Ċentru Ġdid għall-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu
L-Agent Prim Ministru u Ministru ta' l-Edukazzjoni, l-Onor. Dr. Louis Galea illum żar ix-xogħlijiet li qed isiru fiċ-Ċentru li minnu se jaħdem il-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu. Minn Ottubru li ġej, dan il-bini li jinsab qrib l-iSkola Sekondarja Maria Assumpta fil-Ħamrun, għandu jservi bħala ċ-ċentru għall-ħidma intensiva u partiċipattiva ta' l-imsieħba fl-edukazzjoni - għalliema, ġenituri, u edukaturi, esperti f'oqsma differenti u l-kommunita', biex jitwettaq fil-prattika il-Kurrikulu Nazzjonali.
Iċ-Ċentru ser ikollu l-faċilitajiet meħtieġa biex dawn l-imsieħba jkollhom fejn jiltaqgħu, jiddiskutu, jippjanaw, jaħdmu flimkien, jiżviluppaw u jipproduċu materjal edukattiv. Se jkun hemm ukoll faċilitajiet għar-riċerka u studju fuq aspetti li jkunu qegħdin jaħdmu fuqhom.
Iċ-Ċentru se jkollu dawn il-faċilitajiet:
- Foyer li jagħti servizz ta’ informazzjoni u direzzjoni, u jservi wkoll ta’ post fejn n-nies li jiġu ċ-Ċentru biex jaħdmu jew iffittxu tagħrif ikunu jistgħu jiltaqgħu.
- Kmamar attrezzati bil-faċilitajiet għal-laqgħat, seminars, presentations eċċ. Dawn jintużaw mill-Kunsill innifsu u mill-Focus Groups.
- Librerija bil-faċilitajiet kollha moderni,
- Kmamar multi-purpose li jistgħu jservu bħala swali jew bħala kmamar għall-workshops.
- Workshops fejn grupp ta’ għalliema, esperti u tekniċi jsibu faċilitajiet għall-produzzjoni ta’ materjal edukkattiv,
- Kumditajiet li jitlob post bħal dan għall-uzu ta’ min igħaddi hin jiltaqa’ u jahdem fiċ-Ċentru.
Naturalment il-post se jkun aċċessibli wkoll għall-persuni b’diżabilità u madwaru hu maħsub li jkun hemm parkeġġ kif ukoll ambjent li jilqgħek. Iċ-Ċentru se jkun jista’ jitkabbar billi jitla sular iehor meta jiżdied l-użu tal-post.
Ix-xogħol strutturali qed isir mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u hu maħsub li jkun lest sal-bidu ta' Ottubru li ġej. L-investiment li qed isir f'dan iċ-Ċentru jlaħħaq il-Lm 180,000. Fil-Bini qed isiru xogħlijiet strutturali, bdil ta' l-aperturi, tas-sistema ta' l-elettriku, u tal-faċilitajiet sanitarji, kif ukoll qed tiġi stallata network għall-kompjuters u sistema ta' arja kondizzjonata. Se jsir ukoll xogħol ta' tlestija u tinxtara l-għamara kollha li hemm bżonn. Il-Ministru Louis Galea qal li sa minn meta twaqqaf l-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu inħass il-bżonn li l-Kunsill u l-15-il Focus Group li qed jgħinuħ, ikollhom post min fejn joperaw. Hu qal li jittama li malli jiftaħ, iċ-Ċentru jibda mill-ewwel ikun post mimli attivita'. Il-Ministru qal li l-ewwel ħidma tal-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu u tal-Focus Groups kienet li jitħejjew pjani ta' azzjoni għal kull qasam li jitratta l-Kurrikulu.
Il-Focus Groups qed jaħdmu flimkien fuq proġetti differenti kulħadd bl-emfasi partikolari tiegħu. Il-Focus Groups bdew ukoll il-kuntatti tagħhom ma’ l-iskejjel u f’dan l-aspett il-ħidma tagħhom qegħda tkun ikkoordinata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Kurrikulu biex l-iskejjel isibu l-appoġġ meħtieġ.
Il-Pjan t’Azzjoni tal-Focus Groups
Il-ħidma ta’ dawn il-ħmistax il-pjan hija varja ħafna u tinkludi fost oħrajn:
- Żvilupp qawwi u sinifikkattiv f’ċerti oqsma tal-kurrikulu bħal fit-Teknologija, ICT u Xjenza Ko-ordinata.
- Ħidma ta’ konsultazzjoni ma’ l-iskejjel biex tinsab tweġiba għall-mistoqsijiet li għamel il-Kurrikulu Nazzjonali, bħal dik kif l-istudenti tagħna se jgħaddu minn fażi għal oħra tat-tagħlim mingħajr skossi.
- Riċerka dwar in-natura u l-kawżi ta’ certi problemi fis-sistema edukattiva tagħna, bħal dik li qegħda tkun il-kaġun li ċerti studenti jaqgħu lura u jintilfu bis-sistema preżenti.
- Proġetti bi sħab ma’ skejjel bħal dawk fl-iżvilupp tal-lingwa u fil-bini ta’ portfolios.
- Żvilupp professjonali u taħriġ ta’ Kapijiet ta’ l-Iskejjel u għalliema f’oqsma varji, bħal f’metodi ta’ taghlim għall-ewwel snin tal-edukazzjoni u għal tagħlim differenzjat fil-Primarji.
- Tweġiba konkreta għat-talba ta’ l-iskejjel fit-twettiq ta’ l-School Development Plan tagħhom, bil-parteċipazzjoni tal-membri tal-Focus Groups waqt Curriculum Development Sessions fl-iskejjel.
- Ħolqien, bil-parteċipazzjoni ta’ l-għalliema, ta’ dokumenti u materjal ta’ gwida bhal dak li jfassal politika għall-Edukazzjoni Inklussiva.
- Għajnuna offruta direttament lill-iskejjel biex dawn jilħqu l-għanijiet tal-Kurrikulu bħal dawk dwar Gender Issues.
- Tisħiħ u żvilupp qawwi ta’ prattiki tajba bħal dawk tad-Democracy in Schools.
- Attivitajiet ma’ ġenituri u opportunitajiet ta’ konferenzi bħal ma hemm ippjanat għal-Ottubru 2002.
- Bini ta’ strutturi ġodda biex ikunu jistgħu jittwettqu l-iskopijiet u l-miri tal-Kurrikulu Nazzjonali bħall-iżvilupp ta’ skejjel f’Ċentri Kommunitarji tat-tagħlim.
- Proġetti ma’ entitajiet barra mill-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi, bħal l-inizjattiva biex tistabbilixxi rabtiet effettivi bejn l-iskejjel u d-dinja tax-xogħol.
- Fora nazzjonali fuq suġġetti edukattivi li ġew identifikati bħala ta’ interess qawwi nazzjonali.
Other Press Releases:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN