Reġistrat progress qawwi fi Proġett Skart
Meta l-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura Francis Zammit Dimech kien qed jipprezenta rapport ta’ l-ewwel sitt xhur ta’ hidma tal-Progett Skart, huwa qal li l-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin taħseb li kull sitt xhur isir rapport tal-progress li jkun sar u li dan ikun pubbliku. Dan hu importanti biex ikun żgurat li qed nimxu skond it-timeframes li għamilna u li l-miri qed jintlaħqu.
Francis Zammit Dimech qal li din l-istrateġija, illum magħrufa bħala Proġett Skart, tinkludi 56 miżura, jew azzjoni, li jridu jittieħdu. Hu qal li t-timeframes s’issa ġew kollha milħuqa u f’diversi minnhom qegħdin anke aktar avvanzati mill-miri li għamilna aħna stess. Francis Zammit Dimech qal li mill-56 miżura
- 11 twettqu,
- 21 qed jitwettqu,
- 24 inbdew.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li l-ħidma li qed issir f’dan il-proġett hi maħsuba biex mhux biss jingħalqu l-miżbliet tal-Magħtab u l-Qortin, li jridu jiġu riabilitati u jintużaw għall-ġid komuni, iżda li tinbena l-infrastruttura meħtieġa biex ikun hemm fejn jiġi depożitat l-iskart.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li dan il-proċess jinkludi
- pjani għar-riabilitazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-miżbliet,
- bini ta’ transfer station għall-iskart f’Għawdex biex dan jinġieb Malta f’kontenituri issiġġillati,
- faċilitajiet biex niddisponu minn skart mis-settur tal-kostruzzjoni u minn twaqqigħ ta’ bini, li jammonta għal 80 fil-mija ta’ l-iskart kollu,
- il-bini ta’ landfill, jew landfills, biex jintrema’ fihom l-iskart li jibqa’ wara li niddisponu mill-iskart tal-kostruzzjoni u minn skart li jiġi użat mill-ġdid, riċiklat jew irkuprat,
- l-egħluq ta’ l-inċineraturi kollha li m’humiex tal-livell rikjest,
- faċilitajiet għall-irkuprar u riċiklaġġ,
- Upgrading ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin għall-Kompostaġġ biex ma jkunx ta’ inkonvenjent għan-nies tal-lokal u biex fl-istess waqt jipproduċi ammont akbar ta’ kompost.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li f’Mejju li għadda t-Taqsima tax-Xogħlijiet tat kuntratt ta’ Lm213,333 lill-kumpannija Scott Wilson Kirkpatrick & Company Limited għall-iżvilupp ta’ strateġija ta’ restawr li hu ambjentalment nadif għas-siti tal-miżbliet tal-Magħtab, il-Qortin u Wied Fulija. Dan il-proġett jinqasam f’erba’ stadji u mistenni jitlesta sa’ l-aħħar tas-sena. F’dawn il-jiem ħareġ ir-rapport ta’ l-ewwel stadju tal-proġett li kellu bħala miri speċifiċi dawk li jiżviluppa linji ta’komunikazzjoni u li jiddiskuti problemi relevanti mal-partijiet interessati, li jiġbor u jirrevedi data eżistenti, li jidentifika xi nuqqasijiet fid-data u li jiddisinja u jikkummissjona xogħlijiet għall-istadju li jmiss tal-proġett, jiġifieri l-investigazzjoni fuq is-sit u monitoraġġ ambjentali, teħid ta’ kampjuni u ittestjar.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li kien ppreparat il-Project Description Statement (PDS) għall-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ transfer station għall-iskart solidu f’Għawdex. Dan id-dokument jippreżenta l-iżvilupp ta’ dan l-istazzjon li jrid jilqa’, jagħżel u jipproċessa skart solidu li mhux ġej mis-settur tal-kostruzzjoni u twaqqigħ u li jrid jinġarr f’kontenituri ssiġġilati minn Għawdex u Kemmuna għal Malta. Dan il-PDS hu l-bażi biex jiġu ppreparati t-terms of reference għal Environmental Impact Statement u Traffic Impact Statement li jridu jitħejjew. Il-PDS jipproponi u jfisser il-proġett li jifforma parti essenzjali mill-Istrategija għall-Iskart Solidu u li hu kruċjali għall-iżvilupp ta’ sistema aktar sostenibbli biex ikun immaniġġjat l-iskart fil-gżejjer Maltin.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li 80 fil-mija ta’ l-iskart li sa ftit żmien ilu kien imur fil-miżbla tal-Magħtab hu skart li tiġġenera l-industrja tal-kostruzzjoni. Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’pajjiżna hu ġġenerat bejn 2,000,000 u 2,500,000 tunnellata fis-sena minn dan it-tip ta’ iskart. Madwar 1,200,000 tunnellata minnu imur fil-Magħtab. Il-bqija qed niddisponu minnu f’barrieri liċenzjati apposta u anke fil-baħar f’sit magħżul apposta. Francis Zammit Dimech qal li s-sena l-oħra kien hemm 11-il barriera lliċenzjati li fihom intefgħu 400,000 tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li li l-implimentazzjoni tal-proġett għall-immaniġġjar ta’ l-iskart solidu se tinqasam fi tliet pakketti separati li wieħed minnhom jaħseb għal kuntratt biex jintlaqa’, ikun immaniġġjat, proċessat, irkuprat u jsir disponiment ta’ skart ta’ kostruzzjoni u twaqqigħ ta’ bini.
Francis Zammit Dimech qal li l-Kunsill Konsultattiv għall-Industrja tal-Bini ħejja rapport bi proposti konkreti li ħarġu mill-istrateġija ġenerali tal-Gvern għall-immaniġġjar ta’ l-iskart. Fost proposti oħra dan ir-rapport jipproponi t-twaqqif ta’ diversi depots li fihom jittieħed l-iskart minn bini li qed jinħatt, fejn jintagħżel skond il-materjal sabiex jerġa’ jintuża mill-ġdid, jew jinbiegħ second hand, skond il-kundizzjoni u s-suq tiegħu. Hu qal li proposta oħra tinkludi l-użu ta’ siti magħżula fil-baħar għar-rimi ta’ l-iskart mill-industrja tal-kostruzzjoni, wara studju ta’ l-impatt tiegħu fuq il-ħajja marittima.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li biex isseħħ l-istrateġija li trid twassal għall-għeluq tal-miżbliet eżistenti trid tinbena landfill kontrollata li la tagħmel ħsara lill-ambjent u lanqas lil dawk li jgħixu fil-viċinanzi fejn tinbena. Landfill bħal din tista’ titmexxa anke bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ l-area fejn issir, biex żgur ikun hemm is-salvagwardi kollha tar-residenti li joqgħodu viċin. Francis Zammit Dimech fakkar li aktar kmieni din is-sena ġie ppubblikat l-Project Description Statement dwar iż-żewġ siti li ġew shortlisted għall-bini tal-landfill. Dan kien l-ewwel stadju tal-proċess. Issa se ngħaddu għat-tieni stadju li hu l-preparazzjoni tad-dokument għal offerta għal Environmental Impact Assessment, Traffic Impact Assessment u disinn dettaljat tal-landfill. Dawn id-dokumenti tlestew u ntbaghtu lill-kumpanniji Maltin u barranin li urew interess fil-proġett.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li parti importanti oħra tal-Proġett Skart hi r-riċiklar u l-irkuprar ta’ l-iskart kif ukoll l-egħluq ta’ inċineraturi li m’humiex skond livelli rikjesti. Hu qal li diġa beda l-proċess biex jinbidlu dawn l-inċineraturi.
Fil-każ tar-riċiklar u l-irkuprar ta’ l-iskart il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qal li s’issa diġa ttieħdu diversi miżuri li jinkludu
- L-esportazzjoni ta’ materjal riċiklabbli li minnu s-sena li għaddiet kienu esportati b’Lm2 miljun,
- L-għażla ta’ l-iskart fis-Swieqi u Santa Lucia fejn ir-residenti se jingħataw bins u boroż apposta li huma degradabbli,
- Proġett għal irkupru ta’ żjut użati ta’ l-ikel minn kċejjen ta’ lukandi, ristoranti u postijiet oħra ta’ l-ikel biex jinbidel f’bio-diesel. Dan il-bio-diesel diġa beda jintuża bi prova u b’suċċess fuq vetturi tad-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura,
- Impjant għall-irkupru u riċiklaġġ ta’ żjut tal-vetturi,
- Upgrading ta’ l-impjant għall-Kompostaġġ f’Sant’Antnin.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech qal li Proġett Skart qabad ritmu tajjeb. Qal li kien ta’ sodisfazzjoni għalih jinnota li mhux biss qegħdin inżommu mat-timeframes li ddeċidejna fl-Istrateġija għall-Immaniġġjar ta’ l-Iskart Solidu fil-Gżejjer Maltin iżda f’ħafna każi issuperajnihom. Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern kien ħerqan li jagħti lill-poplu Malti l-mezzi kollha biex l-iskart f’pajjiżna jiġi immaniġġjat tajjeb u bħala riżultat il-gżejjer tagħna jinżammu aktar indaf.
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura wissa kontra min qed iwiegħed miżuri għal-immaniġġjar ta’ l-iskart li mhux biss ma jagħmlux sens iżda huma mgeżwra f’konfużjoni li flok tqarreb aktar lejn soluzzjoni, tbiegħda b’detriment għall-poplu Malti kollu.
Stqarrijiet Oħra:
PR261926
STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU “Sodisfatt bil-qbil bejn il-mexx...
PR261925EN