dawn iż-żewġ siti fejn qed ikollhom sessjonijiet dwar il-wirt kulturali. Wara li jkunu żaru s-sit, it-tfal ikollhom attivitajiet li jinkludu l-osservazzjoni, fejn josservaw, jiddiskutu, jiktbu, u jpinġu xi biċċa mit-tempju jew artefatt. Jitgħallmu wkoll elementi bażiċi ta' l-arkeoloġija fejn jagħmlu analiżi ta' artefatt jew parti mis-sit, u attivitajiet oħra bħal xogħol bit-tafal simili għall-artefatti (Kordin III) u l-użu ta' makkinarju militari (Forti Rinella).
Waqt żjara li għamel il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Louis Galea faħħar l-iniżjattiva li qed twettaq il-Fondazzjoni Wirt Artna mat-tfal ta' Skolasjaf. Il-Ministru qal li għalkemm it-tfal u aħna lkoll nistgħu nitgħallmu ħafna dwar il-wirt kulturali ta' pajjiżna hu importanti ħafna li nesperjenzaw dan il-wirt mill-qrib kif qed jagħmlu t-tfal f'dan il-proġett.
Louis Galea qal li permezz ta' l-interattività, l-istorja tal-pajjiż ma tibqax xi ħaġa astratta imma tieħu tifsiriet ġodda. Permezz tal-fantasija tagħhom, it-tfal kapaċi jġeddu ambjenti li l-lum intesew. Hu qal li l-Ministeru diġà organizza sessjonijiet interattivi dwar il-wirt kulturali waqt wirjiet li kien hemm fil-Kavallier ta' San Ġakbu u jixtieq li din l-esperjenza tinfirex mhux biss fil-mużewijiet tagħna imma toħroġ ukoll fil-beraħ.
Fil-ġimgħat li ġejjin il-Ministeru se jippublika antoloġija ta' versi u pittura tat-tfal li nħadmu waqt workshops apposta relatati mal-Patrimonju tat-Tempji. Dan il-ktieb se jitqassam fl-iskejjel f'Malta u barra u permezz tiegħu se nkunu qed niċċelebraw is-sena internazzjonali ta' l-Eco-Turiżmu. Bħalissa l-Ministeru jinsab ukoll f'kuntatti dwar skambju ta' tfal Maltin ma' tfal mir-Renju Unit f'esperjenza interattiva dwar il-wirt taż-żewġ pajjiżi. Qed ikun studjat ukoll kif tinħoloq skema biex it-tfal tagħna "jaddottaw" siti kulturali u jieħdu ħsiebhom.
Il-Ministru semma l-istrutturi li ġew imwaqqfa l-ġimgħa li għaddiet bħala parti mir-riforma li qed iseħħ fil-qasam tal-Patrimonju Kulturali. Hu qal li pajjiżna hu mogħni b'wirt ta' l-akbar valur u għalhekk inħass il-bżonn li Malta jkollha l-aħjar strutturi biex l-wirt kulturali jiġi ppreservat u ppreżentat sew. Il-Ministru qal li bl-istrutturi l-ġodda, il-Gvern fired ir-rwol ta' regolatur u r-rwol ta' manager permezz tas-Sovrintendenza u l-aġenzija Patrimonju Malta u nħoloq ukoll rwol ġdid ta' korp koordinatur permezz tal-Kumitat ta' Garanzija.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN