KUMITAT TA' GARANZIJA GĦALL-PATRIMONJU KULTURALI
Il-Kumitat ta’ garanzija għall-Patrimonju Kulturali Malti ser ikun presedut mill-ex-President ta’ Malta, Dott. Ugo Mifsud Bonnici. Dan ħabbru l-Ministru Louis Galea waqt li kien qed iniedi l-istess Kumitat f'Konferenza Stampa fejn introduċa wkoll il-membri l-oħra tal-Kumitat. Il-Kumitat hu t-tielet struttura ġdida li qed titwaqqaf din il-ġimgħa wara li aktar kmieni l-Gvern waqqaf is-Sovrintendenza u l-aġenzija Patrimonju Malta kif titlob il-liġi l-ġdida dwar il-wirt kulturali ta' pajjiżna.
Il-Kumitat hu magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeri tat-Turiżmu, l-Ambjent u Għawdex; mill-mexxejja tas-Sovrintendenza, Patrimonju Malta, iċ-Ċentru Malti għar-Restawr, u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u l-Ambjent; minn membru tal-Kummissjoni għall-Patrimonju Kattoliku li ser jinħatar fil-futur qrib; u minn tliet persuni oħra li ġejjin minn għaqdiet volontarji u setturi oħra tal-wirt storiku u kulturali.
Il-funzjonijiet tal-Kumitat huma li jiffaċilita l-koordinament bejn l-aġenziji differenti li għandhom responsabbilita` għall-protezzjoni u l-amministrazzjoni tal-patrimonju kulturali; li jinvolvi l-għaqdiet volontarji u s-settur kummerċjali; u li jissorvelja t-twettiq ta' l-Strategija Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali. Ikun ukoll ix-xogħol tal-Kumitat li jamministra l-Fond dwar il-Patrimonju Kulturali li għad irid jitwaqqaf.
Il-Ministru Louis Galea fisser li l-Kumitat ta' Garanzija, kif jixhed ismu, mhux mistenni li jkun involut fit-tmexxija ta' kuljum tal-patrimonju. Xogħolu hu li jgħasses, jikkoordina, jixpruna u jinkoraġixxi ħidma fejjieda li tħares u tamministra l-wirt kulturali u storiku ta' l-ogħla valur li ġie mogħni bih il-poplu Malti. Il-Ministru qal li l-Kumitat ser igawdi axxendent morali qawwi sew minħabba l-istatus li tagħtih il-liġi u anke minħabba l-membri li jikkomponuh li kollha huma magħrufa għall-impenn kostanti u ħiliet pruvati fil-protezzjoni, l-għozza u l-preżentazzjoni tal-wirt ta' pajjiżna.
Louis Galea sostna li issa ser jibda proċess importanti biex pass pass inxettlu kultura u sistemi ġodda ta' kif il-Maltin jgħożżu u jippreżentaw il-wirt li ħallewlna missierijietna sa miż-żmien preistoriku eluf ta' snin ilu. "Il-Maltin u l-Għawdxin kollha għandna nħossuna kburin u responsabbli. Jeħtieġ napprezzaw li ġie fdat f'idejna wirt li l-valur tiegħu hu ta' livell dinji u li ma insibux bħalu f'ħafna pajjiżi sinjuri u akbar minna. Dan hu vantaġġ kbir li issa jeħtieġ li nisfruttawh ħafna aħjar milli għamilna s'issa."
Il-Liġi dwar il-Patrimonju Kulturali fil-bidu tagħha tiddikjara x'inhuma l-prinċipji u d-dmirijiet li għandu jħaddan il-poplu Malti. Il-liġi tisħaq li bħala prinċipju fondamentali hu d-dmir ta' kull ċittadin u persuna f'Malta li tipproteġi l-wirt li huwa assi ta' valur spiritwali, kulturali, soċjali u ekonomiku indispensabbli għal ħajja bilanċjata u kompluta.
Il-Konferenza Stampa ġiet indirizzata ukoll mill-President Emeritus Dott. Ugo Mifsud Bonnici.
Il-President tal-Kumitat ta’ Garanzija, l-E.T. Dott. Ugo Mifsud Bonnici qal:
“Kullimkien fid-dinja nħass il-bżonn li wieħed jiddistingiwi bejn dawn it-tlett funzjonijiet. F’pajjiżna din id-distinzjoni tagħmel ħafna sens. L-ewwelnett għaliex tagħti lok għall-ispeċjalizzazzjoni fix-xogħol; it-tieni għaliex tagħmel użu minn talenti ta’ natura differenti fil-qasam tal-wirt kulturali u storiku tagħna. Dan il-wirt għandu siwi kbir kemm għas-sens ta’ l-identita` tagħna bħala nazzjon, kif ukoll fih innifsu għall-valur artistiku, kulturali u soċjali tiegħu, u għandu wkoll valur ekonomiku minħabba l-attrattiva turistika tiegħu. Ma jistax ikollna turiżmu ta’ livell għoli mingħajr ma nħarsu, nikkonservaw, nippreżentaw tajjeb u mhux l-inqas nirrestawraw sew dan il-partimonju kbir. Ta’ min jinnota wkoll li parti sewwa mill-Wirt tagħna huwa Wirt ta’ l-Umanita` kollha u għandha ukoll għalhekk dmir lejn id-dinja kollha, li nieħdu ħsiebu.
Illum kibret il-kuxjenza tal-ħtieġa ta’ l-apprezzament, il-konservazzjoni, ir-restawr u esposizzjoni tajba tal-Wirt Kulturali. Kultant min-naħa l-oħra tinħoloq konfużjoni dwar x’għandu jsir. Huwa għaqli li jkun hemm iktar djalogu bejn is-soċjeta` ċivili in ġenerali u l-awtoritajiet statali jew anki ekklesjastiċi.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN