XOGĦLIJIET TA’ TARMAC F’ZONI INDUSTRIJALI
Dalgħodu, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo flimkien mal-Ministru Ċensu Galea żaru xogħlijiet ta’ l-għoti tat-tarmac, f’toroq fiż-żona industrijali tal-Ħandaq, fejn huwa mistenni li sa l-aħħar ta’ Novembru jitlesta x-xogħol li għaddej fil-preżent.
Waqt din iż-żjara, is-Segretarju Parlamentari ta dettalji ta’ fejn wasal dan il-proġett u x’jonqos xi jsir, filwaqt illi spjega li flimkien ma’ din iż-żona, diġà ngħata t-tarmac fiż-żoni industrijali ta’ Ħaż-Żebbuġ u fl-Imrieħel. Issa mess iż-żona tal-Ħandaq, xogħol li mistenni li jiswa’ ftit aktar minn miljun lira.
Filwaqt li beda jgħid dwar l-ippjanar ta’ dan ix-xogħol, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li dan il-proġett beda tliet snin ilu, meta wara laqgħa pubblika f’Ħal Qormi organizzata mill-Small Business Unit, kienet identifikata l-ħtieġa li t-toroq f’dawn iż-żoni industrijali ma setgħux jibqgħu imharbta kif kienu.
Is-Segretarju Parlamentari spjegakif il-proċess ta’ l-ippjanar wasal biex jiġbor fih diversi Dipartimenti biex jaħdmu flimkien u jaraw li dan ix-xogħol ikun jinkludi wkoll l-għoti tas-servizzi infrastrutturali kollha, li f’xi partijiet ta’ dawn iż-żoni industrijali kienu għadhom ma twaslux. Dawn id-Dipartimenti kienu jinkludu d-Dipartiment tat-Toroq, tad-Drenaġġ, l-Enemalta, il-Water Services Corporation, kif ukoll li-Malta Environment and Planning Authority (MEPA).
Is-Segretarju Parlamentari Vassallo kompla jispjega lill-ġurnalisti preżenti u lil dawk li attendew, li l-impenn tal-Gvern huwa li jara li s-self employed u negozji żgħar ikollhom spazju fejn jaħdmu f’żoni industrijali bħal dawn u li jkun fihom servizzi infrastrutturali ta’ kwalità. Għalhekk, dan mhux sempliċiment proġett ta’ għoti ta’ tarmac, iżda ta’ bini ta’ toroq li jinkludu t-twassil u l-għoti tas-servizzi infrastrutturali kollha li huma meħtieġa f’dawn iż-żoni industrijali.
Rigward it-tkomplija ta’ dawn ix-xogħlijiet, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li bhalissa qiegħed isir ukoll eżerċizzju ta’ ppjanar li jinkludi l-ġbir ta’ stimi li jkopru x-xogħol ta’ bini tat-toroq, servizz ta’ ilma, dawl fit-toroq, servizzi tad-drenaġġ u fejn hu meħtieġ culverts għall-ilma tax-xita, biex isiru dawn it-toroq li gejjin:
- Toroq fil-limiti ta’ Ħal Qormi, li jiġu taħt is-St. Michael’s College u wara l-fabbrika tal-Joinwell.
- Toroq fil-limiti ta’ Sant’Andrija fil-limiti tal-Mosta.
- Toroq fiż-żona industrijali magħrufa ta’ Dalli limiti ta’ Gudja.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li huwa kien ingħata r-responsabbilità tal-ko-ordinazzjoni ta’ dan il-proġett fil-budget ta’ l-2001, fejn il-Ministru tal-Finanzi kien alloka l-vot ta’ LM1,050,000 (miljun u ħamsin elf lira) taħt ir-responsabbilità tas-Segretarju Parlamentari responsabbli għas-self-employed.
Is-Segretarju Parlamentari ghadda biex jispjega x’inhuma l-inpenji tal-Gvern għall-ġejjieni.
- L-inpenn tal-Gvern huwa li jsolvi l-problemi ta’ nuqqas ta’ spazju industrijali għal min hu żgħir fin-negozju.
- Titkompla l-ħidma sabiex tinżamm l-indafa f’dawn iż-żoni industrijali.
- Jingħalqu l-open spaces li fihom għadu ma’ sarx bini, biex dawn ma jinbidlux f’miżbliet żgħar li huma ta’ periklu għall-fabbriki ġirien tagħhom. Ir-responsabbilità hija tas-sidien ta’ dawn l-artijiet. Fejn dawn l-open spaces ma jingħalqux b’ċint, il-Gvern lest li jieħu kull azzjoni possibbli li twassal biex dawn l-artijiet mhux mibnija, jkollhom ħajt mibni madwarhom.
- Isir kumitat tas-sidien tal-fabbriki u ażjendi oħra biex ikomplu jiddiskutu kif f’din iż-żona tkun tista’ tinżamm l-indafa u l-ordni.
- It-toroq kollha jingħatalhom isem mill-Kunsill Lokali rispettiv.
- Tingħata l-għajnuna meħtieġa mill-S.B.U. biex min m’għandux liċenzja tan-negozju, dan ikun jista’ japplika u jgawdi mill-proċeduri ġodda ta’ simplifikazzjon fil-ħruġ tal-liċenzji.
Għalhekk, is-Segretarju Parlamentari Vassallo sostna li dan m’għandux biss jidher bħala proġett ta’ għoti ta’ tarmac lil dawn iż-żoni industrijali, iżda impenn mill-Gvern biex itejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi li hu mistenni li joffri lil kull min jaħdem f’dawn iż-żoni industrijali.
Dan kollu qiegħed isir bil-ħsieb, li kemm il-Gvern kif ukoll dawk li qegħdin jaħdmu f'dawn iż-żoni industrijali jagħtu l-kontribut tagħhom biex f’pajjiżna, il-manifattura, l-artiġjanat kif ukoll l-għoti tas-servizzi jkunu kollha ta’ l-aħjar kwalità. Hekk inkunu nistgħu nikkompetu ma’ ażjendi oħra barranin bla biża’ u bil-ħila kollha tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN